Il-kantant Aidan Cassar bagħat ittra b'avukat lill-PBS wara li l-istazzjon iddeċieda li jiskwalifikah mill-Malta Eurovision Song Contest hekk kif sostna illi kiser ir-regoli marbutin mal-użu tal-midja soċjali. L-avukati ta' Cassar qalu illi d-deċiżjoni li jkun skwalifikat għandha tkun sospiża u li jekk ma jiġrix dan huma se jieħdu passi legali oltrè.
Cassar, bid-diska Regina, kien meqjus wieħed mill-favoriti biex jirbaħ il-Eurovision ta' din is-sena iżda kien skwalifikat hekk kif ir-regoli tal-kompetizzjoni jgħidu li l-kantanti ma jistgħux jitfgħu posts fuq il-midja soċjali minn wara l-Quarter Finals.
Il-PBS kien wissa diversi drabi lil Cassar dwar din ir-regola iżda jidher li hu xorta tefa' numru ta' posts dwar il-kanzunetta tiegħu.
L-Avukati tal-kantant iżda qalu li huwa kien partikolarment ikkastigat hekk kif kontestanti oħrajn ukoll tellgħu materjal relatat mad-diska tagħhom. Cassar qal ukoll li l-PBS qatt ma tah l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu.