Jirritornaw il-festi iżda jisplodu l-ispejjeż għall-organizzaturi

Mill-prezzijiet tal-materjal li bih isir l-armar, sal-ispejjeż biex jinħadem u jinħaraq in-nar u anke l-ħlas tal-bandisti. Organizzaturi tal-festi jitkellmu mal-ILLUM dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw 

 

Is-sajf jinsab wara l-bieb u issa l-istaġun tal-festi beda anke jekk fuq sieq ħażina għax sa issa t-temp ma tantx għen lid-dilettanti. Ħafna huma dawk li qed jistennew ir-ritorn tal-festi u bir-raġun iżda għad-dilettanti u l-organizzaturi ma jfissirx li issa li tneħħew ir-restrizzjonijiet kollox ward u żahar. Wara sentejn ma jistgħux jorganizzaw attivitajiet biex jiġbru fondi, entitajiet li jorganizzaw il-festi qed ikollhom jiffaċċjaw żieda qawwija fl-ispejjeż. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi persuni li huma involuti direttament fl-organizzazzjoni ta’ diversi festi madwar Malta u kollha kemm huma qablu li l-ispejjeż, fl-aħħar xhur, żdiedu drastikament u li jekk se jibqgħu jiżdiedu, mingħajr ma jkun hemm għajnuna, se jkun hemm festi li jsibuha diffiċli biex jibqgħu jorganizzaw dak li kienu jagħmlu qabel il-pandemija. 

L-organizzaturi li tkellmu magħna saħqu li l-prezzijiet żdiedu f’kull aspett, mill-armar tad-dawl fit-toroq, għall-materjal biex isir jew ikun irrestawrat l-armar, il-ħlas tal-bandisti u anke l-ħidma u l-ħruq tan-nar. 

Diversi organizzaturi taw ukoll xi eżempji mal-ILLUM. President ta’ Kumitat partikolari spjega kif jekk qabel, il-kuntrattur tad-dawl kien jieħu €5,000 biex jarma l-fustuni fit-toroq, din is-sena talab €6,500. 

Oħrajn tkellmu dwar il-materjal, fejn fost oħrajn qalu li rdoppjaw il-prezzijiet tal-injam u l-ħadid. Dilettant tal-armar spjega kif folja plywood li kienet €45, illum saret tiswa mad-€90 u l-istess ġara bil-prezzijiet tal-ħadid.  

Diversi organizzaturi saħqu li mhux se jkun possibbli li jibqgħu jorganizzaw il-festa kif kienu jagħmlu qabel il-pandemija, anke għax qed ikun hemm baned li qed jirrifjutaw servizzi barra mil-lokal għax il-bandisti qed jitolbu ħlas akbar u għalhekk banda tispiċċa tmur minn taħt.  

Hemm għaqdiet li diġà ddeċidew li jnaqqsu l-ġranet tal-festa u se jkunu qed jiċċelebraw il-festa esterna b’mod ridott ħdejn is-soltu.  

Dwar dan kollu, il-gazzetta ILLUM tkellmet aktar fid-dettall ma’ persuni li huma involuti fl-armar, fil-baned u anke fil-logħob tan-nar u li tawna aktar dettalji dwar il-qagħda tal-għaqdiet u anke l-ispejjeż li qed ikollhom jiffaċċjaw. 

‘Il-kmamar tan-nar jinsabu f’qagħda prekarja ... l-ispejjeż splodew’ 

Il-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, Josef Camilleri, kien ċar fil-kummenti tiegħu mal-ILLUM u insista li l-kmamar kollha tan-nar, mingħajr eċċezzjoni, jinsabu f’qagħda prekarja. 

Fakkar kif fi żmien il-pandemija, il-kmamar tan-nar, bħal għaqdiet oħra, ma setgħux jorganizzaw attivitajiet biex ikunu jistgħu jiġbru fondi. Apparti minn hekk, Camilleri saħaq li apparti l-għajnuna li jingħataw il-kmamar tan-nar, biex jimplimentaw miżuri ta’ saħħa u sigurtà, dawn ma ngħatawx għajnuna oħra addizzjonali. 

Iżda biex tkompli tgħaxxaq is-sitwazzjoni, kompla jisħaq Camilleri, fl-aħħar xhur u ġimgħat “splodew” il-prezzijiet tal-materjal li bih jinħadem in-nar. Fi kliemu, l-ebda kamra tan-nar mhu se tkun tiflaħ għal dawn l-ispejjeż. Insista li dan se jkollu jwassal biex ħafna festi jnaqqsu miċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom u anke mill-ħruq tan-nar matul il-ġimgħa tal-festi. 

