It-Turiżmu fit-triq it-tajba

L-aħbar li t-turiżmu f’pajjiżna matul ix-xahar ta’ April żdied bi 12.2% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra tawgura tajjeb għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan għaliex f’termini monetarji, f’April it-turiżmu ġġenera €114.7 miljun bin-nefqa ras għal ras ta’ kull turist tkun dik ta’ €756.
Is-suċċess ta’ dawn il-figuri jnisslu sens ta’ sigurtà lill-bosta ħaddiema li jaħdmu fis-settur u li l-għixien tal-familji tagħhom jiddependi mit-turist jew nies tan-negozju li jiġu jqattgħu ftit ġranet f’pajjiżna kemm bħala vaganza jew inkella biex jiddiskutu possibbiltà ta’ negozju.
It-turiżmu f’pajjiżna hu tradizzjonalment marbut max-xemx u l-baħar sabiħ li jdawwar din il-gżira ċkejkna fil-Mediterran matul ix-xhur tas-sajf u hu propju għalhekk li l-figuri mħabbra din il-ġimgħa jitqiesu bħala suċċess. Suċċess għax qed jirnexxilna ntawlu l-istaġun turistiku li iktar ma niftħuħ iktar irendi flus lejn l-ekonomija.
Il-ħidma tal-gvern, flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, jidher li qed tħalli l-frott mixtieq u għalhekk tajjeb li aħna bħala poplu nkomplu nestendu l-ospitalità tagħna, li tant aħna magħrufin għaliha, għax waħda mill-affarijiet li japprezza turist meta jkun barra pajjiżu hi li jkun stmat u rispettat kif xieraq.
Ma tagħmlilna ebda ġieħ li nippruvaw nisolħu turist minn flusu hekk kif dan ifittex taxi, jiekol f’ristorant jew jixtri kwalunkwe oġġett jew servizz ieħor u jispicca jintalab id-doppju jew triplu tal-prezz oriġinali. Hi tal-mistħija meta tisma’ l-prezzijiet li jintalbu t-turisti biex imorru dawra b’karozzin jew xi dawra b’xi speedboat.
L-istess irid jingħad għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni. Illum, il-lukandi tagħna laħqu ċerta standards u dan hu importanti hekk kif it-turist għandu l-possibbiltà li jikkummenta fit-tajjeb u fil-ħażin fuq is-servizz li jingħata fuq mezzi soċjali bħal TripAdvisor. Ħafna turisti jiċċekkjaw il-lukanda li jkunu sejrin fiha fuq TripAdvisor qabel ma jibbukkjaw u hemmhekk isibu r-rivisti li jkunu nkitbu minn turisti oħra li qagħdu fl-istess lukanda qabilhom. Għalhekk, jekk ma jkunux ċerti li se jsibu s-servizz mixtieq, ifittxu post ieħor jew saħansitra pajjiż ieħor.
Is-settur tat-turiżmu wkoll għandu n-niċeċ tiegħu u llum qegħin naraw suq fejn gruppi kbar ta’ nies jiġu sabiex jattendu konferenzi f’Malta. Dawn ġeneralment jiġu organizzati minn kumpaniji kbar li ġieli saħansitra jikru ajruplani sħaħ sabiex jiġu f’pajjiżna u jokkupaw numru mdaqqas ta’ kmamar f’lukandi ta’ ħames stilel.
Hemm ukoll is-settur tat-turiżmu mediku, settur li qed jikber sew f’diversi pajjiżi b’nies li jibbukkjaw vaganzi fejn matulhom ikollhom interventi ta’ kirurġija kosmetika. Dan is-suq ukoll beda f’Malta madwar tmien snin ilu u jidher li kull ma jmur qed jiżdied b’turisti li qed jipprovdu xogħol mhux biss xogħol għal lukandi iżda anke għal sptarijiet privati.
Aktar ma’ pajjiżna jkun aċċessibbli bl-ajru u bil-baħar, aktar jinfetħu l-opportunitajiet li t-turisti jżuru pajjiżna. Il-linji tal-ajru low cost ukoll kellhom impatt fuq it-tkabbir tat-turiżmu f’pajjiżna u dawn tajjeb li jibqgħu jkunu sostnuti kif ukoll għandha tkun sostnuta l-linja nazzjonali AirMalta b’inċentivi li jiżguraw kompetizzjoni xierqa u ġusta bejniethom.
Finalment hemm ukoll il-gżira sabiħa t’Għawdex li dejjem tgawdi mit-turisti li jżuru pajjiżna b’viżti l-aktar ta’ ġurnata bħala eskursjoni. Għawdex iżda għandu l-potenzjal individwali tiegħu u jekk tiżdied l-aċċessibilità bl-ajru lejn din il-gżira li tkun tippermetti konnessjonijiet internazzjonali, l-ekonomija fil-gżira Għawdxija tkun kapaċi tirdoppja jew tittripla.
Biex is-servizz tal-ajru fil-gżira Għawdxija jkun suċċess, wara l-fallimenti tal-helicopters għal darba darbtejn, dan irid isir mhux biss biex jgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta iżda jkun kbir biżżejjed li jiftaħ bibien ġodda li jgħaqqad lil Għawdex mal-Ewropa permezz ta’ titjiriet limitati short haul.  
It-turiżmu għaldaqstant irridu nżommuh ħaj u nkattruh, mhux biss permezz tal-ħidma li jwettaq il-leġiżlatur imma wkoll bis-sehem tagħna lkoll bħala poplu ospitabbli u bi tbissima.

More in Blogs