'Ilkoll għandna l-istess demm'

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jniedu kampanja niex titneħħa l-projbizzjoni li persuni omosesswali jagħti d-demm

Illum il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) nieda l-kampanja “Ilkoll għandna l-istess Demm”. L-għan ta’ din il-kampanja huwa li naħdmu favur it-tneħħija tal-projbizzjoni infurzata mill-Blood Donation Unit fi ħdan is-Servizz tas-Sahha, jigifieri dik li ma tħalliex irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra jagħtu d-demm.

Il-FŻL jemmen li d-donazzjoni tad-demm hija att ta’ ġenerożita u responsabilta lejn is-soċjeta li m’għandiex tkun ikkundizjonatha mill-orjentazzjoni sesswali.

Il-Qorti Ewropea ddeskriviet din il-projbizzjoni bhala waħda li tikser il-principju tal-proporzjonalita. F’dan il-każ, tabib Franċiż irrifjuta donazzjoni tad-demm mingħand Geoffrey Leger fl-2009 abbażi li dan kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel iehor. Din id-deċiżjoni wasslet biex fi Franza tneħħiet din il-projbizzjoni u minflok daħal differiment ta’ 12-il xahar minn meta kien hemm att sesswali bejn żewġ irġiel sa meta issir id-donazzjoni tad-demm.

Għaldaqstant l-FŻL  jemmen bis-sħiħ li l-projbizzjoni imposta fuq irġiel omossesswali hija diskriminatorja abbażi tal-orjentazjoni sesswali taghhom, dan minkejja li l-Kostituzzjoni ta’ Malta toffri protezzjoni kontra diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

Riċentament, ir-regola li tipprojbixxi għal kollox donazzjoni tad-demm tneħħiet ukoll mill-American Food and Drug Administration, li ppublikat linji gwidi godda. Dawn neħħew din il-projbizzjoni u minflok żiedu r-rekwiżit li raġel li kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel ieħor irid jistenna 12-il xahar qabel ma jagħti donazzjoni tad-demm. Dan ir-rekwiżit daħal fis-seħħ ukoll fl-Awstralja, l-Ingilterra, Franza, Spanja u l-Italja.

Għalhekk l-FŻL qed tipproponi li d-donazzjoni tad-demm tkun:Differita bi tnax-il xahar mill-iktar kuntatt sesswali riċenti li raġel kellu ma’ raġel ieħor. Differita bi tnax-il xahar mill-iktar kuntatt sesswali riċenti li mara kellha ma’ raġel ieħor meta dan tal-aħħar kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel ieħor. Għandha tkun ċara li ma hemm l-ebda projbizzjoni jew differiment fil-każ ta’ mara li kellha relazzjoni sesswali ma’ mara oħra.

 

 

More in Socjali