Jitwaqqfu x-xogħlijiet Tas-Sliema wara ilmenti ta' ħsarat f'djarhom

In-notifika ta’ ‘Stop Works’ li nħarġet lbieraħ se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-ħsarat kollha jiġu rranġati

(Ritratt: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol)
(Ritratt: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol)

Wara lmenti minn residenti f’Tas-Sliema dwar ħsarat f’djarhom minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-viċin, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) iltaqgħu llum, il-Ġimgħa 21 ta’ Marzu, mal-iżviluppatur tal-proġett.

Saret ukoll spezzjoni fuq is-sit mill-imsemmija awtoritajiet flimkien mal-iżviluppatur. Matul il-laqgħa, l-iżviluppatur ġie ordnat jirranġa l-ħsarat kollha li saru lill-partijiet terzi. In-notifika ta’ ‘Stop Works’ li nħarġet lbieraħ se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-ħsarat kollha jiġu rranġati.

Il-ħsarat li saru fil-propjetà
Il-ħsarat li saru fil-propjetà

Barra minn hekk, iż-żewġ awtoritajiet talbu lill-iżviluppatur jippreżenta dokumentazzjoni addizzjonali dwar ix-xogħlijiet li għad iridu jsiru. Dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux jitkomplew sakemm il-BCA u l-OHSA japprovaw id-dokumenti meħtieġa. Il-BCA ħarġet ukoll avviż ta’ infurzar bil-penali kontra l-iżviluppatur.

L-awtoritajiet assiguraw lill-persuni affettwati li se jibqgħu infurmati bl-aħħar żviluppi u jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Fl-istess waqt, appellaw lill-pubbliku biex f’każijiet simili jirrapportaw fuq il-helpline 138.

More in Socjali