Ftit Riflessjonijiet fi Żminijiet Aġitati

Riflessjoni dwar x'qed jiġri eżatt madwarna, f'pajjiżna u fix-xena politika

Din il-ġimgħa l-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li l-Gvern iffirma l-kuntratt mal-kumpaniji li jiffurmaw il-konsorzju li ngħata d-dritt li jibni powerstation ġdida tal-gass u li jissupplixxi l-gass lil Malta għal tmintax-il sena. Wieħed ma stenniex li dan il-kuntratt ġie ffirmat mingħajr pubbliċità ta’ xejn, tant li kien hemm dubji jekk verament ġiex iffirmat. Ħaġa tal-iskantament ukoll hi li kundizzjoni importanti tal-‘espressjoni tal-interess’ li kien ħareġ il-gvern Malti ġiet miksura mal-ewwel radda tas-salib. Dan il-konsorzju magħmul minn kumpaniji kbar bħal Siemens u l-kumpanija taż-żejt tal-Ażerbajġan kif ukoll oħrajn importanti fosthom tlieta lokali ma kinux kapaċi jħallsu €30 miljun mal-firma kif kien mitlub imma ngħata żmien sabiex iħallas. €30 miljun hija ċifra mdaqqsa imma ċkejkna ħdejn il-kapital meħtieġ sabiex jinbena dan il-powerstation. Meta wieħed iqis li dan il-powerstation suppost ikun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla, dan id-dewmien sabiex jiġi ffirmat il-ftehim meta l-permess tal-MEPA ilu x-xhur li ħareġ ma jawgura xejn tajjeb għall-proġett daqshekk kritiku.
It-termini tal-kuntratt mhumiex magħrufa li m’huwa xejn pożittiv meta huwa daqshekk importanti għall-futur ekonomiku tal-pajjiż. L-evoluzzjoni ta’ dan il-proġett kienet mistura f’segretezza xejn mixtieqa bil-gvern jonqos li jpoġġi l-karti kollha fuq il-mejda mal-ewwel radda ta’ salib. Ta l-impressjoni li għandu x’jaħbi u ppubblika r-rapporti li kkummissjona wara pressjoni pubblika, rapporti li jidhru li saru bl-għaġla taħt pressjoni ta’ dati ta’ skadenzi impossibbli u spiss fil-forma ta’ rapporti preliminari.
Il-gvern qiegħed jipprova jnaqqas il-prezz għoli tal-enerġija elettrika f’pajjiżna minħabba li s’issa għandna sistema iżolata li tiddependi fuq il-ħruq ta’ fuel bħal diesel jew heavy fuel oil. Skond rapport ta’ Moody’s Investors Service tat-18 ta’ Settembru 2013, il-ġenerazzjoni tal-elettriku tikkostitwixxi 72% tal-kont tal-fuel tal-pajjiż. Għaldaqstant, l-għan tal-gvern huwa żgur objettiv ammirevoli.
Meta bdiet il-kampanja elettorali tas-sena l-oħra, l-ewwel ġimgħat ġew iddominati bil-proposta tal-partit Laburista li jinbena powerstation ġdid bil-gass fi żmien tnejn u għoxrin xahar u l-konverżjoni tal-powerstation tat-tieni fażi ta’ Delimara, dik hekk imsejħa tal-BWSC, mill-heavy fuel oil għal gass wara l-2015. Il-konsumaturi domestiċi ġew imwiegħda wkoll tnaqqis ta’ 25% fil-kontijiet tad-dawl minn April 2014 u dawk kummerċjali tnaqqis mis-sena 2015. Fl-ewwel ħmistax tal-kampanja elettorali, assistejna għal dibattiti mqanqlin dwar din il-proposta. Konrad Mizzi, li ftit kienu semgħu bih, sar preżenza kontinwa fuq it-televiżjoni u l-proposta Laburista rrisonat ma’ parti kbira tal-elettorat. Madankollu, wieħed ma jistax ma josservax li l-kuntest ta’ kampanja elettorali huwa qajla l-iktar wieħed ideali sabiex jiġi determinat l-pjan nazzjonali tal-enerġija. Minflok ma saru studji bil-galbu sabiex jiġi determinat kif l-aħjar jitnaqqas il-prezz tal-produzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna, il-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni ħa deċiżjoni li jinbena mill-privat powerstation ġdid ta’ 215MW li jaħdem bil-gass u li jbigħ l-elettriku lil Enemalta.
