Delia jingħaqad mal-Karkariżi u jerfa' l-vara ta' Santa Elena
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, li huwa Karkariż mill-kbar, ilbieraħ refa' lil Santa Elena hija u ħierġa min-niċċa

More in Socjali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, li huwa Karkariż mill-kbar, ilbieraħ refa' lil Santa Elena hija u ħierġa min-niċċa
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, Karkariż mill-kbar, ilbieraħ mhux biss attenda għall-ħruġ min-niċċa tal-vara ta' Santa Elena iżda ddeċieda wkoll li jerfa' l-vara hija u tinħareġ fil-korsija tal-Bażilika biex tibda triqtha sa fuq iz-zuntier.
Meta tkun riesqa xi elezzjoni, mdorrija naraw il-politiċi jduru il-festi biex jiltaqgħu man-nies, iżda f'dan il-każ Delia kien fil-festa tar-raħal tiegħu stess.
Bħal ma jiġri dejjem kull meta jissemma politiku, kien hemm Nazzjonalisiti li faħruh, Laburisti li kkritikawh u oħrajn li ħadu t-triq tan-nofs u staqsew x'fiha ħażin li jieħu sehem fil-festa tiegħu.
Anke jekk ma tkunx xi akkanit kbir tal-festa, jew ma tantx ikollok ċans għaliha, xi ftit jew wisq xorta waħda tibqa' kburi jew kburija bil-festa tar-raħal tiegħek u għal ħafna, il-mument tal-ħruġ min-niċċa, jkun wieħed mill-aktar mumenti emozzjonanti ta' ġimgħa ċelebrazzjonijiet.
Huma ħafna dawk il-politiċi li għandhom għal qalbhom il-festa. L-eks Deputat Laburista Joe Debono Grech qatt ma qagħad lura milli jsemmi lil Santa Elena kull meta kellu ċ-ċans u dan biex ma nsemmux lill-President Emeritu Eddie Fenech Adami u lill-Ewroparlamentari Alfred Sant, it-tnejn minn Birkirkara.
F'Santa Katarina taż-Żejtun, x'aktarx se tara wkoll lill-Ministru Carmelo Abela biswit il-vara, fil-Mosta se tilmaħ żgur lid-Deputat Edwin Vassallo li mhux l-ewwel darba li refa' fil-vara ta' Santa Marija u fil-Balluta se tara jirsisti lill-eks Deputat, illum Ambaxxatur tal-Greċja, Joseph Cuschieri.
Filwaqt li jdur festi oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma jitlef il-festa tal-Qalb ta' Marija ta' Burmarrad u l-istess l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, nhar is-16 ta' Lulju ma jitlifx il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta.
Mhux hekk biss, imma ħafna drabi, il-festa għandha t-tendenza li tgħaqqad lill-politiċi. Fil-marċ tal-ewwel tridu ta' Ħal Qormi, mhux l-ewwel darba li dehru jerfgħu l-istatwa tad-dimostrazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u anke d-Deputat Nazzjonalista Cylde Puli.