74% tat-tfal b’basket tqil iżżejjed

Uħud mit-tfal ikunu qed iġorru iktar minn 20% tal-piż tagħhom fuq daharhom

Kważi tlieta minn kull erbgħa, jew 74% tat-tfal fl-iskola Primarja jġorru fuq daharhom basket tal-iskola tqil iżżejjed. Minn eżerċizzju li għamlet il-gazzetta ILLUM fost 42 tifel u tifla fl-iskejjel primarji, irriżulta li l-basket tal-iskola li jieħdu magħhom kuljum, jiżen iktar mill-ammont rakkomandat ta’ 10% tal-piż tal-istudent.

Din il-gazzetta żaret tliet skejjel primarji tal-Gvern madwar Malta u wiżnet il-basktijiet tal-iskola ta’ numru ta’ studenti, qabblithom mal-piż tal-istudenti, u kkalkulat x’persentaġġ tal-piż tagħhom huwa l-basket li qed iġorru.

Il-piż ideali ta’ basket tal-iskola huwa ta’ mhux iktar minn 10% tal-piż tal-istudent, iżda f’74% tal-każi li din il-gazzetta ltaqgħet magħhom, dan ma kienx il-każ. Iktar minn hekk, numru ta’ tfal qegħdin iġorru basktijiet li l-piż tagħhom jammonta għal iktar minn 20% tal-istudent. Fil-fatt, f’każ partikolari, tifla li tiżen 25kg, kienet qed iġġorr basket ta’ ftit inqas minn 6kg, u għaldaqstant, dan ifisser li din l-istudenta qed iġġorr fuq daharha iktar minn 23% ta’ kemm tiżen.

It-tfal qed iġorru medja ta’ 14% tal-piż tagħhom fuq daharhom
Meta wieħed jikkalkula l-piż tal-basktijiet ta’ dawn it-tfal kollha, il-medja tagħhom tlaħħaq it-3.9kg li t-tfal ikollhom iġorru kuljum, bl-itqal basket kien jaqbeż is-6.3kg fuq student tal-ħames sena tal-Primarja li jiżen madwar 35kg. Il-piż ideali ta’ basket għal dan l-istudent, suppost m’għandux jaqbeż l-10% tal-piż tat-tifel, allura 3.5kg. Fil-fatt, waqt li l-persentaġġ ideali ta’ basket ma jaqbiżx dan l-10%, il-medja fost it-42 student li ġew mistoqsija minn din il-gazzetta, fil-fatt kien 13.5%.

Din il-problema ta’ piż żejjed fil-basktijiet ma tidhirx biss f’etajiet partikolari, iżda tista’ tgħid li hija mifruxa fuq l-etajiet kollha tal-Primarja, minn Year 1 sa Year 6. Lanqas hi problema kkonċentrata fuq żona waħda tal-pajjiż, għaliex fit-tliet skejjel mifruxa mal-pajjiż li żaret din il-gazzetta, kollha kemm huma kellhom il-maġġoranza tal-istudenti li tkellimna magħhom b’basket b’piż żejjed. Fil-fatt, skola partikolari mit-tlieta li żaret din il-gazzetta, kellha l-istudenti kollha mistoqsija, b’basket li jeċċedi l-10% tal-piż tagħhom.

Diversi ġenituri li tkellmu ma’ din il-gazzetta, ilmentaw li l-piż tal-basktijiet li qed ikollhom iġorru wliedhom huwa wisq, u saħansitra ġieli jħossuh tqil wisq huma stess, meta jkunu qed iġorruhulhom minn u lejn l-iskola. Fil-fatt, qalu kif huma jinsabu inkwetati li dan il-piż żejjed li qed iġorru wliedhom, jista’ jaffettwa s-saħħa tagħhom, partikolarment il-muskoli u l-għadam tad-dahar.

Oħrajn saħqu li fil-preżent, uħud mill-klassijiet, minkejja li huma mgħammra bil-lockers jew inkella spazju taħt il-mejda fejn wieħed jista’ jħalli xi kotba li ma jkunux se jintużaw, dawn jibqgħu vojta. Fil-fatt, diversi ommijiet insistew li ħafna mill-kotba u fajls li jużaw it-tfal, ma setgħux jitħallew fil-klassi minħabba li kienu se jiġu bżonnhom id-dar għall-istudju jew għax-xogħol tad-dar.

Min-naħa l-oħra, xi ġenituri li l-basktijiet ta’ wliedhom ma kinux jeċċedu l-piż rakkomandat, sostnew li f’ħafna mill-każi, jiġi mill-ġenituri li jiċċekjaw li l-basket ta’ wliedhom għandu fih l-affarijiet li huma verament neċessarji u mhux kotba żejda.

Diversi ġenituri, min-naħa l-oħra tefgħu l-ħtija fuq l-għalliema, fejn qalu li dawn qed jgħabbu lil uliedhom b’piżijiet żejda meta jitolbuhom iġorru ħafna kotba magħhom għal-lezzjonijiet differenti, umbagħad it-tfal ikollhom jieħdu l-kotba lura d-dar sabiex jużawhom għall-homework.

Għalliema mill-banda l-oħra kkummentaw li min iwaħħal fihom, ma jafx x’jirrikjedi dan ix-xogħol. Żiedet tgħid li f’ħafna mill-iskejjel, hemm lockers u time tables li għandhom jiġu utilizzati għall-vantaġġ tal-istudenti, biex dawn ma jġorrux l-affarijiet li mhux se jkunu sew jiġu bżonn dakinhar. Għaldaqstant, din l-għalliema appellat lit-tfal u anke lill-ġenituri sabiex jaraw sew x’għandhom bżonn jieħdu magħhom l-iskola, u qalet li f’xi każi minħabba għażż fost l-oħrajn, it-tfal ma jarawx x’għandhom bżonn għal dik il-ġurnata, u jħallu l-kotba kollha fil-basket.

Finalment, din l-għalliema indikat li l-problema hi li f’ħafna każi, dak li jiġi mgħallem l-iskola, ma jibqax jiswa d-dar.

More in Socjali