Naqbdu l-Gendus minn Qrunu
Huwa l-mument li nibdew nixtarru sewwa xi jrid isir, qabel ikun tard wisq. Irridu nistaqsu għaliex il-Parlament Ewropew huwa daqshekk ’il bogħod minn min huwa moderat iżda jista’ jispiċċa biċċa għodda f’idejn min hu estremist.
Ili ngħid li f’pajjiżna hawn ċertu arja ta’ għejja elettorali, għalkemm ma għandux ikun. Għalhekk din l-elezzjoni hi importanti, mhux għall-pajjiż biss, iżda biex inkunu nafu fejn qiegħda l-istamina elettorali tal-poplu poplu Malti.
Din l-elezzjoni mhux marbuta mal-poter lokali. Fis-sens, kemm għall-Maltin u kif ukoll għall-partiti, hija l-elezzjoni ġenerali li tippremja lill-partit rebbieħ bil-veru poter lokali. Għall-Maltin, il-Parlament Ewropew qatt ma kien meqjus bħala ċ-ċavetta għall-Gvern ta’ veru. Aktar minn hekk, il-mexxejja tan-Nazzjonalisti, biex jimminaw l-importanza ta’ din l-elezzjoni, għaliex kull darba tilfuhom, dejjem ħarġu b’dikjarazzjonijiet li għamlu ħsara.
Iżda indipendentament mill-mod kif jaħsbuha l-politiċi f’pajjiżna dwar dawn l-elezzjonijiet, illum huwa aktar minn ċar li dawn l-elezzjonijiet għadhom jinħassu ’l bogħod minn nies. Il-Parlament Ewropew għadu perċepit bħala xi istituzzjoni kbira iżda mingħajr saħħa. Darba politiku Franċiż iddeskriva lill-Parlament Ewropew bħala gendus kbir li ma jistax ikollu tfal. Waħda mir-raġunijiet li ħafna popli Ewropej iħossuhom bierda lejn il-Parlament hi, għaliex fih ma jilmħux magna effettiva li tassew tista’ ttejbilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Aktar qisu kaxxa li tiffabbrika l-kliem iżda mhux il-fatti.
Iżda s-sensazzjoni li min għandu l-muftieħ għal bieb ta’ Kastilja għandu kollox, xorta tibqa’ qawwija. Is-sensazzjoni li ħafna jridu jmorru Brussell għal speċi ta’ xalata tinħass. Hawn iridu li jitilgħu Brussell mhux biex jaraw kif jaħdem il-Parlament, iżda biex jagħmlu xi ftit “shopping”, jieklu xi ikla tajba f’xi ristorant jew iżuru x’imkien sabiħ. Meta darba tlajt ma’ grupp ta’ Maltin għal żjara li kellha tkun ta’ familjarizzazzjoni mal-Parlament Ewropew, ħafna bdew iħarsu lejn l-arloġġ biex jaħarbu jiġru ’l barra. Flok urew interess kif jaħdem il-Parlament Ewropew, ħafna minnhom bdew jistaqsu fejn qegħdin is-swieq.
Ftit tal-jiem ilu, jiena, flimkien ma’ sħabi tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista ltqajna mal-Kap tas-Soċjalisti Ewropew Iannes Swoboda. Waħda mill-affarijiet li għednielu hi, li fost il-popli Ewropej hemm ċertu bruda u apatija biex joħorġu jivvotaw fl-elezzjoni tal-Parlament u jekk mhux ser jiġri xi ħaġa ta’ malajr, ix-xettiċi u dawk li huma kontra l-proġett Ewropew se jkomplu jissaħħu.
Kullimkien fl-Ewropa hemm xi ħadd li jrid ikisser dak li ħolmu Jean Monnet, Robert Schumann u Altiero Spinelli, it-tlett fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Il-partiti tal-estremiżmu se jmorru tajjeb kullimkien. Mhux għax dak li jgħidu huwa tajjeb, iżda għaliex min għandu s-setgħa li jbiddel il-ħażin ma huwa jagħmel xejn konkret. Bħalma dejjem għallmet l-Istorja, l-estremiżmu dejjem kiber fejn ikun hemm l-apatija u qtugħ ta’ qalb ta’ min iħossu esasperat u ma jista’ jagħmel xejn. Hekk qiegħed jiġri fl-Ewropa issa.
