Bżonn t’aktar deċiżjonijiet

Bżonn t'aktar deċiżjonijiet
Bżonn t'aktar deċiżjonijiet

Issa li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għaddiet u kulħadd reġa’ sab ruħu fil-postijiet tax-xogħol, tajjeb li wieħed ikompli jgħarrex fejn għad fadal bżonn li l-gvern jiffaċċja ċerta deċiżjonijiet diffiċli imma importanti.
Ta’ kull sena, hekk kif ikun qed joqrob is-sajf, waħda mill-affarijiet li tirxoxta għad-diskussjoni hija in-nofs ta’ nhari tax-xogħol. Prattika li ilha titgawda mill-ħaddiema tal-gvern għal diversi snin u li hi meqjusa bħala lussu mill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat.  
Din il-prattika ta’ xogħol hemm bżonn li tkun indirizzata mill-gvern mingħajr iktar tlaqlieq u dewmien hekk kif in-negozju fis-settur privat jibqa’ għaddej bl-istess ritmu ta’ xogħol matul ix-xhur tas-sajf kif ukoll jiżdied għal ċerta azjendi specjalment dawk relatati mal-industrija tat-turiżmu u divertiment.
Il-Gvern irid jifhem li jekk irid ikun business friendly, ma jistax iħalli din il-prattika li matul it-tliet xhur tas-sajf id-dipartimenti tiegħu huma biss immirati biex jaqdu l-interessi tal-uffiċjali tiegħu. Dawn l-uffiċjali pubbliċi fid-dipartimenti tal-gvern igawdu l-vaganzi filwaqt li min jaħdem jew iħaddem fis-settur privat isib il-bibien magħluqa mat-tokki ta’ nofsinhar.
Il-Kamra tal-Kummerċ ilha snin tħambaq dwar il-ħtieġa li jekk verament irridu ninċentivaw il-qasam tax-xogħol u l-ekonomija f’pajjiżna hemm bżonn li dawn il-prattiċi jiġu rriformati.
Illum m’għadhiex aktar skuża valida li l-ħaddiema ma jkollhomx saħħa jaħdmu matul ix-xhur tas-sajf kaġun tas-sħana. L-uffiċini llum kollha huma mgħammra b’arja kundizzjonata u allura x-xogħol jista’ jitkompla fil-kumdità bħalma wara kollox isir fil-kumpaniji privati.
Tajjeb li ngħidu li l-ħaddiema tal-gvern jaħdmu 45 minuta żejda kuljum matul ix-xhur tax-xitwa biex ikunu jistgħu jgawdu dan il-perjodu tan-nofs ta’ nhari matul is-sajf.
Wieħed irid jinnota wkoll li fost id-dipartimenti tal-gvern li jaħdmu nofs ta’ nhar, hemm xi dipartimenti li, minħabba li matul is-sajf jaqgħu lura fix-xogħol, qed jispiċċaw jaħdmu xorta wara nofsinhar bil-ħaddiema jitħallsu overtime u b’hekk qed tiżdied l-ispiża tas-settur pubbliku.
Il-ħtiega ta’ din il-bidla kienet issemmiet ukoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’waħda mill-ewwel laqgħat li huwa kellu ftit wara l-ħatra tiegħu bħala Prim Ministu mal-Kamra tal-Kummerċ.
Huwa kien qal li l-Gvern se jaħdem biex ibiddel il-mentalità u l-kultura tas-servizz pubbliku fosthom il-kwistjoni tan-nofs ta’ nhari li qed twassal biex matul is-sajf, il-ġurnata tkun moħlija. Muscat kien saħaq li din il-bidla tieħu ż-żmien biex titwettaq u li mhix faċli imma l-Gvern mhux lest li jiddefendi l-istatus quo fuq din il-kwistjoni.
Biex din il-bida sseħħ, li żgur mhux se sseħħ sas-sajf li ġej, hemm bżonn li jsir studju matul dan is-sajf fuq il-konsegwenzi u l-prattiċi tan-nofs ta nhari fuq l-industrija u l-kummerċ inġenerali. F’dan li studju jridu jingħaqdu flimkien u jipparteċipaw il-Unions tal-Ħaddiema, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem (MEA), il-GRTU kif ukoll il-kapijiet u diretturi tal-ħaddiema taċ-ċivil.
Il-qofol ta’ dan l-istudju għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tan-nofs ta’ nhari fuq l-ekonomija Maltija. Għandu jiffoka wkoll fuq il-ħolqien tax-xogħol u kif b’mod ġenerali l-pajjiż jista’ jtejjeb is-servizzi tiegħu fil-kwalità u kif jista’ jkun aktar kompettiv speċjalment matul ix-xhur tas-sajf.
Is-servizz pubbliku għandu jikkumplimenta l-ekonomija u l-investiment ta’ pajjiżna bil-proviżjoni ta’ servizz skont il-ħtiega tal-ekonomija u mhux l-ekonomija ddur mal-kumdità tas-servizz pubbliku.

More in Blogs