Mhux faċli tbiddel
Dan qiegħed ngħidu b’ għafsa ta’ qalb. Mhux faċli tibdel. Mhux faċli terħi warajk it-tradizzjoni u l-preċedenti tal-istorja.
Mhux faċli tbiddel. Meta tipprova tbiddel hemm iċ-ċans li ssib lil dawk il-ħafna li huma komdi bl-istatus quo kontra tiegħek. Min għandu l-għeruq f’sistema antika jħossu mhedded u jagħmel minn kollox biex il-bidla ma sseħħx. Dan jiġri kull fejn hemm xi tip ta’ organizzazzjoni. Minn każin tal-banda sa klabb tal-futbol. Minn kumpanija kummerċjali sa partit politiku.
Irrid nammetti li meta sitt snin ilu nbiddlet it-tmexxija tal-Partit Laburista, għalkemm jiena kont u għadni parti minnha, kienu qegħdin isiru ċertu tibdiliet li jiena ma stajtx nifhem mill-ewwel. Dakinhar bdejt nintebaħ li jiena bdejt nixjieħ. Mhux fiż-żmien, iżda minħabba r-rabta twila u antika li kelli ma’ ċertu simboli u xorta ta’ attitudni politika. Kont nemmen li l-bidla kienet wisq mgħaġġla u taħsad.
Meta ħadna d-deċiżjoni li tinbidel l-arma tal-Partit kont wieħed minn dawk li kelli xi riservi. Aktar kont nemmen li kellna naġġornaw l-antika biex tirrifletti ż-żminijiet tal-lum. Meta ftit ftit l-innu tal-Laburisti beda jindaqq ftit anqas minn meeting għall-ieħor b’xi nies jistqasu għaliex dan qiegħed jiġri, kont inħossni daqsxejn konfuż. It-tweġiba dejjem kienet iż-żminjiet qegħdin jinbidlu u jekk ma ninbidlux magħhom konna destinati li mmutu!
Id-dubji u l-mistoqsijiet dwar il-bidla li kienet qiegħda issir ma kienu jonqsu qatt. Inbidel il-lingwaġġ politiku tal-partit, inbidlu xi ftit il-kuluri, inbidlet l-attitudni lejn l-istampa u l-kritika li kienet issir. Fejn sa ftit qabel naqra ta’ kritika kienet tirvilla lil kulħadd, wasalna sal-punt li ħafna kritika bdejna noħduha b’akatar serenità u mingħajr esteriżmu politiku. Qisu kollox beda jiżloq minn fuqna fejn qabel kollox kien jeħel magħna.
Il-magħmul li kellu fuqu il-Partit Laburista bħal donnu sa fl-aħħar beda jispiċċa. Bħal xi ħadd fil-ħrejjef ta’ Andersen li kien ilu rieqed snin twal f’kaxxa tal-ħġieġ, il-Partit Laburista bħal donnu qam mill-ġdid. Dan il-proċess kien ta’ attrazzjoni għall-eluf ta’ nies li sa ftit snin ilu b’ ebda mod ma riedu jassoċjaw irwieħhom ma’ dan il-partit. Biex nuża l-kelma b’mod aktar kinetiku, beda jinħass moviment mhux tas-soltu.
Fil-laqgħat li bdew isiru bdejna nilmħu uċuh li qatt qabel ma konna rajnihom. Sa ftit żmien qabel kull persuna fil-folla konna nkunu nafuha b’isimha u kunjomha. Ftit żmien wara ma bdejniex nagħrfu lin-nies. L-uċuħ ġodda bdew jiżdiedu. Dawk li snin qabel kienu telqu reġgħu bdew ġejjin. Sakemm il-frott li ġabet magħha l-bidla inqata’ f’żewġ elezzjonijiet konsekkuttivi. Fl-elezzjoni ġenerali f’Marzu 2013 u dik riċenti tal-Parlament Ewropew.
Biex dan kollu sar ma kienx faċli. Ridna nużaw aktar saħħa biex nikkonvinċu lill-għeruq aktar milli lil dawk li kienu ġodda. Kien riskju mhux żgħir, għaliex biex saru dawn il-bidliet, għamilna bħal dak li lagħab dak kollu li kien fadallu fuq numru wieħed fuq il-mejda tar-roulette. Iżda l-kalkoli kienu tajbin. Sensiela ta’ telfiet elettorali kienu għallmuna li ma kellna xejn x’nitilfu. Jew ninbidlu jew immutu. Iżda ma kinitx bidla kosmetika. Kienet waħda reali. Tant huwa minnu li dawk li kienu ġodda u ngħaqdu mal-Partit Laburista f’Marzu tal-2013 baqgħu ma’ dan il-Partit f’Mejju tal-2014.
