‘Il-volontarjat għamel lil Għawdex dak li hu llum’
Ftit jiem wara l-Jum Dinji ddedikat għall-Voluntiera, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Saviour Grech, il-President tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-NGOs Għawdxin u membru tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju dwar l-importanza u s-sehem tal-volontarjat f’Għawdex
minn Yendrick Cioffi
Ftit tal-jiem ilu kien iċċelebrat il-Jum Dinji ddedikat għall-Voluntiera bit-tema magħżula din is-sena mill-Ġnus Magħquda tkun ‘Flimkien Nistgħu.’ Anke jekk forsi jidher xi ftit jew wisq paradossali, għax din is-sena ma nistgħux ninġabru flimkien minħabba l-pandemija, din it-tema tiċċelebra s-sehem importanti li eluf ta’ voluntiera kellhom u għad għandhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli f’diversi oqsma.
Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum, il-gazzetta ILLUM għażlet li tiċċelebra l-volontarjat f’Għawdex u dwar dan tkellmet ma’ Saviour Grech li ilu snin jaħdem mal-voluntiera Għawdxin u jmexxi l-Assoċjazzjoni tal-NGOs f’Għawdex.
Grech beda jisħaq li t-tema ta’ din is-sena tagħmel sens mhux biss minħabba l-pandemija imma għax f’żewġ kelmiet tiġbor fiha dak kollu li hu l-volontarjat għax meta żewġ persuni jew aktar se jaħdmu flimkien se joħolqu u jwettqu dak li jemmnu fih.
“Din hija l-essenza tal-volontarjat. Flimkien naħdmu,” insista Grech. Fi kliemu, din is-sena t-tema hija aktar rilevanti għax filwaqt li huwa minnu li ma nistgħux inkunu flimkien, fl-istess waqt, qatt daqs bħalissa ma nħasset il-ħtieġa li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. “Il-voluntiera riedu u sabu modi kif jaħdmu flimkien minkejja li huma mbiegħda.”
‘Il-volontarjat wasal fejn saħansitra ma wasalx l-Istat’
Komplejna nitkellmu dwar l-importanza tal-volontarjat fil-ħajja soċjali, bi Grech jisħaq li ħafna drabi, il-voluntarjat għamel aktar u wasal fejn saħansitra ma wasalx l-Istat.
“Il-voluntiera jaħdmu mill-qalb għax iħobbu dak li jaħdmu għalih u forsi għalhekk li jaslu fejn politiku jdum biex jasal,” saħaq Grech.
Qal li l-interess fil-volontarjat f’Malta u Għawdex huwa kbir u saħansitra insista li f’Għawdex, terġa’ u tgħid, huwa ikbar. Biżżejjed tħares lejn il-lista tal-għaqdiet volontarji Għawdxin li huma rreġistrati mal-Kummissarju tal-Volontarjat.
Kien hawn li Saviour Grech insista li Għawdex huwa dak li hu llum bis-saħħa tal-volontarjat.
“F’Għawdex l-istorja tmexxiet mill-volontarjat. Anke meta Għawdex saret djoċesi għaliha, kienu għaqdiet u nies voluntiera li mexxew l-aġenda,” insista Grech.
Fakkar fil-programm kulturali Għawdxi u fl-għadd ta’ kunċerti u avvenimenti li jsiru u li kważi, jekk mhux kollha kemm huma, jiġu organizzati mill-għaqdiet volontarji. Fakkar fil-każini tal-baned, l-għaqdiet tal-festi, tal-armar u tan-nar li jiġbru fihom mijiet ta’ voluntiera fost oħrajn.
Semmejna l-opri li Għawdex huwa magħruf għalihom tul l-istaġun ta’ Ottubru. Kulma jmur dan l-istaġun operistiku qed iżid dejjem fil-popolarità tiegħu.
“L-opra f’Għawdex tibqa’ għaddejja bis-saħħa tal-voluntiera,” insista Grech.
‘Bħal ħaddiem Għawdxi anke l-voluntier isib aktar sfidi’
Tkellimna wkoll dwar il-ħidma li l-volontarjat wettaq fi żmien il-pandemija f’Għawdex, bi Grech jisħaq kif bħalma f’Malta ħafna għaqdiet volontarji kellhom sehem importanti fil-qalba tal-pandemija, l-istess ġara f’Għawdex.
“Żgur li anke f’dawn iż-żminijiet, id-diffikultajiet, partikolarment għall-voluntiera Għawdxin kibru,” insista Grech.
Fil-fatt saħaq li bħal ħaddiem Għawdxi li jbati aktar minħabba dak il-ftit baħar bejn il-gżejjer, anke l-voluntier Għawdxi jiffaċċja aktar sfidi.