“Sfortunatament se jkun hemm min se jieħu pjaċir għax diġà bdejna bit-tgergir,” kompla jisħaq. 

Mistoqsi mill-ILLUM biex jagħti ftit eżempju ta’ kif żdiedu l-prezzijiet, Camilleri semma kif tank ta’ 25 kilogramma klorat tal-potassju kienu jixtruh għal €87. L-istess tank illum jiswa €180. Materjal ieħor sar jiswa aktar mid-doppju. Tank tal-25 kilogramma klorat tal-barju llum jiswa mas-€700. Tank ta’ 25 kilogramma aluminju jew inkella manjesju, illum jiswa mal-€1,000.  

Ovvjament, kompla jisħaq Camilleri, dan se jkun qed iwassal biex il-prezz tal-murtali jiżdied ukoll. Festi li ma għandhomx kamra tan-nar, se jkunu qed isibuha aktar diffiċli biex jixtru n-nar. Saħaq li l-prezzijiet tal-murtali, sa issa għadhom stabbli għax kien hemm ordnijiet li saru qabel il-pandmja u anke għax hemm kmamar tan-nar li kellhom ħafna xogħol maħżun għax ma nħaraqx fi żmien il-pandemija. 

“Jien ilni ngħid li l-kmamar tan-nar għandhom jingħataw aktar għajnuna. Ningħataw €5,000 fis-sena għal miżuri ta’ saħħa u sigurtà u huma tajbin għax naqqsu ħafna l-inċidenti. Imma hemm bżonn għajnuna oħra addizzjonali,” kompla jisħaq Camilleri. 

Iżda mhux il-prezz tal-materjal biss qed ikun morsa ma’ għonq il-kmamar tan-nar. Hemm spejjeż oħra fosthom l-assigurazzjoni u anke l-preżenza tal-vetturi tat-tifi tan-nar waqt il-ħin tal-ħruq. Camilleri saħaq li għal ġimgħa festi, għandek mal-€1,800 assigurazzjoni u €900 biex ikun preżenti l-vettura tat-tifi tan-nar. 

“Qabel tibda taħraq diġà għandek aktar minn mal-€2,000 fi spejjeż. Ilna nitolbu biex ikun hemm aktar għajnuna. Illum id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kiber. Imqar il-vettura tat-tifi tan-nar. Ħaġa kbira kieku din tingħata mill-awtoritajiet?”, kompla jistaqsi Camilleri. 

Il-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija ilmenta wkoll dwar “burokrazija żejda.” Staqsa għaliex hemm bżonn permess għal kull darba li jkun se jinħaraq in-nar. 

“Possibbli ma jistax ikollna permess wieħed għal ġimgħa sħiħa,” kompla jisħaq.  

Ilmenta wkoll dwar “ostakli” li fi kliemu qed jinħolqu mix-xejn. Fakkar li hemm nar ta’ ċertu saħħa u qies li jista’ jinħoloq minn fuq il-bjut. Min ma jkollux minn fejn jaħraq, seta’ jarma scaffolding, bil-permessi kollha, li jkun l-istess għoli ta’ bejt biex jaħraq minn fuqu. 

“Dan sa qabel il-pandemija seta’ jsir. Issa f’daqqa waħda l-Pulizija mhux jaċċettaw dawn il-permessi. Hemm festi f’Għawdex li diġà ġew milquta minħabba dan. Ma ngħatawx permess. Dawn għalija ma huma xejn għajr ostakli fuq minn jaħdem in-nar u jħobb il-festi,” temm jisħaq Camilleri.  

‘Jekk l-ispejjeż jibqgħu jikbru se jkun insostenibbli li l-festi jibqgħu jsiru bħalma kienu jsiru qabel l-2019’ 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Brian Bonnici, is-Segretarju tal-Għaqda Każin Banda San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ. Bonnici huwa wkoll preżentatur ta’ programmi dwar il-festi u għalhekk huwa midħla ta’ diversi għaqdiet mużikali, każini u kumitati li jorganizzaw il-festi tal-ibliet. 

Bonnici insista li l-isfida finanzjarja qed tolqot lill-għaqdiet kollha involuti fil-festa anke jekk mhux lil kulħadd l-istess għax kollox jiddependi fuq kemm għaqda jkollha partitarji, benefatturi u anke x’mezzi alternattivi ta’ dħul ikollha. 

