L-elezzjoni għall-MEPs u l-ġlied tas-sriedaq
Ilbieraħ Malta vvutat biex teleġġi sitt deputati fil-Parlament Ewropew. Għaddejna ġimgħat sħaħ fejn il-kampanja baqgħet imkaħħla mal-ħsieb partitiku li Malta donnha kkundannata li tibqa’ marida bih, bl-aktar mod kroniku.
Intilfet l-opportunità biex għaxar snin wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Maltin ikollhom aktar konoxxenza ta’ x’inhi l-UE, x’inhuma l-fatturi li jiddistingwuha u x’inhuma l-prijoritajiet tagħhom illum, fl-2014.
Il-ġlied parrokjali Malti (saħansitra l-Prim Ministru tlaqqam salesman) aljena kważi għal kollox lill-poplu Malti mis-sustanza dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Ix-xandir reġa’ ħoloq spazju għall-ġlied bejn is-sriedaq tal-partiti, bir-rix itir b’mod komiku mal-iskrin.
Fostna ma nstema’ assolutament xejn dwar id-dibattiti tal-European Broadcasting Union (EBU) li f’nofs dan ix-xahar tqassmu fost aġenziji bħall-BBC, ir-RAI u TFI.
X’TGĦALLMU L-VOTANTI MALTIN?
Lanqas ma kien hemm opportunità biex il-Maltin ikollhom idea dwar x’inhuma l-prospetti tal-gruppi politiċi ewlenin (il-Partit Popolari, il-Grupp tas-Soċjal-Demokratiċi u l-grupp tal-Ħodor). Il-predizzjonijiet sat-8 ta’ Mejju kienu 26.5% għall-Grupp Popolari, 26.1% għas-Soċjalisti, 11.1% għal-Liberali u 6.7% għall-Ħodor. S’għada nkunu nafu r-riżultat propju.
Imma ftit huma l-eletturi Maltin li jafu kemm huma varjati l-bosta formazzjonijiet oħra li kkontestaw l-elezzjonijiet tal-bieraħ, mill-federalisti san-neofaxxisti. Nistgħu ngħidu li waqt il-kampanja f’Malta, kienet biss il-Knisja li fetħet l-għajnejn dwar il-gruppi tal-lemin estrem li huma ta’ theddida għall-kontinent Ewropew.
Filwaqt li fakkru dwar l-istorja tal-Ewropa fis-seklu għoxrin, gruppi bħall-Caritas u ċ-Ċentru għall-Fidi u l-Ġustizzja nnutaw kif in-nazzjonaliżmu estrem qed iqajjem rasu fl-Ewropa, bil-konsegwenza li qed jiżdiedu s-sentimenti razzisti u dawk kontra emigranti vulnerabbli fqar li tilfu kollox.
X’WIEGĦED JUNCKER
Hemm ħafna x’tgħid dwar il-mod kif il-problema intensa ta’ dawk li qed ifittxu l-kenn minħabba t-traġedji f’pajjiżhom, fil-kampanja f’Malta bilkemm issemmew. Kellu jkun Jean Claude Juncker, kandidat għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea li waqt żjara qasira f’Malta wiegħed li jekk ikun president tal-UE fil-ħames snin li ġejjin se jagħti prijorità sħiħa lill-fenomenu tal-immigrazzjoni. Iżda Juncker hu wkoll il-bniedem li mbotta kemm felaħ għall-awsterità li ġabet miljuni ta’ ċittadini Ewropej għarkupptejhom.
Żgur li min se jkollu l-Presidenza tal-UE fis-snin li ġejjin (u dan fattur ieħor li l-elettorat Malti tħalla fil-għama għal kollox dwaru) irid jara kif se jikkontrolla ż-żieda ta’ estremiżmu mil-lemin u anki mix-xellug. F’Jannar li għadda, il-president preżenti, Barroso, wissa li l-Ewroxettiċiżmu se jiżdied, f’forma ta’ battalji bejn id-demokrazija nazzjonali u d-demokrazija statali tal-Unjoni Ewropea nfisha.
F’dan ix-xenarju kumpless il-Maltin reġgħu nġarru minn sens ta’ battalji lokali, fuq l-istil ta’ traġi-kummiedja tas-sala parrokjali (anki b’sejħiet eċċentriċi għal żmien “is-suldati tal-azzar, appell li ħafna Maltin progressivi kienu ttamaw li ndifen). Kif jista’ l-Prim Ministru jappella biex iż-żgħażagħ ikunu l-ambaxxaturi ta’ Malta u fl-istess ħin ifakkar li f’Malta kien jeżisti dinosawru li, li kien għalih, lanqas għandhom kompjuter?
L-ALTERNATTIVA U L-KRIETEL TAL-MAFJA
Imma xi argument ta’ sustanza kien hemm ukoll. L-Alternattiva Demokratika, ngħidu aħna, għarrfet lill-Maltin li krietel mafjużi kienu qed jieħdu “kuntratti” biex jixtru vapuri nofs kedda, jgħabbuhom bi skart kimiku tossiku u jarmuhom fil-Mediterran, sewwa sew bejn Calibria u Malta. Taħt imneħirna.
Lanqas dwar dan, il-kandidati Maltin għall-Parlament Ewropew ma qalu xejn. L-istess bħalma ma qalu xejn dwar in-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-UE biex iċ-ċittadini jkunu mħarsin, mhux biss mill-ksenofobija u x-xoviniżmu, imma mid-diżastru li qed iseħħ minħabba l-bidla fil-klima.
Daqt inkunu nafu x’inhu l-verdett tal-Maltin. Sadanittant, kellhom biex jaljenahom, il-Karnival ta’ qabel il-Eurovision fuq TVM: Ritwal annwali li jippermetti gruppi ta’ privileġġjati jitilgħu jsegwu x’ikunu qed jagħmlu l-kantanti Maltin fil-Festival u li jipprovdi lit-telespettaturi b’divertiment innoċenti, banali u passiv.
IS-SIMSHAR U L-CANADIAN LOOK
Xi ħaġa differenti għal kollox.
Dwar it-traġedja tas-Simshar inħadem film. S’hawn kollox sew, sakemm il-missier ta l-kunsens tiegħu. Imma għall-ftuħ tal-film f’teatru f’Buġibba kien organizzat premiere. Waqt il-programm Malta Llejla (NET TV) kien hemm grupp ta’ mistednin-preżentaturi jiddeskrivu kif libsu għas-serata, min libbishom, xi drapp għażlulhom, u l-bqija. It-traġedja tas-Simshar spiċċat titħallat mal-Made in Italy jew il-Canadian Look.
Ma nistax nikkonkludi fejn tibda u fejn tispiċċa l-linja etika. Dan pajjiż kurjuż u dejjem aktar kurjuż.