Mhux akkost ta’ kollox

L-ebda partit m’ għandu jippretendi illi għandu xi monopolju fuq il-poter jew li hu etern.

Ir-riżultat tal-konsultazzjoni elettorali tas-Sibt li għadda reġa’ wera distakk qawwi ta’ 33,000 vot bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Hija t-tielet elezzjoni infila illi wriet distakk daqsekk kbir u kollox jindika illi d-dinamika elettorali tradizzjonali nbidlet radikalment. Huwa evidenti illi faxxa akbar tal-elettorat qiegħda tivvota b’mod divers minn kif tradizzjonalment ivvutat u faxxa partikolari baqgħet tagħti l-appoġġ tagħha lill-Partit Laburista minkejja li l-istħarriġ tal-opinjoni kien juri li proporzjon qawwi tal-hekk imsejħa “switchers” ma kinux għadhom jappoġġjaw lill-PL.
Kif kulħadd jaf, l-istħarriġ tal-opinjoni mhux xjenza eżatta u fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-vot illi jrid jiddeċiedi. Minkejja mobilitazzjoni qawwija min-naħa taż-żewġ partiti, il-proporzjon ta’ nies illi ma vvutawx kompla jikber u laħaq il-25%.  Kontra kull previżjoni, jidher illi l-aktar illi ntlaqat mill-astensjoniżmu kien il-PN illi kellu riżultat ferm deludenti illi ġie mtaffi mhux ftit bir-rebħ tat-tielet siġġu ewroparlamentari illi għad jista’ jiswa ħafna fil-futur. Dan is-siġġu ntrebaħ mill-avukata preparata u kapaċi Therese Comodini Cachia b’vantaġġ minimu ta’ 200 vot fuq il-perit Clint Camilleri, politiku żagħżugħ u ferm promettenti li wera kemm huwa possibbli kandidat Għawdxi jitla’ fil-Parlament Ewropew.
Din kienet l-unika konsolazzjoni għan-Nazzjonalisti: il-PN ġab perċentwal ta’ voti anqas milli ġab fl-aħħar elezzjoni ġenerali u fl-istess livell tal-elezzjoni Ewropea ta’ ħames snin ilu. Il-PL min-naħa tiegħu żamm l-istess persentaġġ ta’ voti li kellu fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ħlief għal xi tnaqqis marġinali mill-elezzjoni ta’ sena ilu. Madankollu, żamm distakk qawwi fuq in-Nazzjonalisti ta’ entità illi ma konniex imdorrijin naraw qabel. Fl-elezzjonijiet tal-1992, 1998 u 2003, il-PN ġab maġġoranzi ta’ 12,000/13,000 vot. Il-marġni tar-rebħiet laburisti jindika illi l-PL huwa l-partit naturali tal-gvern fil-pajjiż u juri bl-aktar mod ċar kemm kien fatt straordinarju illi minħabba bosta fatturi, fosthom żbalji strateġiċi bħall-oppożizzjoni qawwija għad-dħul ta’ Malta fl-U.E., illi qatta’ ħamsa u għoxrin sena fl-oppożizzjoni ħlief għat-tnejn u għoxrin xahar tal-gvern ta’ Sant.
Meta wieħed iqabbel il-figuri, wieħed jara kif iż-żewġ partiti l-kbar ġabu l-istess numru ta’ voti f’din l-elezzjoni bħalma kellhom fl-elezzjoni tal-2009 u dan minkejja li l-perċentwal ta’ votanti naqas minn 78.79% għal 74.8%. Komparat mal-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra, iż-żewġ partiti l-kbar it-tnejn naqsu 32,000/33,000 votant.  Dan ifisser illi l-PN kellu emoraġġija aktar qawwija ta’ votanti li ma ħarġux jivvutaw peress li għandu bażi elettorali iżgħar minn dik tal-PL.
Dan kien kontra l-istennija ġenerali illi l-PN jirnexxielu jnaqqas id-defiċit qawwi rreġistrat fl-elezzjoni tal-2013 għall-ewwel darba mill-1981 ’l hawn ħlief għall-eċċezzjoni solitarja tal-1996. Jidher illi l-PN naqas illi jimmobilizza l-bażi elettorali tiegħu bl-istess mod illi rnexxielu jagħmel il-PL. Bosta kienu dawk illi ppruvaw jispjegaw dan il-fatt u kien hemm min anke poġġa f’dubju it-tmexxija ta’ Simon Busuttil.  
Mhux faċli tispjega għala żviluppa distakk daqshekk kbir bejn iż-żewġ partiti fl-aħħar tlett elezzjonjiet. Wieħed irid isaqsi wkoll jekk il-PL ta’ Muscat issa stabilixxiex pożizzjoni eġemonika fil-pajjiż u bil-mod kif qed jindirizza l-ħtiġijiet ta’ kostitwenzi individwali huwiex iddestinat illi jkompli jmexxi għal bosta leġislaturi oħra. Ċertament, l-awspiċi mhumiex tajbin għall-PN illi jirkupra fi żmien qasir il-pożizzjoni ta’ primat illi kellu għal prattikament kwart ta’ seklu.
L-ebda partit m’ għandu jippretendi illi għandu xi monopolju fuq il-poter jew li hu etern. Rajna kif f’pajjiżi oħra partiti li ddominaw il-poter għal żmien twil spiċċaw fix-xejn. U m’hemm l-ebda garanzija illi din ix-xorti ma tmissx lill-PN f’xi żmien jew ieħor. Imma meta wieħed jara kif il-PL irpilja minn bosta telfiet elettorali suċċessivi, xejn ma jeskludi illi anke l-PN għad jirpilja mill-qagħda kritika illi jinsab fiha.
