X'ferħ!

...mument ta' ferħ
...mument ta' ferħ

Ħafna jsostnu li l-Griegi – il-ħassieba u l-kittieba tal-Greċja l-Klassika – ipprevedew dak kollu li kellu jinkiteb warajhom. Il-wirt kulturali li ħallew bil-volum massiv ta’ xogħol u l-fatt li sal-lum il-ġurnata l-aqwa mħuħ għadhom jirreferu għalihom, aktarx li huma xhieda b’saħħitha biżżejjed li tikkonferma l-opinjoni dwar l-avangwardja Griega. Waħda mill-intenzjonijiet l-aktar fundamentali ta’ Sokrate u d-dixxipli tiegħu kif ukoll ħassieba oħrajn ta’ dak il-perjodu kienet li jiddefinixxu l-iskop li l-bniedem għandu jew għandu jkollu f’ħajtu. Id-diskors li jsegwi ġeneralment imiss mal-idea tal-ferħ, tal-kuntentizza jew tal-gost. Għalkemm mhux kulħadd ippropona l-istess definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, u lanqas ma ssuġġerixxa l-istess metodu kif jintlaħqu, il-ferħ u l-kuntentizza tqiesu bħala l-iskop primarju fil-ħajja tal-bniedem.
Jiġifieri l-vers li jkanta Pharrell Williams – “happiness is the truth” – mhu xejn għajr diwi tal-filosofija antika Griega li għarfet il-ħtieġa tal-bniedem li jħossu ferħan. Mhux Pharrell Williams biss jaħseb li l-ferħ hu l-verità, imma anki kumpaniji produtturi kbar, permezz tal-makkinarju pubbliċitarju tagħhom, għarfu dan il-bżonn bażiku u ħadmu fuqu. Proprju ftit tal-ġranet ilu l-Coca Cola varat filmat bit-titlu “Hello Happiness” li għalih kien hemm reazzjonijiet opposti: kien hemm min ħassu kommoss u kien hemm min, għall-kuntarju, ħassu ddiżgustat. Bażikament dan il-filmat jibda billi juri numru ta’ ħaddiema tal-id Asjatiċi li jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji ħafna f’Dubai. Imbagħad xi wħud minnhom ikellmu lill-kamera u jgħidulha kemm iħossuhom imnikkta li ma jifilħux iħallsu telefonati spissi lill-familji tagħhom. Hawnhekk tfiġġ ix-xarba l-aktar popolari fid-dinja, lesta b’soluzzjoni: il-Coca Cola pproduċiet kabini telefoniċi apposta għal dawn il-ħaddiema li minflok muniti jixħtu tappijiet tax-xarba biex ikunu jistgħu jċemplu d-dar. U b’hekk, ikompli l-moral tal-istorja tal-filmat, il-Coca Cola tkun tat il-ferħ lil dawk fil-bżonn. Wiċċ il-ħaddiema li sa ftit qabel kien jixhed il-miżerja, f’daqqa waħda jidher imbissem u radjanti, hekk kif jidhru fil-kju quddiem kabina bit-tappijiet f’idhom għal-lest: kull tapp isarraf f’telefonata ta’ tliet minuti. M’hemmx għalfejn ngħidu li biex ikollok it-tapp, trid tixtri l-flixkun mimli bil-Coca, imma dan huwa dettall li, sfortunatament, jinqabeż fil-filmat.
Ir-rabta tal-Coke mal-ferħ u l-kuntentizza hija storja antika. Ħafna ta’ mpari u ikbar jiftakru s-suċċess kbir tar-riklam maħdum fuq għolja f’Ruma b’numru ta’ żgħażagħ iżommu flixkun Coke kull wieħed, bi tbissima fuq fommhom ikantaw messaġġ ta’ mħabba u għaqda, meta d-dinja kienet għadha maqsuma f’żewġ blokki jobogħdu lil xulxin. Il-messaġġ, anki jekk indirett, kien (l-istess kif għadu fil-filmat tal-ħaddiema f’Dubaj) ibbottiljat fi flixkun. Mhemm ebda dubju li l-messaġġ għadda b’saħħa kbira. Fl-2013 kien stmat li globalment jinxtorbu 1.8 biljun flixkun Coke kuljum, iżda diffiċli ħafna tikkwantifika kemm dawn il-litri Coke issarrfu f’ferħ veru.
