Iktar kmieni llum l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nediet l-inizjattiva ‘Reading Stars/ Brillantini tal-Qari’.
Din l-inizjattiva, tippromwovi l-imħabba għall-qari f’kull ħin u kull mument. Hija mmirata għal dawk it-tfal li għandhom għal qalbhom il-qari li juru impenn lejn il-qari. It-tfal u l-adoloxxenti li jħobbu jaqraw se jiġu rikonoxxuti talli huma jservu ta’ mudell għal tfal oħra meta jaqraw f’postijiet pubbliċi.
Waqt din it-tnedija, erba’ studenti ngħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent, għotja ta’ kotba mill- Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u voucher mill-Merlin Library li huwa l-isponsor ta’ din l-inizjattiva. L-istudenti qraw siltiet mill-kotba favoriti tagħhom u siltiet li kitbu huma stess.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo feraħ lil dawn l-istudenti u ħeġġiġhom ikomplu jaqsmu l-imħabba li għandhom lejn il-qari kull fejn imorru.