L-ispejjeż għall-manutenzjoni żdidulna bejn 300% u 500%...tal-vannijiet jitkellmu mal-Illum

Is-sidien tal-vannijiet jirrispondu għall-ilmenti tal-ġenituri dwar tariffi ogħla għat-trasport tal-iskola u jfakkru fl-ispejjeż li jridu jifdu u li qed jikbru

Tal-vannijiet ifakkru li l-ispejjeż qed jizdiedu...
Tal-vannijiet ifakkru li l-ispejjeż qed jizdiedu...

L-aktar raġuni komuni li jagħtu ħafna ġenituri dwar l-għaliex jagħżlu li jwasslu t-tfal l-iskola bil-karozza privata tagħhom, hija li t-trasport huwa għoli ħafna, u li jogħla ma’ kull sena li tgħaddi.

Infatti din il-gazzetta tkixxfet dwar il-prezzijiet għat-trasport ta’ xi skejjel privati offruti minn koperattiva għat-trasport tal-iskejjel u rriżulta li din is-sena il-prezzijiet se jkunu ta’ bejn €498 u €582 fis-sena, bid-differenza tkun skont id-distanza bejn id-dar tal-istudenti u l-iskola. Ikkumparat mas-snin ta’ qabel, il-prezz tat-trasport kellu żieda ta’ bejn 4% u 11%.

Ħafna ġenituri infatti, ilmentaw li ż-żieda fil-prezzijiet tikkanċella l-benefiċċju ta’  €150 tnaqqis fis-sena mit-taxxa li ngħatat lilhom bħala inċentiv biex jużaw is-servizz tal-vannijiet flok iwasslu t-tfal bil-karozzi tagħhom. 

Il-ġenituri ħassew li ż-żidiet fil-prezzijiet ma kinux iġġustifikati u għaldaqstant ħassew li jaqblilhom jużaw il-karozza tagħhom, jaħlu l-petrol tagħhom u jeħlu fi traffiku ġġenerat minnhom stess minflok jibagħtu t-tfal l-iskola bil-vannijiet.

L-ILLUM tkellmet ma’ xi sidien ta’ vannjiet li jwasslu t-tfal f’numru ta’ skejjel privati u staqsiethom dwar il-fatturi li setgħu affettwaw iż-żieda fil-prezzijiet mitlubin lill-ġenituri.

Bl-obligu li l-vannijiet ikunu kollha mgħammra b’magni mhux inqas minn Euro4, is-sidien tal-vannijiet ikollhom jixtru vannijiet moderni li jiswew bejn €30,000 u €50,000. Minbarra l-ispiża inizjali biex jinxtara l-vann, l-ispejjeż tal-manutenzjoni fuq dawn il-vetturi moderni huma ħafna ikbar minn ta’ dawk antiki. In-nefqa għall-manutenzjoni u ħsarat żdiedet b’medja ta’ 300% u 500% kkomparati ma’ vetturi eqdem. Meta vettura moderna tieqaf minħabba ħsarat ħafna drabi jkun ifisser li s-sid jagħmel diversi ġranet u anke ġimgħat mingħajr il-vettura sakemm din tissewwa għand l-aġent u jiġu ordnati l-’parts’ filwaqt li minħabba s-sempliċità ta’ vetturi eqdem, ċerti ħsarat kienu jissewwew f’ħin qasir u b’nefqa ħafna inqas.

Apparti hekk, il-konsum tad-disil ta’ vetturi iktar moderni huwa ferm iktar milli kien fuq vetturi eqdem. Dawk is-sidien li biddlu l-vetturi tagħhom f’dawn l-aħħar snin ħassew qabża fin-nefqa tad-diesel ta’ għexiren ta’ ewro fil-ġimgħa. 

Dawn iż-żidiet kollha, bilfors ikollhom jirriflettu fil-prezz li jintalab għas-servizz.

Id-distanza u l-ħin li jieħu l-vjaġġ jaffetwaw il-prezzijiet

Il-bażi tal-prezz, tiġi kkalkulata fuq vjaġġ lejn l-iskola u lura u jiddependi mid-distanza bejn il-post minn fejn jitrikkbu t-tfal u l-iskola u l-ħin li jieħu l-vjaġġ.

Hawnhekk diġà tidħol l-ewwel problema affetwata mit-traffiku stess. Peress li parti kbira tal-vjaġġ ikun imwaħħal fi-traffiku, il-ħin biex jitwasslu t-tfal l-iskola jitwal, għaldaqstant is-sidien tal-vannijiet kellhom inaqqsu l-ammont ta’ vjaġġi li jistgħu jagħmlu f’għodwa waħda. Dan jaffetwa l-prezz li jrid ikopri l-ispejjeż u l-paga tax-xufier.

Infatti, koperativa għat-trasport partikolari, spejgat kif 10% taż-żieda fil-prezzijiet kellha ssir biex tkopri parti mill-ispejjeż għall-operat.

Klawsoli dwar il-kundizzjoni tal-vannijiet ipoġġu piż kbir fuq is-sidien tal-vannijiet

Minħabba tibdil kontinwu dwar l-istandards tal-vetturi mill-awtoritajiet u anke mill-iskejjel stess, is-sidien tal-minibuses dejjem iridu jkunu preparati għal spejjeż ġodda. Filwaqt li fil-passat dawn is-sidien kellhom rashom mistrieħa li jekk il-vettura tgħaddi mill-VRT din tista’ tintuża għax-xogħol, f’dawn l-aħħar 8 snin, kull sena, il-ministeri tat-trasport u tal-edukazzjoni ħarġu bi klawsoli ġodda dwar il-kundizzjoni tal-vetturi, li biex jintlaħqu, ħafna sidien tal-vannijiet kellhom jonfqu somom kbar f’modifiki, jew f’xiri ta’ vetturi ġodda.

Il-prezzijiet u ż-żidied huma ġustifikati…

Is-sitwazzjoni kif inhi, saħansitra ġiet studjata mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fejn ġie uffiċjalment iddikjarat li l-prezzijiet mitlubin mis-sidien tal-vannijiet u l-persentaġġ taż-żidied annwali huma ġusti u jirriflettu l-ispejjeż tas-sidien tal-vannijiet.

Madankollu tibqa’ l-problema li ħafna ġenituri jibqgħu jippreferu jwasslu t-tfal l-iskola huma stess, għad-detriment tas-sistema tat-traffiku tal-pajjiż kollu, li minnha jbatu huma stess u li minħabba f’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-istess żieda fil-prezzijiet li huma stess qed jopponu…

More in Socjali