Tnedija ta’ fond ġdid għax-xiri ta’ strumenti mużikali mis-soċjetajiet mużikali lokali
Il-proposti jridu jitressqu fuq www.vofunding.org.mt sat-3 ta’ Diċembru f’nofsinha
More in Socjali
Il-proposti jridu jitressqu fuq www.vofunding.org.mt sat-3 ta’ Diċembru f’nofsinha
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda, nedew fond ġdid li hu mmirat għax-xiri ta’ strumenti mużikali ta’ Soċjetà tal-Banda Maltija.
“Il-fond se jkompli jsaħħaħ ix-xogħol li jagħmlu s-soċjetajiet mużikali, biex tiġi promossa aktar il-mużika fil-komunitajiet tagħna, filwaqt li ngħinuhom biex jixtru u jrawmu aktar l-edukazzjoni fuq strumenti. Din hi wegħda elettorali oħra mwettqa,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija ta’ dan il-fond.
Bonnici rrefera għall-attivitajiet frekwenti organizzati mis-soċjetajiet mużikali b’mod li jkompli jżidu l-ħajja tal-kultura u t-tradizzjonijiet fil-lokalitajiet tagħna. “Inizjattivi bħal dawn tas-soċjetajiet mużikali jagħmlu s-settur kulturali u artistiku aktar aċċessibbli għal kulħadd u jipprovdu l-aħjar pont għaż-żgħar tagħna biex jiskopru t-talenti tagħhom. Għalhekk hu fid-dmir tagħna li nkomplu nsaħħu l-edukazzjoni tal-mużika fi ħdan il-komunità,” żied jgħid Owen Bonnici.
Dan il-fond hu għall-kofinanzjar ta’ strument li jinxtara għall-użu minn bandist/i reġistrati mas-soċjetà li qed tapplika. Il-fond jista’ jkopri sa 85% tal-ispiża totali tal-proġett u l-proposta trid tinkludi programm edukattiv dettaljat u realistiku u tinkludi l-isem u l-esperjenza tal-għalliem, flimkien ma’ dak li mistenni li jkun it-tagħlim proġettat. Il-lista ta’ strumenti eliġibbli taħt din l-iskema huma l-piccolo, oboe, cor anglais, bass clarinet, bassoon, baritone saxophone, eflat trumpet, flugelhorn, bass trombone u d-double bass.
Il-bandist/i reġistrati jrid ikollhom minn tal-inqas sentejn esperjenza fid-daqq ta’ strument tal-istess familja mużikali li qed jiġi propost kofinanzjar fuqu u/jew tliet snin jekk tkun se tinqaleb it-tip ta’ strumentatura. Il-bandist hu mistenni li jidher quddiem panel ta’ esperti għal smigħ biex jiġi ddeterminat il-livell tajjeb ta’ kompetenza. Il-proġett propost irid ikollu xejriet innovattivi, professjonali u kreattivi fejn jidħol it-tagħlim u l-implimentazzjoni tiegħu. L-applikazzjoni trid ukoll tikkunsidra s-sostenibbiltà fit-tul tal-proġett kif ukoll l-iskop u l-benefiċċji.
Il-proposti jridu jitressqu fuq www.vofunding.org.mt sat-3 ta’ Diċembru f’nofsinhar. Applikazzjonijiet wara din id-data u l-ħin mhux se jiġu aċċettati mis-sistema.