Il-Kriżi fil-Partit Nazzjonalista
Repetizzjoni nawżjanti. L-istess kliem jingħad ujingħad bla waqfien. L-istess apoloġiji u l-istess skużi.
U bil-mezzi tax-xandir idaħħlu feles ieħor fil-kustat miftuħ tal-PN. Wasal iż-żmien biex Simon Busuttil jirriżenja?
Din l-ispin il-media qed timbuttaha fi programm wara l-ieħor, kull preżentatur jixxadinja lil ta’ qablu. Dr Busuttil qed ikun imbuttat jgħid li “iva, daħalli f’moħħi li nirriżenja, imma għażilt it-triq tal-kuraġġ” u ma riedx jabbanduna l-bastiment meta beda jegħreq għal kollox. Wara kollox, il-wirt li sab Simon Busuttil sabu f’ħoġru bħala wirt ta’ ħaddieħor, ta’ tmexxija diżastruża u arroganti, li ma kinitx tistħi tipproklama li għad trid tiggverna għoxrin sena oħra.
Busuttil wiret xenarju ta’ tifrik, ta’ skandli u, ironikament, fallimenti min-nies tax-xirka ta’ Lawrence Gonzi. Il-PN irid jifhem, kif naħseb li beda jifhem, li jridu jgħaddu ħafna snin biex in-nies tinsa l-iskandli ta’ gvern arroganti li ħaseb li kellu mandat divin biex jirrombla fuq ras il-poplu.
Il-PN għadu jiffonda: free fall, imma talinqas hemm xi ftit tama li bdiet tagħlaq l-amoraġija. Busuttil, minkejja t-telfa klamoruża oħra ta’ 33,000 vot, irniexxielu jakkwista t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. Issa jonqsu jitgħallem lingwaġġ umli, inqas offensiv u inqas grottesk u isteriku meta jattakka lill-gvern. Il-poplu xeba’ bl-istess kantaliena.
IL-POETA YEVTUSHENKO GĦAL MALTA
F’TVPM tħabbar li għall-festival tal-Arti (2014) se jinġieb f’Malta l-poeta Russu Yevgeny Yevtushenko. Fis-snin sittin, il-poeta Russu kien wieħed mill-favoriti fost il-ġenerazzjoni ta’ poeti lokali ta’ dik l-epoka ta’ taqlib u ribelljoni.
Flimkien ma’ Andrei Voznesenski, Yevtushenko kien bi ħġaru kontra t-tirannija u ma beżax jiddenunzja l-ħruxijiet li seħħew f’pajjiżu fi żmien Stalin. Illum, wara tliet onorifiċenzi dottorali, il-poeta jgħallem il-letteratura u ċ-ċinema Russa fl-Università ta’ Tulsa, l-Istati Uniti. Minkejja l-fama internazzjonali tiegħu għall-bidu li mar jgħallem fl-Istati Uniti l-istudenti Amerikani ma kinux jafu min hu u kien iqassmilhom bijografija tiegħu, xi ħaġa li l-istudenti qisuha bħala komika. L-Università ta’ Malta wkoll se tagħti dottorat Honoris Causa lill-poeta Russu, li llum għandu 82 sena.
L-aktar poeżija famuża ta’ Yevtushenko hi Babi Yar, miktuba fl-Ukrajna preċiżament 50 sena ilu. Dwar din il-poeżija, il-poeta Russu kien tkellem f’servizz tal-BBC u spjega għaliex ħass li kellu jikteb dik il-poeżija li sammret lil udjenzi fir-Russja u lil hinn minnha. Dan ix-xogħol jiddeskrivi l-agħar massakru tal-Olokawst Nazista. Fl-1941, in-Nazi ġabru 34,000 Lhudi fuq it-trufijiet tal-irdum ta’ Babi Yar fil-kapitali Ukrena, Kiev, u sparawlhom kollha, f’massakru mingħajr preċedent.
Wara li dar is-sit tal-massakru, Yevtushenko mar lura l-lukanda u kiteb il-poema f’ħames sigħat. Meta qraha lil martu qaltu li dak li ġara tant hu terribbli li aħjar ma jiktibx dwaru. Il-poeta ma qabilx: “Sa ċertu punt marti kellha raġun, imma bħala awtur ħassejt piż fuq spallejja. Hu diffiċli ħafna ssib kliem espressiv biżżejjed biex tfisser dak li ġara. Il-kliem dgħajfin wisq. Imma għandna obbligu li nitkellmu dwar ħwejjeġ bħal dawn. Ma nistgħux inħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jinsew.”
Babi Yar serviet bħala manifest li jikkritika l-anti-Semitiżmu madwar id-dinja kollha, inkluż dak fl-Unjoni Sovjetika. Il-poema llum titqies bħala l-ewwel toqba fil-purtiera tal-ħadid.
Babi Yar kienet interpretata sinfonikament minn Shostakovic u bis-saħħa t’hekk, il-burokrazija Sovjetika kellha tibni monument fuq is-sit tal-massakru.
Importanti li lanqas f’Malta ma jintesa x-xogħol ta’ Yevtushenko. Bis-saħħa tal-poeta-reġista Albert Marshall, chair tal-Kunsill tal-Arti u l-Kultura, il-poeta Russu probabbilment iżur Malta ma’ martu għall-Festival tal-Arti ta’ din is-sena.
IL-PROVA GĦALL-POLITIĊI NISA MALTIN
Għandu raġun il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
B’erba’ nisa fil-Parlament Ewropew Malta għandha, proporzjonalment, l-akbar preżenza femminili.
Din l-elezzjoni ta’ erba’ nisa għall-PE ġiet f’mument storiku wkoll, meta Malta qed tfakkar il-50 anniversarju tal-Indipendenza u l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill.
Dawk eletti huma kollha ta’ kwalità valida u grad ta’ intellett għoli. Wieħed jittama biss li jaħdmu għal Malta u mhux jaqgħu għad-diktat tal-partiti rispettivi tagħhom. Issa hemm l-ispazju għal erba’ nisa eletti. Ħalli juru xi jsarrfu.