filmat | Is-sit tas-Salini jingħata f'idejn il-Birdlife

Birdlife Malta tiddeskrivi dan il-ftehim bħala storiku u memorabbli...is-Salini jingħaqad mas-Simar, Għadira u Foresta 2000

Illum kien iffirmat ftehim li permezz tiegħu l-Gvern għadda s-sit tas-Salini f’idejn BirdLife Malta li issa se tkun responsabbli mit-tmexxija tiegħu.

Il-Heads of Agreement (HOA) kien iffirmat waqt ċerimonja li saret fis-Salini stess dalgħodu. F’isem il-Gvern iffirmaw il-ftehim is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (MSDEC) Joseph Caruana u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) Christopher Cutajar filwaqt li għal BirdLife Malta ffirma l-ftehim il-President Darryl Grima. Dan sar fil-preżenza tal-Ministri rispettivi Josè Herrera u Joe Mizzi u ta’ numru ta’ mistednin li attendew għal dan l- avveniment u li kienu jinkludu membri parlamentari, is-sindki tal-lokalitajiet tal-madwar, rappreżentanti tal-entitajiet u l-NGOs ambjentali f’pajjiżna, persuni li kienu involuti fit- twettiq tal-proġett tar-riabilitazzjoni tas-Salini, kif ukoll rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet, ażjendi u għaqdiet li huma bbażati fil-viċinanzi tas-Salina.

BirdLife Malta diġà tmexxi numru ta’ siti naturali li matul is-snin ġew fdati f’idejha mill-Gvern biex timmaniġġjahom wara li kkontribwiet għar-restawr tal-ekosistemi tagħhom – ir-Riserva Naturali tal-Għadira fil-Mellieħa, dik tas-Simar f’San Pawl il-Baħar u z-zona kbira ta’ afforestazzjoni ‘Foresta 2000’ fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Issa ma’ dawn se jiżdied ukoll is-sit tas-Salini li l-Gvern illum beda t-triq biex jgħaddih formalment f’idejn BirdLife Malta biex tmexxih hi wara l-istorja ta’ suċċess miksuba mill- NGO ambjentali f’dan il-qasam. Dan tal-lum hu biss l-ewwel pass lejn it-trasferiment tas-sit għax issa jmiss li n-naħat kollha jaqblu fuq struttura ġenerali li fuqha jiġi finalizzat u ffirmat il-Management Agreement finali.

Din se tkun l-akbar riserva f’idejn BirdLife Malta fejn apparti l-istorja marbuta mal- produzzjoni tal-melħ, il-pubbliku jkun jista’ jgawdi wkoll numru ta’ għasafar ġodda li jiġu attirati lejn dan il-post, u forsi anke jibdew ibejtu f’dan is-sit. Is-sit diġà wera l-potenzjal tiegħu b’numru ta’ għasafar li sena wara sena jinżlu jistrieħu fih mill-vjaġġ tagħhom tal- passa. Fost dawn, hemm l-aktar għasfur sinonimu mas-Salini fl-Ewropa, speċjalment fil- Mediterran – il-Fjamingu.

Is-sit tas-Salini f’Burmarrad hu protett bħala parti min-netwerk Natura 2000 u hu klassifikat ukoll bħala Zona Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) minħabba l-flora u l-fawna endemiċi li wieħed isib f’dan il-post. L-għadajjar tal-melħ (salt pans) fis-Salini nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu sittax, u s-sit ġie riabilitat bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-kumpless jinkludi wkoll tliet għarajjex (huts) li reġgħu nbnew fuq is-disinji oriġinali ta’ żmien l-Ingliżi li kienu bnewhom fis-seklu tmintax għall-produzzjoni tal-melħ, b’waħda minnhom isservi bħala ċ-ċentru tal-viżitaturi. Jinkludi wkoll il-binja magħrufa bħala r-Ridott ta’ Ximenes (fortizza żgħira bla swar iżolata) li nbniet fl-1715/16 tul ir-renju tal-Gran Mastru Perellos bħala parti mill-istrateġija tal-Kavallieri għad-difiża tal-Gżejjer Maltin permezz tal- bini ta’ fortifikazzjonijiet kostali. Aktar tard fis-seklu tmintax parti mir-ridott inbidlet f’maħżen għall-melħ u l-Gran Mastru Ximenes kabbar il-binja għal dan il-għan.