Semma pereżempju għaqdiet bbażati f’Malta li jaħdmu f’oqsma bħalma huma dawk mediċi jew inkella mal-immigranti u li ma għandhomx rappreżentanza f’Għawdex u propju għalhekk li Għawdex irid u qed ikabbar il-volontarjat f’oqsma li forsi ma jistgħux jintlaħqu daqshekk minn għaqdiet volontarji bbażati f’Malta.
“Voluntier li huwa attiv f’Malta x’aktarx li mhux se jkollu biżżejjed ħin biex jitla’ Għawdex u jilħaq hemm ukoll l-għanijiet tiegħu,” insista Grech u propju għalhekk li ssir ħidma kbira biex ikun hemm dak li jissejjaħ “outreach” biex kemm jista’ jkun realtajiet f’Għawdex ma jintesewx.
Semma bħala eżempju l-kwistjoni tal-immigranti u saħaq kif ħafna għaqdiet Maltin li jaħdmu mal-immigranti ma għandhomx rappreżentenza f’Għawdex u għalhekk ikun hemm bżonn li tinżamm dejjem kommunikazzjoni magħhom biex Għawdex ma jingħatax il-ġenb.
Ċertifikat tal-Istat li l-volontarjat f’Għawdex...
Minkejja dawn l-isfidi li s-settur tal-volontarjat Għawdxi jiffaċċja, hemm rikonoxximent li huwa importanti ħafna u ta’ min wieħed isemmi anke għax Saviour Grech għamel aċċenn għalih.
Fakkar li l-volontarjat f’Għawdex, permezz tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-NGOs Għawdxin huwa wkoll rappreżentat fil-Kunsill Reġjonali għal Għawdex u għalhekk marbut mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
“Għalhekk is-settur tal-volontarjat f’Għawdex għandu vuċi. L-isfidi li kien hawn minħabba l-pandemija aħna qed inressquhom għad-diskussjoni fuq il-mejda li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet,” saħaq Grech. “Apparti li qed jaħdem fil-qalba tas-soċjetà Għawdxija, qed iwassal u jagħti vuċi wkoll, fuq livell reġjoni, lill-isfidi u l-kwistjonijiet li jiltaqa’ magħhom.”
Fi kliemu, dan huwa ċertifikat li l-Istat Malti ta lis-settur tal-volontarjat Għawdxi.
“L-effett tal-volontarjat f’Għawdex għalhekk huwa akbar mis-sehem li tagħmel għaqda partikolari fil-qasam tagħha,” insista.
‘Riżorsi hawn iżda rridu aktar diskussjoni...’
L-ILLUM staqsiet ukoll lil Grech jekk l-għaqdiet volontarji Għawdxin hux qed jingħataw biżżejjed riżorsi biex ikunu jistgħu jaħdmu.
Il-President tal-assoċjazzjoni insista li diffiċli taqta’ linja. Fi kliemu riżorsi jingħataw u hawn ħafna programmi u skemi li jgħinu lill-għaqdiet volontarji.
“Żgur li l-għaqdiet qatt ma rċevew daqshekk fondi daqs kemm ħadu fl-aħħar snin,” insista. “Riżorsi qed jingħataw.”
Madanakollu, kompla Grech,- dejjem ikun hemm x’wieħed jiddiskuti u x’jirranġa anke għax ikun hemm min xorta jilmenta li hemm min hu xxamplat u min mhuwiex, għax forsi jkun hemm min jieħu aktar minn ħaddieħor.
Kien hawn li fakkar li suppost il-fondi jgħaddu kollha mill-Kunsill għas-Settur Volontarjat.
“Jista’ jkun hemm nuqqas ta’ kompressjoni fuq il-bżonnijiet vera tal-volontarjat,” insista Grech waqt li appella biex l-Assoċjazzjoni għall-NGOs Għawdxin tkun aktar kkonsultata, anke biex ir-riżorsi jkunu mqassma aħjar skont il-bżonnijiet, biex ma jkunx hemm sitwazzjonijiet ta’ għaqdiet li jispiċċaw bla riżorsi u għaqdiet oħra li għandhom biżżejjed u jibqgħu jitolbu u jieħdu.
‘Il-volontarjat huwa fin-natura tagħna’
Fl-aħħar nett, staqsejna lil Grech jekk jaħsibx li l-interess fil-volontarjat għadu qawwi, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Fi kliemu hija kważi kważi fin-natura tal-Għawdxin u l-Maltin li jkunu voluntiera anke jekk ma jiddikjarawx li huma.
“Il-membri tal-baned huma voluntiera. Il-membri tal-festi huma kollha voluntiera. Dawk li jaħdmu fil-karità kollha huma voluntiera. Dawn ma jkollhomx tabella fuqhom tgħid li huma voluntiera. Hija xi ħaġa li qiegħda fina,” insista Grech.
Jista’ jkun, temm jgħid Grech li llum mhux hawn inqas ħeġġa, imma forsi inqas ħin għall-volontarjat minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ħajja.