Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ħabbar li l-bord tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħatar lill-Perit Roderick Bonnici bħala Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità b’effett immedjat.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard awgura lill-Perit Bonnici għal aktar ħidma favur ir-responsabbilizzazzjoni lejn standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni u żied jgħid li kulma jmur din l-Awtorità qiegħda tkompli tissaħħaħ u tistabbilixxi rwol aktar b’saħħtu fis-settur tal-kostruzzjoni.
Filwaqt li awgura lill-Perit Bonnici għal dan ir-rwol, il-Ministru Attard qal li l-ħatra tiegħu bħala Kap Eżekuttiv hija parti mill-proċess ta’ ristrutturar li għaddej fl-Awtorità fejn fl-aħħar xhur fl-irwol tiegħu bħala Aġent Kap Eżekuttiv mexxa ’l quddiem numru ta’ inizjattivi biex l-istess awtorità tkompli tirrispondi b’mod aktar effettiv.
“L-impenn tal-Gvern huwa li jkompli jgħolli l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni, f’konformità mal-manifest elettorali u mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika fejn ftit tal-jiem ilu tajna rendikont ċar tan-numru ta’ miżuri li implimentajna u qed naħdmu fuqhom biex nilħqu dawn il-miri,” sostna l-Ministru Jonathan Attard.
Għal dawn l-aħħar xhur il-Perit Bonnici kien qiegħed jokkupa r-rwol ta’ Aġent Kap Eżekuttiv fi ħdan l-awtorità fejn fost l-oħrajn kien involut b’mod dirett fuq numru ta’ miżuri importanti fosthom it-tnedija ta’ Helpline ġdid għal dak kollu relatat mal-Kostruzzjoni u s-Saħħa u Sigurtà, ftehim mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol għal aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet lejn aċċess aktar faċli għaċ-ċittadini, il-Liċenzjar tal-Bennejja u l-Kuntratturi u l-iffirmar ta’ ftehim li se jkun qiegħed iġib flimkien l-imsieħba ewlenin fis-settur tal-kostruzzjoni biex b’impenn jaħdmu fuq l-implimentazzjoni ta’ Kodiċi Nazzjonali dwar il-bini u l-kostruzzjoni.
Preċedentement huwa kien il-kap tas-sezzjoni li tapprova l-applikazzjonijiet tal-permessi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, gradwa f’Baċellerat tal-Inġinerija u Arkitettura kif ukoll kwalifikat f’Masters fl-Immaniġġjar tal-Proġetti mill-Università ta’ Malta.