Madanakollu insista li ftit jew ħafna, l-isfida finanzjarja qed tolqot lill-għaqdiet kollha, kemm minħabba d-dħul li naqas fi żmien il-pandemija imma anke minħabba żieda fil-prezzijiet, mill-materja prima għall-armar sal-ħlasijiet, xi drabi eżorbitanti, li qed jitolbu l-bandisti. 

Fil-fatt tkellimna aktar fid-dettall dwar il-ħlas tal-bandisti b’Bonnici jisħaq li dan qed joħloq sfida lil diversi każini, b’mod partikolari dawk li huma żgħar.  

“Għas-servizzi matul il-ġimgħa, il-prezzijiet ma żdidux daqshekk imma għall-marċ ta’ filgħoduu anke għall-Ġimgħa l-Kbira, il-ħlasijiet splodew. Ma hemmx paragun!,” saħaq Bonnici. 

Mistoqsi jagħti ftit ċifri ta’ kemm qed jitolbu l-bandisti, Bonnici saħaq li għal servizz ta’ tliet sigħat, hemm bandisti li qed jitolbu €100 u anke aktar. Fil-każ tal-Ġimgħa l-Kbira, meta d-domanda tkun akbar għax ikun hawn ħafna servizzi f’salt, kien hemm bandisti li kienu qed jitolbu anke mas-€600 u kien hemm min talab ukoll €1,000. 

“Illum anke bandist li għadu ħiereġ idoqq qed jitlob ħafna,” insista Bonnici waqt li saħaq li hemm baned li qed ikunu kostretti iħassru servizzi li normalment jagħmlu barra mil-lokal tagħhom, meta jkunu mistiedna jdoqqu f’festi oħra. 

Qal li kuljum qed iċemplulu żewġ jew tliet għaqdiet jistaqsu jekk il-banda li tagħha huwa Segretarju hijiex lesta tmur toffri servizz fil-festa tagħhom għax baned li normalment kienu jmorru, din is-sena ma aċċettawx is-servizz għax kienu se jispiċċaw imorru minn taħt u ma kinux jifilħu jħallsu lill-bandisti mingħajr ma jgħollu l-prezz tas-servizz.  

Fi kliem Bonnici, jekk qabel każin kien iżomm €1,200 meta jkun mistieden biex idoqq f’festa oħra, illum il-ġurnata huwa impossibbli li jmur għal inqas minn €1,600 mingħajr ma joħroġ il-flus hu u jmur minn taħt. 

“Naf festi li mhux se jagħmlu dak li kienu jagħmlu qabel il-pandemija. Hemm festi li se jkunu ridotti. Ftit huma dawk il-festi li se jkunu marru oltre minn dak li kien isir qabel il-pandemija,” insista Bonnici. 

Kompla jisħaq li jekk qabel banda kienet tmur iddoqq f’lokalità oħra u b’50 jew 60 bandist, illum jista’ jkun li jkollha tmur b’45 bandist. Fi kliemu, din se ssir in-normalità. 

“Din is-sena ma nistgħux insabbtu saqajna jew ninħarqu għax nistiednu banda u ma tkunx armata bħas-soltu,” kompla jisħaq. 

Bonnici insista li l-isfida finanzjarja mhijiex biss riżultat tal-ħlasijiet tal-bandisti. Il-banda li tagħha hu segretarju għandha l-fergħa tal-armar u anke kamra tan-nar. Ikkonferma li anke hawn żdiedu ħafna l-ispejjeż. 

Kien hawn li Bonnici temm jisħaq li jekk l-ispejjeż se jibqgħu jiżdiedu, se jkun insostenibbli li l-festi jibqgħu jsiru kif kienu jsiru sal-2019. 

Fakkar ukoll li hemm sfidi oħra li anke jekk żgħar jaffettwaw. Semma pereżempju l-ventijiet li magħhom jittellgħu l-pavaljuni. Wara sentejn, ħafna minn dawn ma għadhomx jeżistu. 

“Illum flok dar jibnulek blokka appartamenti u jneħħulek il-vent u ma jħallukx tagħmel ieħor. Jew inkella jirrestawrawlek faċċata, jiġu sidien ġodda u ma jkunu jridu li ddendel xejn mal-faċċata,” temm jisħaq Bonnici.  

More in Socjali