Mix-xtajtiet ramlin u l-irdum tan-Normandija

Jgħidu li l-imperu Ruman waqa’ meta s-sudditi tiegħu spiċċatilhom il-ħeġġa li jiddefendu l-fruntieri tiegħu mill-inkursjonijiet barbariċi. Madankollu, sebgħin sena ilu l-ħeġġa tal-ġlied ma kinitx nieqsa u mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ urew kuraġġ inkredibbli fit-taqbida li kienet għaddejja fl-Ewropa u fl-Asja bejn l-Alleati u l-Assi. Propju nhar il-Ġimgħa ġie kkommemorat is-sebgħin anniversarju tal-itwal jum meta t-truppi Amerikani, Brittaniċi, Kanadiżi, Polakki u anke Franċiżi Ħielsa fetħu t-tieni front fil-kontinent Ewropew fin-Normandija li Stalin u r-Russi kienu tant ilhom jitolbu. B’hekk il-Ġermaniża Nażista spiċċat fil-morsa ta’ żewġ armati mil-Lvant u l-Punent u t-telfa finali kienet kwistjoni ta’ ftit xhur.
F’dak il-jum tas-6 ta’ Ġunju 1944, 150,000 truppi alleati żbarkaw fl-aktar punt imbiegħed bejn Franza u l-Ingilterra fin-Normandija. Hitler u bosta mill-kmand Ġermaniż kienu qed jistennew l-invażjoni sseħħ fl-aktar punt dejjaq, f’Calais. Imma l-Alleati rnexxielhom jidħqu bil-Ġermaniżi, jaħbu l-mijiet ta’ eluf ta’ suldati u l-ammont qawwi ta’ mezzi li nġabru fin-nofsinhar tal-Ingilterra u jwettqu mpriża bla preċedent u li bħalha għadna qatt ma rajna. L-istorja kienet tkun ċertament differenti kieku l-kmandant leġġendarju Ġermaniż Erwin Rommel ma kienx ħa ġurnata frank sabiex jiċċelebra għeluq snin martu għax ħaseb li kien wisq maltemp sabiex l-Alleati jittentaw l-invażjoni. Kienet ukoll tkun differenti kieku Hitler kien qam kmieni f’dak il-jum u ta l-ordni immedjata sabiex il-Ġermaniżi jużaw it-tankijiet tagħhom ħalli jitfgħu lill-Alleati l-baħar. Hitler biss kellu l-awtorità li jagħti din l-ordni wara li kienet inqalgħet kwistjoni bejn Rommel u l-kap tal-Wehrmacht, Von Runstedt. Imma Hitler dakinhar qam fil-11am għax ħadd ma ażżarda jqajmu meta bdew jaslu l-aħbarijiet tal-invażjoni. L-ordni eventwalment ingħatat fl-4pm imma l-alleati kienu diġà laħqu jiżbarkaw ħafna nies u mezzi fuq ix-xtajtiet Normanni.
Kif qal ferm tajjeb Obama f’diskors tal-okkażjoni, meta d-dinja llum tidher daqshekk ċinika, wieħed irid jiftakar fis-sagrifiċċju ta’ dawk l-eluf ta’ żgħażagħ li mill-ibgħad kantunieri tal-Amerika marru jiġġieldu fuq l-art Franċiża, sagrifiċċju li għal ħafna minnhom kien suprem. Fiċ-ċimiterju ta’ Colleville-sul-mer fejn saret iċ-ċerimonja hemm midfunin 9,300 Amerikan. Sagrifiċċji li saru kemm mill-Alleati kif ukoll mill-forzi Ġermaniżi u l-alleati tagħhom f’konflitt għad-dominanza aħħarija li ħalla miljuni kbar ta’ vittmi. Konflitt li ġie pprovokat minn ideoloġija qarrieqa li ddedikat enerġija bla predeċent għall-qerda ta’ massa ta’ kategoriji speċifiċi ta’ nies, il-Lhud, l-omosesswali, iż-żingari u d-diżabbli. Ideoloġija li tilfet il-boxxla kollha taċ-ċiviltà imma li għad għadek issib min jissimpatizza magħha.
Sebgħin sena mhumiex żmien twil fl-annati tal-istorja. Imma ftit ġimgħat oħra sejrin nikkommemoraw anniversarju ieħor, il-mitt sena minn meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Fi tletin sena, id-dinja, u speċjalment l-Ewropa, kienet għaddiet minn gwerra dinjija, miljuni ta’ mwiet, il-waqgħa ta’ tliet imperi, id-Dipressjoni l-Kbira, it-twelid ta’ reġimi dittatorjali b’ideoloġija anti-liberali u Gwerra Dinjija oħra fejn il-Ġermanja ppruvat terġa’ tieħu d-dominanza tal-kontinent li ma kienx irnexxielha tieħu fl-1918.
