Avviż! Il-bajja San Ġorġ f’Birżebbuġa mhux rekkomandata għal għawm
Filmat tas-CCTV jaf qabdu persuna tarmi ħarqa tat-trabi mgeżwra f’xugaman f’tappiera • Bħala prekawzjoni l-bajja ngħalqet
More in Socjali
Filmat tas-CCTV jaf qabdu persuna tarmi ħarqa tat-trabi mgeżwra f’xugaman f’tappiera • Bħala prekawzjoni l-bajja ngħalqet
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika javża li, sakemm joħroġ avviż ieħor, mhux rakkomandat li jsir għawm f’bajja San Ġorġ f’Birżebbuġa.
Din l-aħbar ġiet minħabba żbroff tad-drenaġġ fuq il-bajja li setgħet affettwat il-kwalità tal-ilma tajjeb għall-għawm u li tista’ tippreżenta riskju għas-saħħa tal-għawwiema kif indikat.
Stqarrija mid-Direttorat qalet li saret ħidma minnufih minn taqsima fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fejn saru x-xogħlijiet neċessarji fejn ġie iddentifikat il-kaġun tal-problema ta’ materjal li mhux suppost jintefa’ fil-main sewer, kif ukoll tnaddfet il-bajja.
Irriżulta li ħarqa tat-trabi mgeżwra f’xugaman ġiet mitfugħa deliberatament, probabbilment billi nfetħet tappiera.
“Dan l-att irresponsabbli premeditat mhux biss fixkel is-servizzi iżda wkoll ikkawża mblukkar tal-drenaġġ li kawża t’hekk skula fil-bajja. Il-WSC għamlet rapport lill-Pulizija, u l-awtoritajiet bħalissa qed jirrevedu l-filmat tas-CCTV miż-żona,” l-istqarrija tgħid.
Bħala prekawzjoni l-bajja ngħalqet u ttieħdu kampjuni biex tiġi determinata jekk il kwalità tal-ilma ġietx affettwata. F’dan l-istadju ma jistax jiġi mbassar jekk l-iżbroff tad-drenaġġ wasalx sal-baħar.
Tabelli li jindikaw iż-żona ġew imwaħħla fis-sit. Meta l-kwalità tkun tajba għall-għawm it-tabelli ser jitneħħew u tinħareġ stqarrija għall-istampa oħra biex tinnotifika lill-pubbliku li s-sit huwa mill-ġdid tajjeb għall-għawm.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq numru tat-telefon – 2133 7333 mit-8:00 ta’ filgħodu sas-2:30 ta’ waranofsinhar jew jibgħat email fuq [email protected]. Il-pubbliku huwa ġentilment mitlub iżur il-paġna tad-Direttorat fuq Facebook https://www.facebook.com/EHDMalta jew is-sit uffiċjali fuq https://environmentalhealth.gov.mt għal informazzjoni simili.