Is-Segretarji Parlamentari Justyne Caruana u Stefan Buontempo jħabbru r-rebbieħa tal-A+
Din is-sena is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali wettaq l-iskema A+, li kienet primarjament maħluqa għall-għan li tiżdied l-aċċessibbilità għal kulħadd fi proġetti pubbliċi. Għal din l-iskema ġew sottomessi disa’ proġetti infrastrutturali b'valur ta' €700,000 u li bbenefikaw żewg kunsilli lokali, dawk ta’ Ħad-Dingli u tax-Xewkija f'żewġ proġetti b'valur ta' xogħol ta' €360,000.
Waqt żjara f’Ħad-Dingli, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo ħabbru r-rebbieħa tal-A+ ta’ din is-sena, fejn fl-ewwel post ġie il-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli u fit-tieni l-Kunsill Lokali tax-Xewkija, Għawdex.
Fl-intervent tiegħu l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, bħala membru tal-board tal-għażla tal-A+, spjega il-proċess ta’ kif saru s-sottomissjonijiet u l-proċess ta' evalwazzjoni biex intagħżlu l-proġetti rebbieħa skont ir-relevenza u skont l-effetti li kull proġett seta’ jkollu.
Buontempo qal li filwaqt li l-kunsilli lokali huma r-rappreżentanti tal-komunitajiet tagħhom, għandhom id-dmir li jkunu il-gatekeepers għal komunità b'aktar aċċessibbilità.
Huwa kompla jgħid li il-kunsilli lokali, jekk verament jemmnu f'soċjetà inklużiva, għandhom joħolqu opportunitajiet indaqs lil kull membru tal-komunità tagħhom.
"L-iskop ewlieni ta’ dan il-premju", qal Buontempo, "hu li il-kunsilli lokali jinvestu f'titjib infrastrutturali bl-għan li tiżdied l-aċċessibbilità għal persuni b'diżabilità. B'dawn il-proġetti nkunu qed ninvestu mhux biss f'titjib fl-infrastruttura iżda wkoll tiżdied l-aċċessibbilità, b'hekk il-kunsilli lokali jkunu qed jinvestu f’soċjetà inklussiva, kif ukoll joħolqu opportunitajiet indaqs”, kompla jsostni s-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tagħha, Justyne Caruana spjegat kif din l-inizjattiva twieldet mis-Segretarjat għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità biex f'pajjiżna jkollna proġetti tanġibbli b'risq l-aċċessibbilità. Spjegat kif l-aċċessibbilità hija kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Politika u Strateġija Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabiltà. Hija qalet kif l-ewwel ċiklu ta’ dan il-proġett inħadem mal-kunsilli lokali peress li l-kunsilli għandhom l-iktar konnessjoni diretta maċ-ċittadini ta' kull lokalità. Issa li din il-fażi tal-proġett kienet suċċess, wasal iż-żmien li ngħaddu għal fażi oħra biex dan il-proġett jikber u jissaħħaħ.
Caruana enfasizzat li kull proġett mill-ħamsa li ntaghżlu sa issa—Ħal-Qormi, Ix-Xagħra, Tas-Sliema, Ħad-Dingli u Ix-Xewkija—huwa eżempju ta’ kif proġetti simili għandhom ikunu; għalhekk dawn għandhom ikunu mudelli għall-proġetti oħrajn li se jsiru minn kull kunsill lokali.
Hija rringrazzjat lil kull parteċipant u saħqet fuq l-importanza li kull proġett li jsir f'pajjiżna, hu x'inhu u jsir minn min isir, għandu jsir fuq il-mudell ta' disinn universali u dan, mhux biss b'risq il-persuni b'diżabilità, imma għas-soċjetà inġenerali. Dan huwa prinċipju kardinali fil-konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tal-Ġnus Magħquda li Malta ffirmat u rratifikat.
Preżenti kien hemm rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli, tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Ian Borg li għal tmien snin sħaħ mexxa l-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli.