L-Assoċjazzjoni tal-Iżiluppaturi Maltin qalu li qed jappoġġjaw il-proposta tal-Kampanja Paga Minima Diċenti sabiex il-paga minima tkun qed tiżdied.
L-MDA qalet ukoll li taqbel li wasal iż-żmien li jkun rivedut il-mekkaniżmu kif jinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (il-COLA) biex dan jirrifletti ċ-ċirkostanzi ekonomici ta’ llum.
L-MDA sostniet li temmen li issa li l-pajjiż għandu ekonomija b’saħħitha, hu l-mument li kull min waqa’ lura jkollu żieda fid-dħul tiegħu. Dan ma jfissirx li għadna nabbandunaw id-direzzjoni li l-paga għandha tkun marbuta mal-produttività. Il-verità hi li fis-settur privat diġà qed jingħataw pagi tajbin minħabba n-nuqqas ta’ nies imħarrġa u għalhekk il-ftit li waqgħu lura għandhom ikollhom paga minima diċenti."
L-assoċjazzjoni kompliet tgħid li tħeġġeġ lill-Gvern biex jipprovdi aktar taħriġ lill-persuni ta’ età żgħira li jabbandunaw l-istudju akkademiku u jitilqu mill-iskola kmieni. B’hekk dawn ukoll isibu opportunitajiet ta’ xoghol aħjar b’pagi tajbin.