‘Il-Gvern tefa’ lil kulħadd fit-traffiku u għalaq għajnejh’ – PN

Il-Partit Nazzjonalista iweħħlu fil-gvern ta’ Robert Abela u ta’ Joseph Muscat għall-problema tat-traffiku

"Abela ma jista’ qatt jifhem dak li eluf ta’ Maltin u Għawdxin jiffaċċjaw kuljum" - il-PN b'referenza għat-traffiku

Il-Partit Nazzjonalista qed takkuża lill-gvernijiet preżenti u preċedenti Laburisti li huma responsabbli għall-problema tat-traffiku kurrenti. Barra minn hekk, qed jakkużaw li dawn l-istess gvernijiet ma jistgħu qatt jifhmu l-problemi ffaċċjati min-nies.

“Il-Gvern ta’ Robert Abela u ta’ qablu ħolqu l-problema tat-traffiku u issa għalqu għajnejhom għat-tbatijiet tan-nies. Il-Maltin ta’ kuljum qed jaħlu sigħat twal fil-karozzi tagħhom, imwaħħlin u frustrati, għax dan il-Gvern li suppost qed imexxi lil pajjiżna, jagħmel kollox bla pjan ta’ xejn,” stqarret l-oppożizzjoni.

Apparti n-nuqqas ta’ ppjanar adegwat, il-Partit Nazzjonalista stqarr li spiċċajna fis-sitwazzjoni preżenti minħabba nuqqas ta’ investiment serju fit-trasport pubbliku u trasport alternattivi, kif ukoll it-tħeġġiġ indirett biex in-nies jinqdew bil-karozzi privati.

Għal dis-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista jipproponi numru ta’ soluzzjonijiet, inklużi l-implementazzjoni ta’ sistema tat-trasport tal-massa effiċenti, inċentivi biex in-nies jaddottaw trasporti alternattivi bħar-rota, u iktar koordinazzjoni u kwalità fix-xogħlijiet tat-toroq biex titnaqqas kemm jista’ jkun il-konġestjoni.

Din l-istqarrija ħarġet bħala reazzjoni għal stħarriġ maħruġ mit-Times of Malta li wera li l-ikbar problemia li qed jaffettwaw lill-Maltin huma t-traffiku, in-nuqqas ta’ parkeġġi, u n-nuqqas ta’ sistema ta’ trasport pubbliku li tista’ toqgħod fuqha.

“Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex joffri s-soluzzjonijiet fl-oqsma li l-aktar li qed jinkwetaw lill-Maltin u l-Għawdxin,” ikkonkludiet l-Oppożizzjoni fl-istqarrija.

More in Socjali