Jitlesta l-proġett fl-arterja prinċipali u r-‘roundabouts’ ta’ Ħaż-Żebbuġ

...jikkonsisti fid-disinn u l-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts prinċipali ta’ din il-lokalità....

Ritratt minn fuq tat-triq illi fuqha sar l-investiment
Ritratt minn fuq tat-triq illi fuqha sar l-investiment

Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jħabbar li Infrastructure Malta temmet it-titjib taż-żewġ roundabouts prinċipali f’Ħaż-Żebbuġ kif ukoll tat-triq arterjali ta’ bejniethom, Triq l-Imdina. Dan l-investiment ta’ €0.5 miljun jikkonsisti fid-disinn u l-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts prinċipali ta’ din il-lokalità, jiġifieri dik ta’ ħdejn il-Bieb De Rohan u dik ta’ fejn l-iskola St Dorothy’s, kif ukoll twessigħ u disinn aħjar tat-triq ta’ bejniethom.

Il-proġett tlesta fi ftit inqas minn xahrejn u rriżulta mhux biss f’aktar effiċjenza u sigurtà, iżda anke f’aktar faċilitajiet għal mezzi alternattivi tat-trasport. Fi promozzjoni ta’ rispett fit-triq u intermodalità, dan il-proġett daħħal ukoll diversi kunċetti ġodda f’Malta, kunċetti li huma favur iċ-ċikliżmu.

Minbarra l-użu ta’ sharrows biex javżaw lis-sewwieqa u ċ-ċiklisti li waħda miż-żewġ korsiji ‘l isfel ta’ Triq l-Imdina u s-service road ta’ ma’ ġenbha fid-direzzjoni ‘l fuq issa huma dedikati bħala korsija maqsuma ghaż-żewġ utenti tat-toroq, dan li-proġett jinkludi wkoll żviluppi oħra favur iċ-ċikliżmu. Il-pelican pedestrian crossings matul din it-triq ġew iddisinjati mill-ġdid biex jinkludu advance stop signs għaċ-ċiklisti. Dawn is-sinjali, li jinkludu parti miżbugħa ħadra dedikata għaċ-ċiklisti mal-ġnub tal-qsim jiżguraw li ċ-ċiklisti jkollhom l-ispazju neċessarju biex jieqfu u jistennew lin-nies jaqsmu t-triq b’mod sikur. Dawn jagħtuhom ukoll prijorità biex ikomplu jivjaġġaw quddiem il-karozzi li jkunu qed jivjaġġaw fl-istess direzzjoni malli t-traffic lights jaqilbu ħodor. Apparti dan, it-titjib li sar fuq ir-roundabout viċin tal-iskola St Dorothy’s se jintroduċi wkoll sistema xierqa ta’ korsiji għaċ-ċiklisti biex tiffaċilita l-użu tar-rota f’din il-ħolqa. Dawn id-disinji qed jiġu implimentati bħala proġett pilota għall-iżvilupp eventwali ta’ aktar faċilitajiet favur iċ-ċikliżmu f’ħoloq oħra b’roundabouts fin-network tat-toroq Maltin.

Dawn l-iżviluppi ġew diskussi ma’ rappreżentanti tal-komunità taċ-ċiklisti waqt diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li ttellgħu qabel l-implimentazzjoni tal-proġett. Ir-roundabout ta’ Bieb De Rohan ingħatat disinn ġdid kif ukoll aktar approach lanes għal ħruġ aktar sikur u effiċjenti mit-toroq li jingħaqdu magħha, filwaqt li r-roundabout l-oħra tal-proġett iċċekknet b’disinn ġdid u ngħatat korsiji dedikati, magħrufa bħala bypass lanes, favur sigurtà miżjuda u inqas konġestjoni. Fl-istess waqt, dawn l-arranġamenti qegħdin iwasslu għal ħruġ aktar sikur u b’inqas stennija għar-residenti li jridu jidħlu jew joħorġu minn Vjal il-Ħelsien, fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żebbuġ. L-arterja prinċipali nnifisha li tgħaqqad iż-żewġ roundabouts—Triq l-Imdina—ġiet imwessgħa sabiex żdiedet korsija fid-direzzjoni ‘l isfel.

F’kumment dwar dan l-iżvilupp, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li “llum qegħdin naraw it-tmiem ta’ proġett ieħor li qiegħed jimmitiga sitwazzjoni fejn kellna żewġ bottlenecks li kienu joħolqu pressjoni kemm fuq ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ kif ukoll fuq it-toroq li jingħaqdu miegħu. Il-poplu għamel wisq snin ibati fi traffiku mhux neċessarju minħabba nuqqas ta’ azzjoni minn amministrazzjonijiet preċedenti. Dak iż-żmien għadda, u nħares bil-ħerqa ‘l quddiem għal aktar ħidma sfiqa li tibbenefika lill-poplu Malti u Għawdxi u tagħti lil pajjiżna l-infrastruttura tat-toroq li tixraqlu”.

 

More in Socjali