Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qiegħed joġġezzjona għal applikazzjoni li ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tinbena shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta' Ħal Xluq li tinsab fil-konfini tas-Siġġiewi.
Il-Kunsill qiegħed joġġezzjoni għal din l-applikazzjoni għal diversi raġunijiet fosthom li s-sit propost huwa viċin ħafna tal-Kappella ta' Santa Marija ta' Ħal Xluq, li għandha valur storiku u kulturali kbir u għalhekk ħaqqha tiġi mħarsa b’kull mezz possibbli.
Il-Kunsill Lokali qed jgħid ukoll li dan it-tip ta' żvilupp se jkun qed joħloq noise pollution f'żona kkaratterizzata minn kwiet tipiku ta’ żona rurali, u allura ma taqbilx mal-karattru taż-żona.
Il-Kunsill Lokali Siġġiewi sostna li l-iżvilupp propost huwa inkompatibbli mas-sit innifsu u maż-żona ta’ Ħal Xluq li hija waħda rurali u li l-użu tagħha huwa limitat għall-agrikoltura.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tirrifjuta din l-applikazzjoni, "mhux biss għax hemm illegalitajiet fejn qed jiġi propost li jsir il-bini ta' shooting range iżda għaliex il-proposta ma' taqbilx mal-karattru rurali taz-zona tal-Kappella medjevali ta' Ħal Xluq”.
Il-Parroċċa tas-Siġġiewi, Din l-Art Ħelwa kif ukoll residenti taż-żona ta' Ħal Xluq qegħdin ukoll joġġezzjonaw mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar din l-applikazzjoni.