Li hu żgur huwa li biex il-bniedem jagħti l-fiduċja lil xarba Amerikana biex din issiblu u tagħtih il-ferħ, bilfors li, sadattant, qiegħed jgħix f’sitwazzjoni opposta. Il-filmat tal-ħaddiema Asjatiċi ma jistaqsix għala dawn sabu rwieħhom ibatu f’Dubaj, u wisq inqas jasal biex jipproblematizza l-paradoss li dan l-emirat, waqt li sar simbolu dinji tal-ġid u l-estravaganza, bil-bini tal-ogħla skyscrapers tad-dinja, lukandi extralussużi, supermarkets ta’ daqsijiet massivi u saħansitra gżejjer artifiċjali, jiddependi mill-esplojtazzjoni tal-immigranti foqra li jbiegħu saħħithom għall-kapital. F’dan is-sens l-att ta’ karità, jekk għandna nqisuh hekk, qiegħed itarrax is-sensitività li għandha toġġezzjona għall-qagħda li spiċċaw fiha dawn il-ħaddiema.
F’sitwazzjoni bħal din l-importanti mhuwiex li wieħed jikkonsidra l-istorja kollha tal-immigranti iżda t-tapp tal-plastik li jagħtihom telefonata ta’ tliet minuti. Anzi, l-importanti huwa li jinbiegħ dak it-tapp. Sadattant, imqar dawk li qegħdin jgħixu komdi fi nħawi oħra tad-dinja, jimtlew bis-simpatija, iħossu li hemm kawża ġusta u jikkunsmaw aktar, filwaqt li l-immigranti f’Dubaj ikomplu jiġu sfruttati.
U b’hekk kulħadd jispiċċa kuntent u kulħadd ferħan; l-istess bħalma jidher li ġara f’Malta meta wara ġranet sħaħ biex jingħaddu ftit eluf ta’ voti ħadna l-aħbar li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni għall-parlament Ewropew b’maġġoranza kbira ħafna u r-rivali eterni tiegħu rnexxielhom jirbħu siġġu li kemm ilha li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea kienu għadhom qatt ma kisbuh.
Ironikament kienet il-minoranza ta’ voti li kisbu n-Nazzjonalisti li okkupat iċ-ċentru tad-diskors li nħalaq madwar ir-riżultat ta’ dawn l-elezzjonijiet aktar milli l-eluf ta’ voti iżjed li kiseb il-Partit Laburista. Fi kliem ieħor kienet il-prestazzjoni negattiva l-aktar li spiċċat fuq il-fomm u fuq il-paġni u dan huwa ironiku meta wieħed iqis kemm in-naħa l-kaħla tal-ispettru partiġjan lokali qiegħed jiġi akkużat bi mġiba politika negattiva. Frankament jidhirli li din l-imġiba mhi xejn għajr imitazzjoni tal-oppożizzjonijiet kollha li eżistew qabel l-Oppożizzjoni attwali. Donnu li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-Oppożizzjoni jibda dejjem bi mġiba negattiva, u jaqleb ftit meta jasal il-mument tal-wegħdi speċjalment meta u jekk ikun hemm fiduċja f’rebħa. Mill-posters ta’ Mintoff ifarrak mappa ta’ Malta b’mazza, sa kotba dwar barunijiet u ħbieb ta’ ħbieb, diffiċli wieħed isib każi ta’ Oppożizzjoni pożittiva; kważi kważi daż-żewġ kelmiet flimkien jiffurmaw ossimoro.
Imma jekk kien hemm xi ħaġa ċertament negattiva li ħarġet mill-elezzjoni li għaddiet kienet l-avvanz tal-Lemin estrem, f’Malta u fil-kumplament tal-Unjoni. L-ewwel ħasda ttieħdet fir-Renju Unit, bir-rebħiet li għamel l-UKIP, magħruf għall-kredu Lemini fir-rigward tal-immigrazzjoni u setturi soċjali oħrajn. Imbagħad segwew il-pajjiżi l-oħrajn, bħalma segwiet Malta.
Is-sinjali tal-qawmien Lemini estrem ilhom jidhru. It-taħżiż fuq il-ħitan tal-bliet Ewropej, is-slogans mgħajta fil-grounds tal-futbol, il-każi kważi regolari ta’ vjolenza fuq persuni li jappartjenu għal xi tip ta’ minorità, ruxxmata siti virtwali ... hemm ħafna sinjali ta’ elementi fis-soċjetà li m’għadhomx – jekk qatt kienu – iħaddnu morali ta’ ġustizzja u kompassjoni. Barra minn dan, l-attitudni li ħadet l-Unjoni tul dawn l-aħħar snin, kompliet tnaqqas il-fiduċja fl-ideali ta’ għaqda fid-diversità li xi darba kienu meqjusin bħala nobbli u mixtieqa.
U allura, filwaqt li xi wħud jemmnu li jistgħu jsibu l-ferħ u l-kuntentizza jgħumu qalb l-ingredjenti u z-zokkor li jagħmlu xarba bil-bżieżaq, oħrajn qegħdin jistħajlu futur sabiħ bit-tħaddim ta’ twemmin li fl-aħħar mill-aħħar jipprietka l-firda, l-ostilità u l-mibegħda.

 

More in Blogs