ARA: Robert Abela jgħid li president trid tkun 'persuna progressiva'

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid fuq il-programm Xtra x'inhuma l-kriterji ta' president, li trid tkun “persuna progressiva, li tkun imbiegħda mill-konservazzjoniżmu u li kapaċi ġġib l-għaqda nazzjonali”

Il-Prim Ministru Robert Abela (ritratt: James Bianchi)
Il-Prim Ministru Robert Abela (ritratt: James Bianchi)

Waqt program Xtra fuq TVM, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq il-president li jmiss jiġi elett hekk kif il-mandat tal-President George Vella se jintemm f'April. 

Il-President George Vella (ritratt: James Bianchi)
Il-President George Vella (ritratt: James Bianchi)

Intervistat minn Saviour Balzan, Abela qal li l-persuna li tinħatar bħala president irid ikollha kwalitajiet progressivi u mbiegħda mill-konservazzjoniżmu. 

Abela qal li għalissa għadu ma jistax jaqsam magħna l-isem ta’ min se jkun qed jieħu post Vella. Huwa kompla jgħid li f'dawn l-aħħar erba' snin il-partit wettaq konvenzjoni kostituzzjonali li kienet implimentata fil-prattika. 

Din il-konvenzjoni, kif spjega Abela fuq Xtra, ġabet magħha diversi tibdiliet fosthom il-bidla fil-mod kif jinħatar president tar-repubblika. 

Il-Prim Ministru jgħid kif din id-darba, il-ħatra ta’ president se ssir billi jġib tliet terzi tal-kamra u ma hemmx anti-deadlock mechanism. Dan ifisser li jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma jifthemux, ikun hemm sitwazzjoni ta' impass. 

Fuq il-programm il-Prim Ministru qal x'inhuma wħud mill-kriterji li jrid ikollu president irrespettivament mill-isem. Huwa wieġeb li president trid tkun “persuna progressiva, li tkun imbiegħda mill-konservazzjoniżmu u li kapaċi ġġib l-għaqda nazzjonali.”

Fuq l-istess programm, Abela ddiskuta diversi temi oħrajn fosthom dik tal-inflazzjoni. Abela qal li l-gvern dalwaqt se jħabbar aranġament li ntlaħaq ma’ importaturi ewlenin għal prezzijiet fissi. 

Abela wkoll saħaq fuq l-importanza ta’ immanġġjar ta’ traffiku aħjar sabiex titnaqqas il-problema ta’ konġestjoni, hekk kif qal li din is-sena se tiġi ntrodotta sistema rapida sabiex inċidenti żgħar jitneħħew mit-toroq malajr kemm jista’ ikun u jaffettwaw inqas id-dewmien tat-traffiku. 

Barra minn hekk, Abela tkellem ukoll fuq Justyne Caruana u Rosianne Cutajar, fejn qal li għadda biżżejjed żmien biex dawn jerġgħu jiġu kkunsidrati jagħtu l-kontribut politiku tagħhom.

Caruana  kienet irriżenjat minn ministru tal-edukazzjoni fl-2021 wara investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Istandards. 

Abela qal li Caruana ħallset l-ogħla prezz politiku u kien għadda biżżejjed żmien biex terġa’ tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tagħha fl-isfera pubblika.

Abela qal li kulħadd għandu l-imperfezzjonijiet tiegħu “... mexxej tajjeb huwa dak li juża t-talenti kollha disponibbli u ma jarmi lil ħadd,” qal. Dan intqal bl-istess mod rigward Rosianne Cutajar li "ħallset l-ogħla prezz għax kellha titlaq minn segretarju parlamentari. It-tieni l-ogħla prezz kien li kellha titlaq mill-grupp parlamentari Laburista". 

 

More in Socjali