Fil-messaġġ tiegħu għall-okkażjoni, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Josè Herrera qal li llum il-Gvern qed jibgħat sinjal ieħor pożittiv, li jemmen bis- sħiħ fl-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu b’risq l-ambjent f’pajjiżna. Hu qal li qed terġa’ tinkiteb l-istorja bħalma gvernijiet preċedenti kitbu l-istorja tletin sena ilu meta għaddew lil din l-istess għaqda t-tmexxija tar-riservi naturali tal-Għadira u tas-Simar. Huwa kompla jgħid li BirdLife Malta tul is-snin tat turija li hija kompetenti u professjonali biex tmexxi proġetti ta’ natura nazzjonali. Qal li din l-għaqda għarfet li maż-żmien tridittejjeb l-istrutturi tagħha sabiex tkompli tikber, ħalli b’hekk tinvesti u tkattar f’pajjiżna din l-imħabba favur l- ambjent. Il-Ministru Herrera ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jiġu organizzati sensiela ta’ attivitajiet biex dan il-post isir destinazzjoni popolari mal-Maltin u l-barranin, għaliex dan huwa proġett li se jkompli jsaħħaħ il-bijodiversità u l-ambjent naturali ta’ pajjiżna, filwaqt li se jesponi għall-pubbliku l-istorja ta’ dan is-sit permezz taċ-Ċentru tal-Viżitaturi.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi spjega li l-proġett ta’ riabilitazzjoni tas-Salini kien proġett parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, taħt il-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 – “Konservazzjoni tal-Wirt Naturali u Kulturali” proġett li ġie jiswa 7 miljun ewro u li huwa mifrux fuq 154,000 metru kwadru. Huwa qal li f’dawn l-aħħar tliet snin, il-proġett ingħata spinta kbira. It-tim li ħadem fuq dan il-proġett għamel xogħol kbir, fejn sar ir-restawr tas-salini, ir‐restawr tal‐Ximenes u l‐fougasse li kien instab mirdum, il‐bini mill‐ġdid tat-tliet strutturi tal-injam (huts) li kienu ddeterjoraw għalkollox u reġgħu nbnew b’mod li jirrispettaw l-ambjent tal-madwar, ir‐riabilitazzjoni tal‐ bur mielaħ (salt marsh) kif ukoll it‐tindif tax‐xagħri. Il-Ministru temm jgħid li l-iskop kollu wara dan il-proġett huwa biex is-sengħa tal-produzzjoni tal-melħ terġa’ tieħu l-ħajja u l-post jinbidel f’ċentru ta’ attrazzjoni għall-Maltin u turisti, biex japprezzaw il-potenzjal naturali, kulturali u arkeoloġiku li dan il-post joffri.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li din hija turija oħra ta’ fiduċja mill- Gvern f’BirdLife Malta, fiduċja li l-NGO tapprezzaha u tilqagħha bir-responsabbiltà kollha li ġġib magħha. Hu appella biex nieħdu ħsieb il-ftit ambjent naturali li għandna u biex inkomplu naħdmu biex il-kuxjenza ambjentali f’pajjiżna tibqa’ tiżdied. Filwaqt li qal li BirdLife Malta mhix se toqgħod lura milli tikkritika kull fejn ikun hemm bżonn imma wkoll lesta tkompli taħdem id f’id mal-gvern biex jintlaħqu l-obbligi ambjentali ta’ Malta, Mark Sultana appella wkoll lill-Gvern biex l-importanza lill-ambjent naturali toħroġ ’il barra mill-konfini tar-riservi naturali u tinfirex mal-pajjiż kollu.

Matul iċ-ċerimonja ta’ dalgħodu minbarra d-diskorsi uffiċjali min-naħa tal-Ministri Herrera u Mizzi u mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana, l-udjenza preżenti setgħet issegwi produzzjoni awdjo-viżiva mħejjija apposta dwar il-proġett tat-trasformazzjoni tas-Salini u oħra dwar l-istorja ta’ BirdLife Malta. L-attività tmexxiet mill-preżentatriċi televiżiva Pauline Agius.

Il-ħsieb ta’ BirdLife Malta hu li s-sit tas-Salini issa jibda jinfetaħ għat-tgawdija tal-pubbliku. L- ewwel okkażjoni li se jkollu l-pubbliku biex iżur dan il-post se tkun f’Novembru meta hu ppjanat li s-sit jiftaħ il-bibien tiegħu waqt open weekend li se jsir apposta. 

More in Socjali