Nittama li l-Partiti l-oħrajn jirrealizzaw li l-bidla hija neċessarja. Qiegħed ngħid nittama għaliex għandi l-biża’ li kollox ser jibqa’ l-istess. Meta dan l-aħħar kont f’dibattitu ma’ Beppe Fenech Adami ħareġ ċar li t-tmexxija Nazzjonalista ma għandhiex ħsieb li tbiddel l-attitudni tagħha. Anzi fhimt li qal li l-messaġġ li ħadu mill-elettorat hu li ser iħarrxu l-attakki politiċi tagħhom kontra l-Gvern. Flok qegħdin jisimgħu lil min telaqhom jew mhux konvint minnhom semgħu x’qegħdin jgħidu dawk in-nazzjonalsiti tal-bandiera.
Ser jibqgħu għaddejjin jattakkaw il-pjan ta’ enerġija tal-Gvern. Ser jibqgħu għaddejjin jattakkaw l-iskema ta’ investiment marbuta maċ-ċittadinanza. Ser jibqgħu jisimgħu minn dawk il-politiċi li għadhom ma fehmux xi tfisser li tkun liberali. Ser jibqgħu jħallu lill-politiċi li isimhom huwa marbut mat-telfa elettorali jiddeterminaw x’għandha tkun il-politika tal-Partit Nazzjonalista. Fi ftit kliem Simon Busuttil ma jistax, lanqas kieku jrid, imur għall-bidla. Ser ikompli għaddej fuq formuli antiki li jagħtuk riżultat antik.
Kontra qalbi jkolli ngħid l-istess għall-Alternattiva Demokratika. Meta 25 sena ilu jiena u oħrajn waqqafna dan il-Paritit, l-ideat li kellna mhux biss kienu innovattivi iżda kienu wisq avangardisti. Temi bħad-divorzju, l-indafa fil-politika , l-ambjent, id-drittijiet ċivili u riforma elettorali kollha kienu tal-Alternattiva Demokratika. Bir-raġun igergru li dawn huma kollha temi li kienu tagħhom u ħaduhom il-partiti kbar. Iżda f’ċertu sens, anke L-Alternattiva Demokratika ma fhemitx li hi trid tindibel.
L-argumenti, ilmenti u protesti li jagħmlu għadhom l-istess bħal dawk ta’ 25 sena ilu. Dak li kien frisk 25 sena ilu issa qdiem. L-akkużi li ż-żewġ partiti l-kbar huma l-istess jew li għandhom l-istituzzjonijiet f’idejhom, issa saru temi antiki u li ftit li xejn jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika. Għandhom niċċa ta’ massimu ħamest elef vot u jibqgħu hemm. Qisu l-ispeed-o-metre politiku tagħhom weħel fuq in-numru 5 u ma jridx jiċċaqlaq. Għadhom ma fehmux li jridu jsibu formuli ġodda mingħajr ma jabbandunaw il-prinċipji tagħhom.
Fl-aħħar riżultat elettorali ġabu ftit voti aktar minn kemm kienet ġabet l-Alternattiva Demokratika fl-1992! Anzi naħseb li naqsu, għaliex illum l-popolazzjoni elettorali kibret. Billi jipprovaw jidhru sbieħ mal-elettorat għaliex jattakaw kontinwament liż-żewġ Partiti bil-famuża nisġa ta’ MLPN mhumiex ser jirfdu ebda elezzjoni. Iridu fil-fehma tiegħi jibdlu bħal meta darba kienu l-mutur tal-bidla. Li takkuża lil ħaddieħor li seraqlek l-ideat jew li tilmenta li s-sistema mhix ġusta, mhux biżżejjed.
Iridu jsibu dik ix-xi ħaġa biex ma jibqgħux assoċjati biss ma’ qrid u akkuzi. Iridu jsiru anqas immakulati u jifhmu li jkunu aktar prammatiċi. Li tkun prammatiku ma jfissirx li qiegħed tagħmel il-kompromessi. Billi kull xahar jagħmlu gwerra qaddisa kontra l-kaċċaturi mhux ser jirbħu. Referendum kontra l-kaċċa jista’ jintrebaħ iżda huma ser dejjem ikomplu jitilfu. Biex tkun favur l-ambjent ma tistax tkun kontra kull xorta ta’ żvillupp. Proġett jistgħu jwaqqfuh, iżda ser ikomplu jitilfu. F’għajnejn in-nies saru l-partit ta’ kontra kollox. In-nies isibuhom għal xi protesta kontra xi ħadd jew xi ħaġa għaliex ikun hemm interess settorjali, meta jiġu għall-vot jinsuhom!
Dan qiegħed ngħidu b’għafsa ta’ qalb. Mhux faċli tibdel. Mhux faċli terħi warajk it-tradizzjoni u l-preċedenti tal-istorja. Iżda dak li finalment jagħmel id-differenza kollha. Dak li jiddistingwi partit minn ieħor. Is-sogru taż-żminijiet. L-Ingliż jgħid “Who dares wins!”