L-Ewropa tal-1945 kienet f’rovina materjali u spiritwali. L-ideoloġiji anti-liberali kienu fallew totalment u ħallew miljuni kbar ta’ vittmi u ħsara materjali immensa. L-alternattiva għal-liberaliżmu kien is-soċjaliżmu sovjetiku li impona żvilupp ekonomiku mgħaġġel bil-kollettivazzjoni tal-artijiet agrikoli u n-nazzjonalizzjoni tal-mezzi kollha produttivi. Is-soċjaliżmu sovjetiku kien ukoll sinonimu mal-assenza totali ta’ libertajiet individwali u ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem b’mod massiċċ.
Mill-banda l-oħra, il-liberaliżmu kien wera l-limitazzjonijiet tiegħu wkoll għax kienu reġimi essenzjalment liberali li ħallew in-nazzjonaliżmu jirkibhom u jkaxkarhom għall-ewwel konflitt mondjali. Kien taħt il-liberaliżmu wkoll li tant nies soffrew fil-kriżi ekonomika tas-snin tletin li verament ġiet biss issuperata bir-riarm li ġabet magħha t-Tieni Gwerra Mondjali.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija kibru l-ilħna favur Ewropa aktar magħquda sabiex ma jerġax ikun hemm konflitt bejn ġirien bħalma kien hemm fis-snin ta’ qabel. Tajjeb li wieħed jiftakar li bejn l-1870 u l-1940, il-Ġermanja invadiet lil Franza tliet darbiet. Kien f’dan l-isfond li fl-1946 Churchill issuġġerixxa t-twelid tal-Istati Uniti tal-Ewropa. Ir-retiċenza Brittanika għal tali proġett mill-ewwel dehret ċara u l-Kunsill tal-Ewropa li twieled fl-1949 ma setax jevolvi aktar minħabba l-oppożizzjoni Brittanika. Kien għalhekk li fid-9 ta’ Mejju 1950, il-Ministru tal-Affarijiet Barranini Franċiż, Robert Schumann, ippropona t-twaqqif ta’ komunità biex tintegra l-produzzjoni ta’ faħam u azzar, żewġ elementi importanti fi kwalunkwe gwerra. B’hekk twieldet fl-1951 il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li fiha ssieħbu Franza, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda, il-Lussemburgu u l-Ġermanja tal-Punent. Sitt snin wara ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma u din il-komunità wessgħet l-iskop tagħha sabiex jitwaqqaf suq komuni bejn il-pajjiżi membri.
Mill-1958 ’l hawn saru bosta żviluppi u s-suq komuni mhux biss sar realtà imma llum minn sitt pajjiżi sirna tmienja u għoxrin pajjiż, inkluż Malta, li għażlu li jaqsmu s-sovranità tagħhom u jissieħbu fil-proġett komuni Ewropew. Dawn il-pajjiżi għandhom populazzjoni ta’ 500 miljun u jħaddnu reġim waħdani ta’ liġijiet fil-forma ta’ direttivi u regolamenti li 90% minnhom huma approvati minn parlament elett direttament mill-poplu. Dan ir-reġim regolatorju spiss jiġi imitat minn pajjiżi terzi fl-Asja, fl-Afrika u fl-Amerika Latina. Barra minn hekk, għad hemm bosta pajjiżi oħra li minkejja s-sentimenti ewroxettiċi li spiss jitfaċċaw fil-pajjiżi membri jridu jissieħbu wkoll.
Tmintax mit-tmienja u għoxrin pajjiż membru adottaw munita komuni li tintuża minn 334 miljun Ewropew, ma’ liema munita intrabtu muniti oħrajn li jintużaw minn 210 miljun ruħ. Munita li minkejja kollox ser tkompli bi sħiħ il-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika u t-twessigħ tas-suq waħdieni.
Fuq kollox, l-Unjoni Ewropea, kif issa hija magħrufa l-idea li Schumann ippropona fl-1950, ippresediet fuq l-itwal żmien ta’ paċi fil-kontinent Ewropew għal ħafna żmien. Waħda mill-akbar problemi li n-nies f’pajjiżna jassoċjaw mal-UE, hi dik tal-immigrazzjoni illegali hija wirja ċara tas-suċċess tal-proġett Ewropew. Kieku m’hawnx il-paċi u l-prosperità ekonomika fl-Ewropa, kieku ħadd mhu qiegħed ifittex li jirriskja ħajtu fid-deżert u f’dgħajsa ċeqlembuta fil-Mediterran sabiex iniżżel saqajh fuq l-art Ewropea.