Oriġinarjament, il-proposta kienet li l-gass jiġi maħżun fi tliet tankijiet kbar fuq l-art. Il-Partit Nazzjonalista kien dlonk ikkritika din l-proposta għaliex sostna li kienet tinvolvi l-bini ta’ tlett tankijiet daqs il-koppla tal-Mosta fuq art riklamata li kienet tirrikjedi konsolidazzjoni. Madankollu, il-konsorzju magħżul skarta din l-possibilità u issa l-gass ser jinħażen f’tanker li jsea’ mija u erbgħin elf metru kubu li ser jiġi ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Din l-għażla fiha bosta vantaġġi għall-konsorzju ElectroGas għaliex ser jevita li jibni tankijiet li jiswew ferm aktar u jieħdu ħafna aktar żmien biex jinbnew. Madankollu, it-tanker li ser isorġi f’Marsaxlokk huwa tat-tip imsejjaħ “floating storage unit” (FSU) u m’għandhux il-faċilità li l-gass maħżun f’forma likwida f’temperatura ta’ xi -160 grad Celsius jinbidel mill-ġdid f’gass. Dan il-proċess ta’ rigassifikazzjoni ser isir fuq l-art u minħabba f’hekk, il-vapur bilfors irid ikun qrib l-art.
Tajjeb li wieħed jgħid li waqt it-trasport, il-gass jinħażen f’forma likwida għax b’hekk, jieħu biss wieħed minn sitt mija tal-volum li altrimenti jieħu kieku jibqa’ gass. Il-gass jinżamm f’forma likwida f’tankijiet issigillati sew fi pressjoni qrib dik tal-atmosfera sabiex jinġarr minn naħa għall-oħra tal-globu. Iż-żieda fil-prezz taż-żejt f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin kif ukoll l-iskoperta ta’ gass abbundanti f’bosta pajjiżi ta’ lok għal żieda kbira fil-produzzjoni tal-gass fid-dinja li ttriplikat minn 50 miljun tunnellata fl-1990 għal 160 miljun tunnellata fl-2007. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jinstab gass u bl-użu tat-teknoloġija ġdida magħrufa bħala “fracking”, qed jiġu sfruttati sorsi ġodda ta’ gass, speċjalment fl-Amerika. Il-gass nitroġenu likwidu (gnl) għandu wkoll il-vantaġġ li hu relattivament nadif b’emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2) xi 30% anqas mill-pitrolju u xi 45% anqas mill-faħam.
Fil-konferenza riċenti ta’ The Economist f’Malta, Tony Hayward, eks-kap eżekuttiv ta’ BP u li llum imexxi Genel Energy stqarr li l-gass amerikan tant hu abbundanti li l-gass jista’ jinbiegħ fi kwalunkwe parti tal-globu mhux aktar minn $11-il miljun British Thermal Unit (mmBTU). Ċertament dan hu l-każ fl-Ewropa fejn f’Novembru li għadda l-gass kien qed jinbiegħ bejn $10.40 u $10.90-il mmBTU. Minħabba f’hekk, il-prezz tal-faħam niżel konsiderevolment imma paradossalment, fl-Ewropa l-użu tal-gass naqas b’10% f’dawn l-aħħar tliet snin minħabba aktar enerġija mill-faħam u minn sorsi rinovabbli. Ir-riżultat aħħari hu li minkejja r-riċessjoni li laqtet il-kontinent, l-emissjonijiet ta’ CO2 qed jiżdiedu. Fl-istess ħin, bosta produtturi tad-dawl fil-kontinent qed inaqqsu l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ dawl. RWE, operator Ġermaniż għadu kemm ħabbar li ser inaqqas definittivament 6000MW u possibilment 900 MW ta’ ġenerazzjoni ta’ dawl bl-għeluq permanenti jew temporanju ta’ powerstations tal-gass jew tal-faħam.
