Fil-festa tal-benefattur tal-Belt il-Beltin iwarrbu l-kuluri politiċi u jiċċelebraw flimkien

Il-Papa Piju V kien għen finanzjarjament u anke bagħat il-perit tiegħu biex tinbena l-Belt Valletta

Minkejja t-toroq vojta tal-Belt Valletta, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta dalgħodu xorta waħda ċċelebra l-festa ta' San Piju V, il-Papa benefattur tal-Belt Kapitali l-ġdida.

Biex tkun iċċelebrata din il-festa, saret ċerimonja qasira quddiem il-Monument tal-istess Papa, quddiem il-Qorti u li għaliha attendew kemm is-Sindku, Alfred Zammit u anke l-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Christian Muscat, biex fi kliem is-Sindku, juru l-għaqda li teżisti f'dan il-Kunsill Lokali.

Fil-kummenti tiegħu, is-Sindku Belti saħaq li xtaq li din il-festa ta' dan il-benefattur tkun iċċelebrata permezz tal-għaqda u anke għamlu dan il-ġest biex meta l-ħajja tirritorna lura għan-normal, kull min jgħaddi minn quddiem dan il-Monument, jiftakar fl-importanza ta' dan il-personaġġ.

Il-Minority Leader, min-naħa tiegħu, saħaq li "l-għaqda hija importanti, mhux biss fid-dehra iżda fil-prattika."

Preżenti kien hemm ukoll il-Kappillan tal-Parroċċa Dumnikana tal-Belt Valletta, Patri Michael Camilleri li spjega kif il-Papa Piju V, li kien Dumnikan, mhux biss għen finanzjarjament biex tinbena l-Belt Valletta iżda anke bagħat il-perit tiegħu, Francesco Lapparelli, biex jagħmel il-pjanta tal-Belt il-ġdida.

Iżda Patri Michael fakkar ukoll li kien l-istess Papa, illum qaddis, li ppressa lill-Gran Mastru La Valette biex jibqgħu Malta u jibnu l-Belt il-ġdida.

Spjega kif teżisti ittra li fiha l-Papa jinsisti mal-Gran Mastru biex jibqgħu Malta u tinbena l-Belt il-ġdida.

Preżenti kien hemm ukoll preżenti l-kunsilliera Jurgen Briffa u Vince Fabri.

More in Socjali