Problemi l-Ewropa ċertament għandha bosta u dan speċjalment wara l-kriżi ekonomika severa li ħakmet il-kontinent u speċjalment iż-żona ewro wara l-2008. Il-libertà li kellhom l-istati membri li jonfqu kemm iridu u jiżvalutaw il-munita tagħhom meta pajjiżhom ma jibqax kompettiv spiċċat bit-tħaddin tal-ewro kif ukoll ta’ reġim ta’ responsabilità fiskali mnebbaħ mill-Ġermaniżi dejjem viġilanti li għandhom il-memorja kollettiva tagħhom ittimbrata bl-esperjenza kerha tal-iperinflazzjoni ta’ żmien ir-repubblika ta’ Weimar. Ir-regoli ta’ Maastricht jillimitaw id-defiċit pubbliku u d-dejn nazzjonali. Minflok il-pajjiżi jridu jadottaw il-proċess aktar diffiċli tal-iżvalutazzjoni interna sabiex jindirizzaw il-problemi ta’ nuqqas ta’ kompetittività u jridu jnaqqsu l-ispiża pubblika.
Bħala riżultat ta’ din il-kriżi, l-Ewropa llum hi fil-maġġorparti kontinent għajjien bi tkabbir ekonomiku kajman jekk mhux ineżistenti għall-aħħar. Irridu nsaqsu jekk is-soluzzjoni għall-problemi ekonomiċi li għandna hijiex l-awsterità li l-Ġermaniżi u l-alleati Nordiċi tagħhom jinsistu fuqha jew inkella wieħed għandux jieħu l-parir ta’ bosta ekonomisti neo-keyneżjani, speċjalment Amerikani, bħal Paul Krugman u Joseph Stiglitz. Issa li l-perikli għaż-żona ewro naqsu drastikament u l-investituri reġgħu sabu l-aptit għat-titli tal-pajjiż membri, huwa meħtieġ bl-aktar mod urġenti li terġa’ tirranka l-ekonomija reali bħalma għamlet l-ekonomija Amerikana li rkuprat il-postijiet tax-xogħol kollha li kienet tilfet bir-riċessjoni.
Din hija l-akbar sfida Ewropea, sfida li l-partiti ewroxettiċi bir-retorika kollha tagħhom m’għandhomx ir-risposti għaliha. Anke bosta gvernijiet nazzjonali m’għandhomx ir-risposti għal din l-isfida. Madankollu, is-sens komun jgħidlek li soluzzjoni minnhom żgur trid tkun dak li Monti kien iħambaq fuqu meta kien Prim Ministru Taljan li s-suq waħdieni jrid jitwessa’ minkejja l-oppożizzjoni Ġermaniża sabiex jistimula t-tkabbir ekonomiku. Jidher ukoll li qed jitwieled konsensus li r-regoli dwar id-defiċit pubbliku jridu jiġi interpretati b’mod anqas sever u l-pajjiżi membri jkollhom aktar flessibilità sabiex jistimulaw ir-ritmu ekonomiku fid-dawl ta’ riċessjoni li pajjiżhom jinsab fiha.
Wieħed jittama li l-Kummissjoni l-ġdida turi enerġija ġdida sabiex il-firxa tas-suq waħdieni titwessa aktar u sabiex l-ħolqien tax-xogħol jitpoġġa fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Dan jista’ jsir ukoll bit-tneħħija ta’ regoli mhux meħtieġa li jinibixxu t-tkabbir ekonomiku. Min-naħa tagħhom, il-pajjiżi membri jridu jgħarfu jgħaddu aktar poteri liċ-ċentru fejn meħtieġ u speċjalment lil Bank Ċentrali Ewropew li minkejja li għandu jdejh marbuta, għamel il-mirakli taħt it-tmexxija impekkabbli ta’ Draghi, il-vera stilla ta’ din l-kriżi.
Problemi għandna kemm trid, imma s-soluzzjoni hija aktar Ewropa, mhux anqas. Ma ninsew qatt imnejn ġejna u fejn aħna qegħdin illum u fejn stajna konna kieku mhux għal dak il-famuż diskors ta’ Schumann 64 sena ilu, sitt snin biss wara li ċarċar tant demm fuq ix-xtajtiet ramlin u l-irdum tan-Normandija.

 

More in Blogs