Il-PN ċertament ser ikollu t-tentazzjoni jikkopja l-istrateġija rebbieħa ta’ Muscat sabiex jerġa’ jakkwista r-riedni tal-poter. Qegħdin ngħixu fi żminijiet fejn id-differenzi ideoloġiċi bejn il-partiti huma ferm iżgħar milli kienu fil-passat u l-partiti jiddistingwu ruħhom fl-implimentazzjoni tal-politika tagħhom. Wieħed tajjeb jifli l-ingredjenti tas-suċċess elettorali ta’ Muscat. Ingredjent prinċipali tas-suċċess huwa l-flessibilità enormi fl-akkomodazzjoni tal-aspettattivi tal-elettorat. Tisma’ ħafna stejjer fejn dak illi qabel ma kienx possibbli issa m’għadhux hekk u jidher illi anke fil-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew saru attentati ċari sabiex jinfluwenzaw l-elettorat. Ħadd ma jista’ jgħid illi s-suċċess elettorali tal-PL ġie mix-xejn għaliex saru bosta mossi biex min kien għadu mhux konvint jikkonvinċi ruħu.
Biex inkunu ġusti din mhix xi ħaġa li fuqha l-PL għandu monopolju u ħadd ma jista’ jgħid illi l-PN kien verġni. Anke l-PN kien jipprattika politika klijentari għalkemm l-impressjoni ġenerali hi illi mhux fl-istess livell tal-gvern preżenti. Tista’ tkun impressjoni żbaljata imma jidher illi dan l-gvern huwa aktar mehdi fl-arti hekk imsejħa “tal-pjaċiri” u qed jiddedika anqas ħin u enerġija għat-tmexxija ħolisitika tal-pajjiż. Politika aktar mikro u anqas makro.
Iż-żewġ partiti l-kbar misshom ilhom li tgħallmu l-lezzjoni li l-lealtà ta’ min jiġri warajhom għall-pjaċiri hija ferm zoppa. Bosta huma dawk li ħadu pjaċiri sostanzjali taħt in-Nazzjonalisti imma li llum emigraw fil-kamp laburista. Forsi l-gvern preżenti qed jilludi ruħu dwar min qed iwettaqlu xi pjaċir bħalma hu xi mpjieg mal-gvern ser ikun aktar leali lejh. Jista’ jkun dan huwa l-każ imma l-ispiża ekonomika ta’ dan il-mod kif tkabbar l-appoġġ elettorali ma tistax tiġi sottovalutata. Jekk din l-ispiża ssir insostenibbli u l-finanzi pubbliċi jiġu mhedda u l-ekonomija ssoffri, il-prospetti elettorali tal-gvern illi tant jidhru brillanti llum jittapnu serjament.
Għaldaqstant m’hemm xejn determinanti minn dan ir-riżultat elettorali ħlief illi l-PL irid jagħraf jibni l-politika tiegħu b’indirizz anqas klijentari mentri l-Partit Nazzjonalista għandu jipprova jpoġġi ruħu f’pożizzjoni ta’ gvern alternattiva mingħajr ma jsir clone tal-PL. Anzi jrid jagħmel minn kollox biex jiddistingwi ruħu mill-PL u jasserixxi ruħu bħala partit b’ideat ċari u progrediti sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.  
Jekk iż-żewġ partiti l-kbar ser jikkonkludu illi l-unika mod kif wieħed jakkwista u jikkonsolida l-poter huwa billi wieħed ikun kollox għal kulħadd u illi l-funzjoni tal-politika hi l-qadi tal-aspirazzjonijiet tal-elettorat irrispettivament mill-ispiża ekonomika , allura pajjiżna verament daħal fi sqaq, sqaq illi jista’ jkollu konsegwenzi ferm serji. Jeħtieġ politika ta’ responsabilità u għalkemm il-politika ta’ Muscat qed tagħti frott immedjat, wieħed għandu dubji serji kemm hi sostenibbli fit-tul.
Muscat probabilment ser jibqa’ jimmira li jżomm il-poter billi jakkomoda l-aspirazzjonijiet tas-segwaċi tiegħu u anke tan-Nazzjonalisti illi jipprova jħajjarhom jivvutawlu. Imma wieħed jittama illi n-Nazzjonalisti jifhmu l-limitazzjonijiet ta’ din il-politika u minkejja s-sens akut ta’ disperazzjoni misjuba fiha ma jikkupjawhiex imma jkomplu jfittxu sabiex jibnu oppożizzjoni kredibbli lesta tieħu r-riedni tal-pajjiż f’idejha fi kwalunkwe mument.
Partit qatt m’għandu jinsa li l-iskop eżistenti tiegħu hu li jservi l-pajjiż u mhux lilu nnifsu jew lill-funzjonarji tiegħu. Jekk wieħed jeħtieġ żmien twil fl-oppożizzjoni sakemm wieħed jirrifonda ruħu sabiex jerġa’ jkun utli għan-nazzjon, m’ għandhiex tkun problema. Aħjar wieħed jieħu l-eżempju tal-Labour Ingliż fejn għamel żmien twil fl-oppożizzjoni fi żmien Thatcher u Major u anke tal-Konservattivi meta tilfu tliet elezzjonijiet infila milli dak tal-Pasok fejn illum kważi sparixxew mill-panorama elettorali Griega minħabba t-tberbiq u l-korruzzjoni taħt it-tmexxija tagħhom.
Partit irid jaspira għall-poter, dan huwa l-element essenzjali tal-politika, imma mhux akkost ta’ kollox.

More in Blogs