'Qumu kontra l-istigma' - Il-messaġġ fil-Jum Internazzjonali tal-Epilessija

F’Malta, il-voluntiera fl-Assoċjazzjoni tal-Epilessija tal-Caritas Malta qed jagħmlu l-parti tagħhom billi joffru taħriġ edukattiv b’xejn lil gruppi varji fosthom ir-rekluti tal-pulizija, skejjel, Aġenzija Sapport, u oħrajn...

It-tema ta’ din is-sena għall-Jum Internazzjonali tal-Epilessija (13 ta’ Frar), “Step Up Against Stigma”, tipprovdi pjattaforma għal nies bl-epilessija, u dawk li jieħdu ħsiebhom, biex joħolqu iktar għarfien lejn il-fatti u jneħħu l-misinformazzjoni.

"L-epilessija taffettwa kważi kull aspett tal-ħajja tal-persuna dijanjostikata bil-kundizzjoni," qalet Dr Francesca Sofia, president tal-Uffiċċju Internazzjonali għall-Epilessija (IBE). "Għal ħafna nies li jgħixu bl-epilessija, l-istigma marbuta mal-kundizzjoni ħafna drabi hija aktar diffiċli biex tiġi ttrattata mill-marda nnifisha."

F’ħafna pajjiżi, in-nuqqas ta’ għarfien dwar l-epilessija bħala kundizzjoni tal-moħħ li tista’ tiġi kkurata tibqa’ sfida ċentrali tas-saħħa pubblika. L-edukazzjoni tan-nies dwar l-epilessija u t-tneħħija tal-miti jistgħu jnaqqsu l-istigma u d-diskriminazzjoni fl-iskola, fuq ix-xogħol, fil-klinika, madwar il-komunità u fid-dar.

F’Malta, il-voluntiera fl-Assoċjazzjoni tal-Epilessija tal-Caritas Malta qed jagħmlu l-parti tagħhom billi joffru taħriġ edukattiv b’xejn lil gruppi varji fosthom ir-rekluti tal-pulizija, skejjel (kemm għalliema kif ukoll LSEs), Aġenzija Sapport, u oħrajn. Jorganizzaw ukoll laqgħat ta’ kull xahrejn għal persuni bl-epilessija u dawk li jieħdu ħsiebhom. Għal aktar informazzjoni ikkuntattja lil [email protected].

Pjan ta' Azzjoni Globali

Fl-2022, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa approvat il-Pjan ta’ Azzjoni Globali Intersettorjali dwar l-Epilessija u Disturbi Newroloġiċi oħra [IGAP], li għandu l-għan li jnaqqas l-istigma, itejjeb l-aċċess għat-trattament u jnaqqas il-piż ta’ disturbi newroloġiċi, kif ukoll itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ nies b’disturbi newroloġiċi, dawk li jieħdu ħsiebhom, u l-familji.

L-IGAP fih objettiv strateġiku speċifiku li jsaħħaħ l-approċċ tas-saħħa pubblika għall-epilessija, li jitlob li 80 % tal-pajjiżi jkunu żviluppaw jew aġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-persuni bl-epilessija sal-2031.

"IGAP jitkellem direttament mal-missjoni, il-ħtiġijiet, u l-aspirazzjonijiet tal-komunità globali tal-epilessija," qalet Helen Cross, President tal-International League Against Epilepsy (ILAE). "Għalhekk hija għodda b'saħħitha li tgħinna nagħlqu n-nuqqasijiet attwali inaċċettabbli ta' inklużjoni, trattament, prevenzjoni u riċerka fl-epilessija."

 

More in Socjali