Transport Malta (TM) introduċiet emendi ġodda għar-regolamenti dwar servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar (operaturi) li għandhom liċenzja ta’ operatur maħruġa mill-Awtoritá li jipprovdu servizz ta’ kiri jew jew b’kumpens b’vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri (LPTVs). Dawn l-emendi huma immirati lejn dawk il-vetturi li jistgħu jġorru sa 8 passiġġieri u li għandhom pjanċi tar-reġistrazzjoni bl-ittri “GY” jew “LY”.
Operaturi li għandhom ħames vetturi iridu jipprovdu l-permess ta’ żvilupp relattiv li japprova l-użu tal-faċilità tal-iggaraxxjar li fiha l-vetturi jkunu pparkjati bħala garaxx tas-servizz pubbliku. Dan se jkun rekwiżit flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-perit biex jiksbu l-liċenzja ta’ operatur.
Huwa rekwiżit għal kulħadd li jipprovdi dikjarazzjoni ta’ perit flimkien ma’ sitemap iffirmata u ttimbrata mill-perit stess.
Dan seħħ sabiex ir-regolamenti jkunu iktar ċari u jservu bħala gwida kemm lill-operaturi kif ukoll lill-pubbliku.
Dawn ir-regolamenti daħħlu fis-seħħ illum, iżda dawk l-operaturi li għandhom liċenzja ta’ operatur valida jew applikazzjoni pendenti għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ operatur, se jingħatalhom 12-il xahar ċans sabiex jikkonformaw mat-termini.
L-emendi ntrodotti jistqarru li l-operaturi jistgħu jiggaraxxjaw vetturi żgħar għall-ġarr tal-passiggieri fi kwalunkwe post li mhux fit-triq li jippermetti vetturi b’mutur jkunu pparkjati fih.
L-għan ta’ dawn l-emendi huwa bi skop li jissaħħu l-obbligi tal-applikant dwar l-użu esklussiv tal-garaxx u jissottometti rapport minn perit b’warant li jikkonferma l-indirizz u pjanti tas-sit.
Barra minn hekk, Operatur li japplika biex jirreġistra vettura oħra taħt l-liċenzja tiegħu għandu jagħmel ċert li għandu biżżejjed spazju fil-garaxx qabel jirreġistra. Jekk m’hemmx spazju biżżejjed fil-garaxx eżistenti, l-operatur għandu japplika mal-Awtoritá biex jżid l-ispazju ħalli jakkomoda iżjed vetturi.