Proġett sabiex jitjiebu s-sistemi tad-drenaġġ u l-ilma potabbli f’Birżebbuġa
Il-Proġett ta’ kważi €3 miljun mistenni li jitlesta fis-sajf tas-sena d-dieħla

Ritratt: MEEC
More in Socjali
Il-Proġett ta’ kważi €3 miljun mistenni li jitlesta fis-sajf tas-sena d-dieħla
Għaddej proġett ta’ titjib tas-sistema tad-drenaġġ fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. Dan il-proġett ta’ €2.6 miljun, li jinkludi s-sostituzzjoni u t-titjib ta’ 2.1 km ta’ pajpijiet tad-drenaġġ, hu mfassal sabiex isaħħaħ l-affidabbiltà tal-infrastruttura fil-lokalità.
Id-dettalji ġew spjegati waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, flimkien ma’ membri tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Ir-residenti u r-rappreżentanti tal-lokalità esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-progress li diġà sar s’issa, b’mod partikolari fejn diġà tneħħew u ġew sostitwiti l-pajpijiet eżistenti tad-drenaġġ.
“Il-Gvern jibqa’ kommess li jinvesti fl-infrastruttura essenzjali li hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Dan il-proġett huwa eżempju ċar tal-impenn tagħna li nindirizzaw l-isfidi malajr u nipprovdu benefiċċji fit-tul għall-komunitajiet lokali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia stqarr, “Għalkemm kellna sfida inizjali minħabba d-dħul ta’ ilma baħar, it-timijiet tagħna, flimkien mal-imsieħba tagħhom, ħadmu ħafna sabiex iżommu l-proġett miexi skont il-pjan. Ninsabu ħerqana li naraw il-benefiċċji fit-tul li dan l-aġġornament se jġib lil-lokalità.”
Intqal ukoll li t-titjib fin-network tad-drenaġġ se jindirizza l-problema ta’ infiltrazzjoni ta’ ilma baħar u jżid il-kapaċità tal-pajpijiet prinċipali li jservu lil Ħal Far, il-Qajjenza u lil Birżebbuġa. Fl-istess ħin, it-titjib fis-sistema tal-ilma potabbli se jinkludi l-introduzzjoni ta’ new crossings, sluice valves, konnessjonijiet għad-djar, u trunk main, sabiex tiġi żgurata provvista tal-ilma b’saħħtu u effiċjenti għar-residenti tal-lokalità
Il-proġett huwa mistenni li jitlesta sas-sajf tas-sena d-dieħla. Sadanittant, qed jopera servizz ta’ shuttle tul Triq il-Bajja s-Sabiħa, filwaqt li d-direzzjonijiet alternattivi għall-vetturi huma mmarkati b’mod ċar biex jiġi kkontrollat it-traffiku. L-aċċess għall-mixi jibqa’ miftuħ sabiex ir-rutina ta’ kuljum tkompli bl-inqas inkonvenjent possibbli.