L-ironija tat-Tazza tad-Dinja

Il-plejers b'salarji astronomiċi u l-protesti jkomplu jimblukkaw it-triqat Brażiljani

Ironikament il-promozzjoni kulurita għall-maratona tat-Tazza tad-Dinja turi tifel Brażiljan, komuni, jilgħab il-ballun u jħares “mibluh” ’il fuq, eżaltat.
Hemm verità bil-wisq differenti mir-reklami promozzjonali għal-logħob mondjali fil-Brażil. Imqabbel mar-realtà, ir-reklam hu kważi oxxen.
F’diversi bliet ewlenin Brażiljani eluf ta’ bdiewa u ħaddiema niżlu jipprotestaw fit-triqat, anki f’xenarji ta’ vjolenza, f’konfront mal-pulizija. Mijiet sfaw arrestati filwaqt li l-protesti jkomplu bi tkissir ta’ ħwienet tan-negozji, gass tad-dmugħ u l-istun guns.
Il-popolazzjoni komuni Brażiljana qed toħroġ placards twissi lit-turisti biex jibqgħu ’l bogħod mill-Brażil, fejn intefqu biljuni ta’ dollari fuq il-logħob mondjali minflok fuq proġetti soċjali.
Imma hemm ironija oħra għax f’kuntest ta’ karnival imħallat mal-miżerja, awsterità u faqar (u mhux biss fil-Brażil), il-poplu stess jiffinanzja lill-plejers b’salarji astronomiċi bil-miljuni fuq miljuni. Naqraw bi trasferimenti fir-reġjun ta’ 100 miljun dollaru. Jew salarji bħal dawk ta’ Ronaldo, li għandu salarju ta’ tmintax-il miljun dollaru fis-sena.
Sadanittant, il-protesti jkomplu jimblukkaw it-triqat Brażiljani u l-foqra jkomplu jissieħbu fil-Moviment tal-Ħaddiema bla Dar.
Il-pupu ismar, f’illużjoni kulurita, ikompli jiddomina r-reklamar għat-Tazza tad-Dinja 2014.

IL-MEZZI TAX-XANDIR LI JOQTLU
Ir-reliġjon Iżlamika hi kumplessa, taħlita ta’ teokrazija, ġurisprudenza reliġjuża u politika. Hi wkoll reliġjon li qed toħloq kunflitti mdemmija bejn is-Sunni u x-Xiiti, konfronti li ta’ spiss huma esplojtati minn forzi barranin biex ikomplu jiżirgħu l-firda kaotika bejn l-Għarab.
Is-Sunni huma l-fergħa Ortodossa tal-Islam, għalkemm ippruvaw jaġġornawh. Jemmnu fis-sitt kotba tas-Sunna, li jiġbru t-tagħlim orali tal-Profeta Mohammed. Jemmnu wkoll li l-ewwel erba’ Kalifi huma s-suċċessuri veri tal-Profeta.
Ix-Xiiti, min-naħa l-oħra, jemmnu li l-Kalifi awtentiċi neżlin minn Ali, kuġin tal-Profeta. Iqisu li l-Imam, mexxej reliġjuż, għandu setgħa ta’ gwida mnebbah mis-sema u Xiiti oħrajn saħansitra jarawh bħala l-personifikazzjoni ta’ Alla(h).
It-taqlib katastrofiku li jilħaqna mit-televiżjoni, bi qtil settarju bla rażan fit-triqat ta’ nħawi bħall-Iraq, l-Iran, is-Sirja u pajjiżi oħra tar-reġjun Għarbi, ħafna drabi hu instigat minn messaġġi li jrewħu l-vjolenza u l-vendetta. Il-messaġġi f’dan il-hate speech jirreferu, reċiprokament, għal diskors bħal “klieb”, “kanċer”, “bhejjem viljakki”, “pesta” u reġistru ieħor fuq dan it-ton.
Is-saħtiet waqt il-prietki bit-TV huma komuni wkoll: Alla(h) jiffriża d-demm tal-għedewwa!
Il-finanzjament tal-istazzjonijiet tad-diskors tal-mibegħda jista’ jkun ġej minn inħawi bħall-Kuwajt jew l-Arabja Sawdita, kif ukoll minn familji għonja jew negozjanti b’alleanzi dominanti. Pajjiżi oħrajn bħall-Eġittu ta’ wara Mubarak, qed jittolleraw stazzjonijiet satelliċi li jkomplu jeskalaw il-kunflitti settarji fost l-Għarab. Il-kanal Saafa, pereżempju, li jippreżenta chat shows fuq il-mudell Amerikan, għandu miljun telespettatur u jirċievi 450,000 dollaru fis-sena mingħand negozjant biljunarju mill-Kuwajt.
Fl-Iraq, ebda gvern wara Saddam ma sab irkaptu ta’ kif iwaqqaf il-konfrontazzjoni bil-mezzi tax-xandir. Imbagħad, hemm il-pożizzjoni skandaluża ta’ pajjiżi tal-punent, bħall-Istati Uniti u l-Ingilterra. Fl-Istati Uniti, il-kanal settarju Al Bait għandu l-bażi tiegħu f’Kalifornja. F’Londra hemm żewġ kanali: il-Wasal Farsi u l-Fadak TV li, taħt il-maskra ta’ istituzzjonijiet tal-karità, ikomplu jitfgħu l-ħatab fin-nar. F’Londra l-Fadak ingħata knisja li nbidlet fi studjo televiżiv għall-propoganda tal-messaġġ Sunnita.
Lil hinn mill-pajjiżi Għarab, hemm ixandru 120 stazzjon barrani. Ix-xenarju kollu jixhed b’mod ċiniku kif il-komunità internazzjonali, inkluż il-Punent “demokratiku”, qed tilleġġittimizza “il-libertà li tixxandar il-mibegħda tat-terrur u l-mewt fost l-Għarab infishom.”
 

LORENZO MILANI U L-PROĠETT TA’ BORMLA
Għamilt xi ħames snin naħdem fi skejjel “sprivileġġjati” bħal dawk tal-Fortini, il-Furjana, il-Marsa u l-Birgu. Sibt lil min jemmen f’dak li kont qed nipprova nasal għalih permezz ta’ edukazzjoni alternattiva, permezz ta’ esperimenti bid-drama, ibbażati fuq il-metodi tat-Teatru tal-Oppressi ta’ Augusto Boal (dis-sena jagħlaq ħames snin mejjet). Nifakar l-appoġġ li kienu jagħtuni kapijiet bħal Salvina Muscat fil-Marsa u Horace Caruana fil-Birgu.
L-istudenti kienu ntebhu huma wkoll li qed nagħmlu xi ħaġa ġdida, li tagħmel differenza f’ħajjithom. Neħħew l-inibizzjoni u ġew jaħdmu għat-televiżjoni, fit-triqat u anki fl-università, biex ifakkru lil pedagogu Paolo Freire quddiem lecturers u professuri. Emmnu li għandhom valur daqs il-preferuti.
F’dawn il-ġranet sirt naf li f’Bormla, bl-inizjattiva mnedija mill-Kunsill Lokali nbeda proġett imnebbaħ minn edukatur ieħor kbir, Lorenzo Milani, li ħadem kemm felaħ kontra “t-teknoloġija” tal-falliment.
Din hi t-tip ta’ edukazzjoni attiva u b’lenti kritika li teħtieġ Malta, l-aktar fost il-vulnerabbli, dawk b’defiċit soċjo-edukattiv.

 

More in Blogs