Huwa l-mument li nibdew nixtarru sewwa xi jrid isir, qabel ikun tard wisq. Irridu nistaqsu għaliex il-Parlament Ewropew huwa daqshekk ’il bogħod minn min huwa moderat iżda jista’ jispiċċa biċċa għodda f’idejn min hu estremist. Waħda mir-raġunijiet hija dik li l-veru poter tal-Unjoni Ewropea mhux f’idejn min ikun elett iżda f’idejn dawk li jkunu magħżulin. F’idejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ministri jew il-Gvernatur tal-bank Ċentrali Ewropew. L-unika organu li huwa elettiv ma tantx għandu saħħa għalkemm fih hemm 750 persuna eletti mill-popli Ewropew. Kbir iżda bla saħħa. Gendus kbir li ma jistax ikollu tfal!
Biex forsi nagħti ftit eżempji ta’ dak li qed ngħid insemmi biss tliet punti. Il-Parlament Ewropew ma jistax jimponi taxxi. Hija il-Kummissjoni li tagħmel dan. Għalhekk il-prinċipju ta’ “no taxation without representation”, wieħed mill-pilastri tal-elezzjonijiet demokratiċi huwa strettament ineżistenti. Mentri l-Parlament fejn jidħlu salarji, renumerazzjoni, ħlas ta’ safar u lukandi tal-membri tiegħu għandu s-setgħa li jagħmel li jrid. Hija ħaġa magħrufa li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu minn pakkett ta’ inċentivi finanzjarji ġenerużi. Dan il-fattur biss inaqqas xi ftit mir-rispett li jistħoqqlu dan il-Parlament. Jistħajluh Parlament li jaħseb għalih innifsu iżda mhux għan-nies.
Aktar importanti, anke fejn jidħlu liġijiet, il-magna li verament tagħmilhom, mhux il-Parlament Ewropew għalkemm għandu ċertu poteri limitati, iżda hija l-Kummissjoni Ewropea. Kull Parlament huwa intrinsikament marbut mat-tfassil u l-pubblikazzjoni tal-liġijiet. Anzi l-Parlament huwa sinonimu mal-liġijiet. Iżda dan mhux il-każ tal-Parlament Ewropew. Il-fatt li Parlament għandu defiċċjenza daqstant gravi, tneħħilu ħafna mill-importanza li suppost għandu f’għajnejn in-nies. Infatti l-President tal-Parlament Ewropew għandu importanza minuri ħdejn il-President tal-Kummissjoni.
Meta l-Ewropa kienet għarkopptejha minħabba l-kriżi finanzjarja, b’ħafna jitilfu kull m’għandhom, il-Parlament Ewropew ma kienx ta’ salvawomo għall-bniedem komuni tat-triq’. Il-Parlament aktar milli protagonist, kien speċi ta’ spettatur. Ma kellu ebda għodda effettiva biex jintervjeni u jaqbeż għan-nies.
Is-saħħa li tagħti tingħata “bail out”, isir self u jinġabru l-imgħaxijiet kienet f’idejn troika politika li kienet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Internazzjonali Monetarju. Tliet istituzzjonijiet li ebda waħda minnhom ma hija eletta minn nies. Meta f’diversi Parlament madwar l-Ewropa, bdew jitneħħew nies eletti biex flokhom jidħlu teknokratiċi mhux eletti, il-Parlament Ewropew ma seta’ jagħmel xejn!
Għalhekk nifhem għaliex aktar jgħaddi ż-żmien, l-interess ta’ ħafna popli fl-Ewropa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew qiegħed aktar jintilef. Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. Fl-1979 kien 63% li ħarġu jivvotaw fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Fl-2009 niżlu għall-43%. Fost dawk li huma taħt il-25 sena, 29% biss ħarġu jivvotaw. Fil-fehma tiegħi dawn huma numri li jallarmaw. Li ma nistax nifhem hu, kif il-bozza ħamra xegħlet u ħadd mhu jagħmel xejn.
Meta n-nies joħorġu jivvotaw ikunu jridu li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Biex ikunu jistgħu jagħmlu dan iridu jemmnu li l-Istituzzjoni li qegħdin jafdaw, għandha s-saħħa li twettaq dan. Ħafna mhumiex jaraw din il-possibbiltà fil-Parlament Ewropew. Għalhekk ikun tajjeb li membri Parlamentari Maltin fil-Parlament Ewropew u b’mod speċjali dawk li se jkunu eletti, flok joqogħdu jintilfu fuq kwistjonijiet ta’ importanza żgħira, apparti li jiġġieldu għad-drittijiet tagħna, jiġġieldu biex dan il-Parlament fi Brussell isir wieħed ta’ veru.
Jekk mhux ser isir hekk malajr kemm jista’ jkun, hemm il-biża’ li l-proġett Ewropa jitkisser u minflok jissaħħaħ l-estremiżmu fil-qalba tal-Ewropa! Din hija l-aħħar ħaġa li għandha bżonn id-dinja li qegħdin ngħixu fiha llum.