Dawn il-fatturi kollha kellhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fil-formulazzjoni tal-aħjar politika enerġetika għal pajjiżna. Minflok, il-pajjiż ser jilgħab imħatra li l-bini ta’ powerstation ġdid bil-gass huwa l-aħjar triq sabiex inaqqas il-prezz ta’ produzzjoni tal-enerġija. Dan minkejja li bl-interkonnettur se jkun possibbli li tinxtara enerġija elettrika mill-kontinent, possibilment bi prezz ferm irħis minħabba eċċess ta’ produzzjoni.
Hemm bosta aspetti tal-pjanijiet tal-gvern li mhuma ċari xejn. S’issa għadna ma nafux b’liema prezz se jinxtara l-gass mill-Ażerbaijan. Meta wieħed iqis li l-pajjiż ser jintrabat li jixtri l-gass għal tmintax-il sena, wieħed jistenna li jiġi ċċarat kif ser jiġi pprezzat il-gass matul dan il-perjodu wara l-ewwel ħames snin ta’ prezz garantit. Huwa vitali wkoll li wieħed isir jaf kif se tinxtara l-enerġija elettrika mingħand l-ElectroGas u anke mix-Shanghai Electric Company li se tixtri l-impjant tal-BWSC. Skont ir-rapport ta’ Moody’s, dan l-impjant tal-BWSC naqqas il-prezz tal-produzzjoni tad-dawl għal €0.11-il unit minn €0.17/0.18-il unit. Fil-parlament issemma li l-prezz tad-dawl tal-ElectroGas ser ikun €0.09,6-il unit, ftit irħas minn dak tal-BWSC li s’issa ma jużax il-gass. Barra minn hekk, waħda mill-komponenti tal-ElectroGas, Gasol kienet stqarret pubblikament li l-gvern Malti ggarantixxa li l-konsorzju jirkupra l-kapital kollu tiegħu, anke jekk ma jipproduċix enerġija kif ukoll li jixtri l-enerġija kollha li l-konsorzju se jipproduċi, anke jekk il-pajjiż ma jkollux bżonnu. Mill-banda l-oħra, intqal li kwart biss tal-kapaċità tal-interkonnettur li ser jiswa € 100 miljun ser tintuża.
Aspett ferm kontroversjali huwa t-tanker li ser jiġi sorġut f’Marsaxlokk bil-ħażna tal-gass. Għalkemm it-teknoloġija għamlet passi kbar sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tad-diżastru ta’ Cleveland fl-1944 li fih mietu 128 ruħ u dak aktar riċenti tal-2004 fi Skikda fl-Alġerija li fih mietu 27, ir-rapporti kollha li wieħed jara jisħqu fuq il-ħtieġa li tinżamm distanza adekwata bejn il-ħażna tal-gass u l-impjanti industrijali u l-bini residenzjali. Kif semma xi ħadd, l-użu tal-gnl jinvolvi riskju baxx, probabilità żgħira imma konsegwenzi tremendi jekk xi ħaġa tmur żmerċ. Jekk jiġri xi diżastru, barra t-telf ta’ ħajja umana, pajjiżna jista’ jispiċċa mingħajr il-powerstations tiegħu. Xenarju tant katastrofiku li għandu jiġi evitat akkost ta’ kollox. Wieħed kien ikun ferm aktar komdu kieku minflok l-użu ta’ “FSU” sorġut f’Marsaxlokk, intuża “FSRU” ferm il-barra mill-port li barra li jaħżen il-gnl, jirrigassifikah sabiex jintbagħat bil-pipeline lejn il-powerstations.
Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa ferm għaqli li l-gvern ma tefax fil-ġenb l-idea tal-gvern preċedenti ta’ pipeline li permezz tiegħu l-gass jinħatt fil-baħar barra minn Malta sabiex jissupplixxi lil Malta u anke lill-Ewropa kontinentali. Anke hawn irridu naraw kif il-ftehim mal-ElectorGas se jinfluwixxi fuq din l-għażla strateġika.

More in Blogs