'Mhux qed nieħdu l-kwistjoni ta' trawma fit-tfal bis-serjetà biżżejjed'
Trawma fit-tfulija tibqa' tiġri warajk u taffetwalek ħajtek, is-saħħa mentali tiegħek u diversi studji juru li taffetwa wkoll is-saħħa fiżika tiegħek, aktar tard fil-ħajja. Id-Dekan Andrew Azzopardi jipproponi riflessjoni, diskussjoni u azzjoni...
minn Albert Gauci Cunningham
"It-trawma hija kwistjoni kumplessa ħafna li f’dan il-pajjiż, fl-opinjoni tiegħi, mhux neħduha bis-serjetà biżżejjed, speċjalment fejn taffettwa lit-tfal." Hekk sostna d-Dekan tal-Fakultà għall-Benesseri Soċjali Andrew Azzopardi f'dokument illi ppubblika u li fih qed jelenka numru ta' proposti sabiex tkun diskussa u jinstabu soluzzjonijiet għal din ir-realtà.
Riċerka internazzjonali turi illi Adverse Childhood Experiences (ACE) jistgħu jwasslu għal problemi fil-ħajja u effetti fit-tul, hekk kif dawn it-trawmi fit-tfulija jistgħu saħansitra jwasslu għal reazzjonijiet bijoloġiċi, inkluż fuq is-sistema metabolika u anke kardjovaskulari.
Trawma għandha diversi definizzjonijiet, imma fil-psikoloġija tfisser esperjenza serja ta' avversità jew ta' biża' u r-rispons emozzjonali u psikoloġiku għaliha.
Fil-fatt Azzopardi wkoll fid-dokument tiegħu jfakkar kif huma diversi l-istudji internazzjonali u l-esperti fil-qasam tat-tfal li jitkellmu dwar il-fatt li t-trawma li jkunu għaddew minnha, potenzjalment, hija l-għerq li f’livell jew ieħor tikkundizzjona l-kumplament tal-ħajja tagħhom.
L-Università ta' Harvard f'dokument li jitratta din ir-realtà jelenka x'inhuma l-aktar affarijiet li wieħed jista' jagħmel biex inaqqas mill-effetti ta' din it-trawma fl-ewwel snin tal-ħajja.
F'każi l-aktar gravi l-Università tfakkar illi hemm interventi terapewtiċi minn professjonisti, filwaqt li mbagħad hemm ukoll kura li tkun inqas intensiva imma li titratta l-mod kif ħaddiema fil-qasam mediku, soċjali u anke tal-edukazzjoni jitrattaw persuni li jkollhom problemi ta' stress tossiku.
Jgħid ukoll iżda li t-triq ideali hija dik li tipprevjeni l-bżonn ta' servizzi, billi jitnaqqas b'mod naturali l-livell ta' stress permezz tal-ikel li nieklu, fejn ngħixu u billi jitnaqqas l-użu ta' sustanzi, relazzjonijiet li jkunu vjolenti, faqar u kriminalità. "Aktar appoġġ għal relazzjonijiet tajbin bejn it-tfal u l-ġenituri jżommu lit-tfal 'il bogħod mill-istress u jgħinhom jibnu ħiliet tal-ħajja, bħall-ippjanar, fokus u kontroll," jgħid dan id-dokument tal-Università ta' Harvard.
Għalhekk hemm tliet prinċipji kruċjali biex jitnaqqsu l-effetti tat-trawma fit-tfulija: Tnaqqis ta' stress, bini ta' relazzjonijiet aktar b'saħħithom bejn tfal u ġenituri u finalment u sussegwentement il-bini u tisħiħ tal-ħiliet tal-ħajja.
Id-Dekan tal-Fakultà fl-Università ta' Malta jgħid li qed iressaq dan id-dokument biex issir diskussjoni u riflessjoni, tant li qed jelenka numru kbir ta' trawmi li t-tfal jistgħu jgħaddu minnhom.
"Kultant naħsbu li t-tfal jgħaddu minn xi ħaġa tul tfulithom u mbagħad jissuperawha u jkomplu għaddejjin qisu qatt ma kien xejn. Għandna żball jekk naħsbu dan. Il-verità hija differenti," sostna Andrew Azzopardi. Ifakkar ukoll li trawma mhux trattata tiġġenera aktar trawma.
U x'qed jissuġerixxi Andrew Azzopardi?
F'dan id-dokument Azzopardi qed jipproponi li din il-kwistjoni titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali u jinħoloq grupp ta’ ħidma magħmul mill-Kummissarju tat-Tfal, il-Foundation for the Wellbeing of Society u NGOs oħra li jaħdmu mat-tfal, il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Qed jisħaq illi din il-kwistjoni tkun fuq il-programm ta' taħriġ għall-professjonisti, speċjalment trauma informed care li semmejna diġà fl-elenku msemmi minn Harvard. Azzopardi qed jgħid li għalhekk għandhom jiġu mrawwma nies speċjalizzati proprju f'din it-tip ta' kura.
Azzopardi qed jipproponi wkoll li din issir tema ċentrali fl-iskejjel u l-kulleġġi u li jirritornaw t-teams multi dixxiplinarji, ħalli jkunu jistgħu jidentifikaw it-tfal bi trawma u jgħinu.
Finalment id-Dekan qed jipproponi wkoll li ssir kampanja li tispjega kif persuna titratta persuni li jkunu sofrew trawma fit-tfulija, filwaqt li tkun indirizzata din l-isfida permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni informali u non-formali.
Uħud mit-trawmi li t-tfal jgħaddu minnhom...
- Trawma fit-tfal li jingħataw il-ġenb għax xi ħadd minn ħuthom hu vulnerabbli, pereżempju għax għandhom problemi ta’ saħħa mentali, ta’ diżabilità jew ta’ mard kroniku.
- Trawma fit-tfal li biddlu l-pajjiż jew dawk li huma stateless, kif ukoll tfal li spiċċaw f’nofs ta’ baħar jippruvaw jaħarbu minn pajjiżhom speċjalment l-unaccompanied minors.
- Trawma fit-tfal li għandhom eating disorders fosthom obeżità u anoressija.
- Trawma fit-tfal li jqattgħu ħafna ħin bilqiegħda fil-klassi mingħajr biżżejjed attivitajiet mentali u fiżiċi.
- Trawma fit-tfal relatata mal-adozzjoni... Inkluż it-tfal li jiġu abbandunati mill-ġenituri addottivi.
- Trawma fit-tfal li l-ġenituri ta’ spiss ħallewhom sigħat twal weħidhom biex imorru jiddevertu.