‘Meħtieġa sistema edukattiva li tindirizza l-ħtiġijiet ta' studenti bl-awtiżmu’ – Miriam Dalli

Il-MPE Laburista Miriam Dalli sejħet għal aġġornament tas-sistema edukattiva biex din tkun aċċessibli għal kulħadd, inkluż studenti b’awtiżmu.

Il-MPE Laburista Miriam Dalli sejħet għal aġġornament tas-sistema edukattiva biex din tkun aċċessibli għal kulħadd, inkluż studenti b’awtiżmu.

Dalli qalet dan waqt konferenza li organizzat il-Ġimgħa filgħodu, li iffukat fuq l-Awtiżmu u d-diffikultajiet li studenti b’awtiżmu jiffaċċjaw speċjalment fl-edukazzjoni.

“Fil-preżent, is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna ddur madwar l-istampa ta’ student tipiku. Min ikollu neċessitajiet oħra ma jkollux għażla ħlief li jipprova jadatta u jlaħħaq ma’ oħrajn. Din mhix ġusta. Fil-kuntest tal-awtiżmu, għandna student b’moħħ li jaħdem b’mod differenti, u dan jirrifletti l-bżonn li jkollna metodi ta’ tagħlim differenti biex jgħinu dawn l-istudenti,” qalet Dalli.

Hi laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern Malti diġà qed jaħdem fuq strateġija nazzjonali għall-Awtiżmu, u qalet li din issaħħaħ id-drittijiet ta’ persuni bl-awtiżmu u l-familjari tagħhom.

“Personalment naf bosta ħbieb tiegħi bl-awtiżmu li jużaw id-determinazzjoni u l-enerġija tagħhom biex jegħlbu l-isfidi tagħhom, madankollu l-ambjent ta’ tagħlim ta’ madwarhom ikun ta’ tfixkil flok ta’ għajnuna. Għalhekk nittama li tali strateġija nazzjonali tindirizza dawn in-nuqqasijiet fis-soċjeta’ tagħna,” temmet tgħid Miriam Dalli.

Il-konferenza laqqgħet policy-makers ma’ akkademiċi f’dan il-qasam, u ma’ bosta ġenituri ta’ studenti awtistiċi. Fost dawk preżenti kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilita’ Justyne Caruana, l-MP Claudio Grech, u l-Viċi-President tal-għaqda Autism Europe, Pietro Cirrincione.

More in Socjali