Il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan se joġġezzjona għall-masterplan ta' Paceville

Il-Kunsill jgħid li l-masterplan ta' Paceville qed ineħħi d-dritt taċ-ċittadin li jgawdi l-proprjetà tiegħu

Il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan, f'laqgħa b'urġenza saħaq li l-Masterplan għal Paceville kif inhu propost fil-preżent mhux qed jinkorpora fih il-ħtiġijiet tar-residenti, u sostnew li għandu jkun hemm kunsultazzjoni wiesgħa ma' dawk kollha li b'xi mod se jkunu qed jintlaqtu minn dan il-proġett. Minħabba f'hekk, il-Kunsill Lokali qal li għandu r-riżervi tiegħu għall-Masterplan kif ippreżentat u 'se jissottometti l-oġġezzjoni tiegħu biex dan ma jiġix approvat kif propost.'

F'mozzjoni li ġiet approvata mill-kunsill, ġew elenkati numru ta' punti li l-Kunsill Lokali qed jgħid li l-masterplan propost, mhux qed jikkunsidra. Fosthom, il-mozzjoni tgħid li l-esproprjazzjoni tal-art kif proposta, 'hija illegali, għaliex il-Gvern jesproprja proprjetà privata għal skopijiet pubblikċi u mhux biex jakkomoda entitajiet privati.'

Jingħad ukoll li l-masterplan qed jabbanduna d-dritt ta' kull ċittadin li jgawdi l-proprjetà tiegħu, waqt li saħaq li l-kwalità ta' ħajja tar-residenti ta' San Ġiljan u l-madwar se jkun impattat negattivament għal diversi snin. Jgħidu li minħabba l-iżvilupp li qed ikun propost, iż-żona se tkun prattikament żona ta' kostruzzjoni għal numru ta' snin, u dan 'b'konsegwenzi mhux biss għar-residenti li jridu jgħidu l-ħajja tagħhom f'post ta' kostruzzjoni, iżda jaffetwa l-komunità kummerċjali għax in-nies fosthom turisti se jibqgħu 'l bogħod.

Il-Kunsill saħaq li bi proġett bħal dan, se jkunu attirati mal-18,000 persuna kuljum fiż-żona u għalhekk, 'se joħloq problema finanzjarja, għaliex l-allokazzjoni tal-kunsill tkun ikkalkulata fuq in-numru ta' persuni reġistrati biss'. Il-Kunsill iżid jgħid li dan il-proġett se jkun qed joħloq pressjoni żejda fuq it-traffiku, l-infrastruttura, l-immaniġġjar tal-iskart u tindif. Dan filwaqt li qalu li se tkun qed tinħoloq konġestjoni ta' bini f'żona żgħira, waqt li se jkun hemm ħafna dellijiet fuq bosta nħawi minħabba t-torrijiet proposti.

More in Socjali