Il-votazzjoni għall-Parlament Ewropew u l-moħħ bħala piżella
Dr Muscat kien moħħu fis-“suldati tal-azzar” u Dr Busuttil fil-produzzjoni ta’ ktejjeb ta’ stickers tal-200 Malti/ija “tal-qalba”.
Bilkemm laħqu għaddew ħmistax–il minuta mill-għeluq tal-ħin tal-votazzjoni għall-MPE fl-24 ta’ Mejju li fuq NET TV, Dr Noel Buttigieg Scicluna, eks ambaxxatur għal diversi pajjiżi, kien qed jgħajjar lill-Partit Laburista li “sar partit tal-LIDL”, ibigħ u jixtri kulma jsib, basta jaċċerta ruħu mill-poter politiku. Skont l-eks ambaxxatur, il-PL f’sena tgħallem jimmanipula kollox, mill-bejgħ tal-passaporti sa qerq fil-wegħdiet dwar ir-roħs fis-servizzi.
Fl-analiżi fuq One News, mill-banda l-oħra, l-ekonomista Alfred Mifsud għamel eloġju lill-Partit Laburista u saħaq li f’erbatax-il xahar, il-moviment ta’ Joseph Muscat għadda kull aspettattiva u l-ammont qawwi ta’ voti li reġa’ ġab, fejn raġa’ ħalla l-art lill-Partit Nazzjonalista b’aktar minn 33,000 vot, juri li l-Maltin qed jifhmu li issa għandhom Gvern li “qed jiddeliverja”.
L-ebda stazzjon ma pprova jinterpreta s-sinifikat ta’ 35.2% tal-votanti li ma marrux jivvutaw. 80,000 ċittadin li ma vvutawx. Jew is-6.3% li ma ġabrux id-dokument tal-vot. Bażikament, li aktar Maltin qed iħossuhom innawżjati bit-tip ta’ politika parrokjali li qed jiffabbrikaw il-partiti tradizzjonali. Għal ħames ġimgħat sħaħ ta’ kampanja li suppost iffukat fuq l-Ewropa, il-Maltin kienu assedjati bi propaganda li kkalkulat li ċittadini ta’ dawn il-gżejjer, bejn widnejhom għandhom moħħ daqs piżella. Il-poplu kien sottopost għal xenati, pulċinellati, tixjir tal-idejn, ilħna fi skali għolja u saħansitra t-trażżin bl-idejn biex il-kelliem ikun interrott. F’ “dibattitu” (sic) minnhom, Cyrus Engerer, frustrat, dar fuq Mario de Marco u qallu, “Tibqax tmissli idi għax qed iddejjaqni!”
Divertiment gratwit. Kummiedja bħal tal-lazzi tas-seklu sittax. Wirt farsesk tat-teatrin, ippreżentat għall-ispettaklu televiżiv f’Malta Ewropea tas-seklu 21. Dik Malta li din is-sena se tiċċelebra l-50 anniversarju tal-indipendenza tagħha. Iżda meta se tinħeles mid-dipendenza tal-politikanti medjokri tagħha? Min se jifdiha mill-madmad ta’ żewġ partiti ossessjonati bil-poter?
Kien biss Dr Arnold Cassola, ma’ sieħbu Carmel Cacopardo, li pprovda mumenti ta’ razzjonali u pprova jerfa’ lill-elettorat mill-pitkalija tal-basal jitħassar.
Dr Muscat kien moħħu fis-“suldati tal-azzar” u Dr Busuttil fil-produzzjoni ta’ ktejjeb ta’ stickers tal-200 Malti/ija “tal-qalba”. Din il-gimik iddisprata splodiha l-ġurnalist James Piscopo tal-Media Today, meta analizza l-lista u sab li bosta mill-persunaġġi “tal-qalba” fil-palazz ta’ Muscat diġà kienu “tal-qalba” fil-palazzi Nazzjonalisti.
Kemm hu mgħoddi ta’ patetiku l-elettorat Malti minn uħud bħal Busuttil & Co: Cyrus Engerer, Cher Engerer, Marisa Micallef Leyson, Kenneth Zammit Tabona, Grace Borg, Charles Azzopardi, Alfred Vella, Anthony Degiovanni, Renee Laviera, Marlene Mizzi eċċ.
Sadanittant, il-Kampanja għall-elezzjonijiet għall-PE għaddiet mingħajr biss ma ntmessew punti bħal:
(i) It-telf tal-istatus tal-Objective One għal Malta
(ii) Il-futur ta’ politika ta’ immigrazzjoni komuni għall-pajjiżi tal-UE
(iii) L-inġustizzja tal-politika one size fits all għal Malta
(iv) L-iżvantaġġi komparattivi ta’ Malta minħabba l-iżolament ġeopolitiku tagħha.
Dwar dan kollu, il-politiċi ħallew lill-poplu sajjem, miexi bħal fil-masġar skur ta’ Dante, wara l-bastun tal-isteriżmu miġnun ta’ xi Lowell. Hu tal-biża’ li dan l-estremist, mimli mibegħda kontra s-suwed, ġab voti aktar milli ġabet l-Alternattiva Demokratika, in-nifs razzjonali ta’ Malta fil-bidu tas-seklu 21. L-aħħar dehra televiżiva ta’ Prof Arnold Cassola fiż-żmien imkittef li ngħatat l-AD biex tagħlaq il-kampanja tagħha kienet brillanti, xempju ta’ kif kellha tkun il-kampanja ta’ aktar minn xahar li għejjiet lil tant Maltin, xebbgħethom u żammithom ’il bogħod mill-postijiet tal-votazzjoni. 86,757 biex inkunu eżatti għażlu li ma jivutawx.
Postscriptum: Sitt MPE Maltin fi Brussell u/jew Strasburgu b’salarju gross ta’ aktar minn €8,000 fix-xahar u massimu ta’ €21,200 fis-sena għall-ispejjeż, rifużjonijiet, eċċ. Aħjar minn daqqa ta’ ħarta. U m’hemmx garanzija li ma jeħduhiex kontra Malta f’mument meta l-aktar li jkollu bżonnhom il-pajjiż. Storja ta’ déjà vu, din, li m’ilux wisq li seħħet għall-ispettaklu tal-bqija tal-kontinent.