L-MAM b'twissija kontra l-prodotti tal-kannabis li jittieklu

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija tgħid li prodotti ġodda tal-kannabis li jittieklu qed ipoġġu s-saħħa pubblika fil-periklu • Tistqarr ukoll li diġà kien hemm min spiċċa l-isptar minħabba l-konsum ta' dawn il-prodotti

Dawn il-prodotti għandhom konċentrazzjoni u effetti mhux magħrufa, u b'hekk ma jistgħux jitqiesu tajbin għall-konsum.
Dawn il-prodotti għandhom konċentrazzjoni u effetti mhux magħrufa, u b'hekk ma jistgħux jitqiesu tajbin għall-konsum.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tavża lill-pubbliku dwar il-periklu ta' ċerti prodotti ġodda tal-cannabis li jittieklu, bħalm'huma ħelu tal-ġuġù, kejkijiet, u gallettini bil-kannabis fihom.

Dawn il-prodotti, li skont l-MAM qed jiġu reklamati b’mod qarrieqi għall-konsum, diġà wasslu diversi persuni għall-kura medika urġenti fl-Isptar Mater Dei.

Skont l-Assoċazzjoni, f’dawn l-aħħar ġimgħat diversi pazjenti spiċċaw l-isptar wara li kkunsmaw dawn il-prodotti, b’mod partikolari dawk li fihom sustanza perikoluża magħrufa bħala "CC9". Is-sintomi tal-pazjenti inkludew ngħas estrem li dam aktar minn 24 siegħa, rimettar, problemi fil-vista, u ħsara fil-fwied.

Minkejja li dawn il-prodotti ikollhom tikketta li tgħid “MHUX għall-konsum uman”, MAM sostniet li l-għan aħħar ta' dawn il-prodotti huwa biex jiġu kkunsmati.

L-Assoċjazzjoni kkundannat dan ir-reklamar qarrieqi u dan il-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni li, fi kliemha, qed jevitaw kull forma ta’ ttestjar formali u l-proċessi t’approvazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Filwaqt li r-riskji assoċjati mal-konsum tal-kannabis huma magħrufin, dawn il-prodotti qed iżiedu dawn ir-riskji minħabba n-nuqqas ta' eżaminazzjoni li qed isirilhom. Dan qed iwassal biex dawn il-prodotti ikollhom konċentrazzjoni u effetti mhux magħrufa, u b'hekk ma jistgħux jitqiesu tajbin għall-konsum.

Il-fatt li dawn il-prodotti jistgħu jħallu effett għal sigħat twal jagħmilhom saħansitra aktar perikolużi, speċjalment jekk il-persuni li jkunu kkunsmawhom mbagħad imorru jsuqu jew joperaw xi makkinarju.

Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni fakkret il-konsegwenzi serji psikoloġiċi relatati mal-użu tal-kannabis, inklużi l-ansjetà, id-dipressjoni, u, f’ċerti każijiet, il-psikożi, li jistgħu jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ u lill-persuni vulnerabbli.

MAM għaldaqstant qed titlob lill-awtoritajiet biex jaġixxu mill-ewwel u jneħħu dawn il-prodotti minn fuq is-suq Malti, kif ukoll li jassiguraw li dawk responsabbli jġorru r-responsabbiltà għal dan ir-riskju fuq is-saħħa pubblika.

More in Socjali