Il-Kanċer

Għad baqagħlna ħafna x’nagħmlu u nemmen li fl-aħħar qegħdin nifhmu.

Ma nafx x’naqbad ngħid. Hawn min jgħidlek li minn dejjem hekk kienet u hawn min jgħid li saret speċi ta’ epidemija. Nibża’ nistaqsi għal xi ħadd li nkun ili ma nara għaliex biex jgħiduli li miet daqs tazza ilma. Darba, darbtejn fix-xahar nisma’ bl-aħbar li xi ħadd qribi jew ħabib tiegħi feġġitlu l-marda tal-kanċer.
Irrid nistqarr li anke jiena ta’ kuljum nibża’ li nħoss xi uġigħ mhux tas-soltu jew nilmaħ sinjal li mhux tas-soltu u nibża’ x’jista’ jkun ir-riżultat. Minn ċifri li jissemmew, wieħed minn kull erbgħa qiegħed imut jew tmut minħabba din il-marda. Jekk tgħiduli x’naħseb jiena nemmen li l-inċidenza hija akbar. Fil-kariga tiegħi nattendi għal ħafna funerali u rari ħafna nattendi għal xi funeral fejn il-persuna ma tkunx mietet bil-kanċer.
X’inhi l-kawża jiena ma nafx. Hawn min jgħidlek l-ikel li qegħdin nieklu. Hawn min jipprova jikkonvinċi li minħabba l-ambjent imniġġes li qegħdin ngħixu fih, fost oħrajn l-użu ta’ enerġija mill-fossili. Kemm jekk Power Station u kemm jekk il-mijiet ta’ eluf ta’ karozzi li joħonqu t-toroq tagħna. Jiena ngħid li hija taħlita ta’ kollox. Iżda fuq kollox in-nuqqas ta’ ppjanar, li meta ma rajniex fit-tul. Domna biex nagħmlu investiment fil-qasam tal-kura ta’ din il-marda.
Ħaqqhom prosit kbir dawk l-għaqdiet li mhumiex governattivi u li jaħdmu bla heda mhux biss mal-morda iżda anke mal-familjari tagħhom. Kif dejjem il-vojt li jħalli l-Gvern timlih is-soċjetà ċivili. Organizzazzjonijiet bħal Hospice Movement u Puttinu Cares qegħdin jagħmlu dak li kienet tagħmel il-Knisja qabel ma nħoloq il-Welfare State. Jaslu huma fejn ma jaslux il-politiċi. Li ma kienx għall-fatt li għandna poplu ġeneruż anke hawn konna infallu.
Huwa minnu ukoll li f’dawn l-aħħar snin bħal donnu l-politiċi ntebhu li jridu jabqdu l-barri minn qrunu jew il-ferita se tkompli tikber. Għalhekk huwa sinjal tajjeb li sa fl-aħħar il-parti l-ġdida li qiegħda tinbena f’Mater Dei propju biex ikunu aktar iffokati fuq din il-problema. Apparti minn dan pajjiżna produċa fost l-aqwa tobba fil-qasam tal-onkoloġija. Aktar minn hekk għandna riżorsi tajbin ħafna fost il-paramediċi u infermiera. Nies li mhux biss huma ta’ ħila iżda dedikati għall-marid.
Għandna kollox. Għandna l-ħila, għandna poplu ħanin, hemm l-enerġija kollha meħtieġa. Jekk hija kwistjoni ta’ finanzi rridu naraw minn fejn ser inġibuhom billi niflu jekk aħniex qegħdin nagħmlu l-almu tagħna anke ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-Unjoni Ewropea. Il-mediċina f’dan il-qasam hija waħda li tiswa l-flus. Hemm min saħansitra jħallas eluf kbar ta’ ewro fix-xahar bit-tama li jfiq jew itawwal ħajtu. Il-Community Chest Fund, flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra mhumiex sinjuri biżżejjed biex ilaħħqu mat-talbiet li dejjem jiżdiedu.
Apparti mill-problema inġenerali hemm ukoll problemi partikulari li naħseb nistgħu nsolvuhom. Din il-ġimgħa ltqajt b’kumbinazzjoni ma’ żewġ ġenituri waqt li kont qiegħed niekol f’ristorant. Għalkemm ma nafhomx kien jidher ċar li riedu jkellmuni iżda bdew jistħu. Għalhekk rajt kif għamlit biex wassalthom jgħidu kelma billi ersaqt lejhom u sellimtilhom. B’mistħija r-raġel staqsieni jekk jistgħux ikellmuni.
L-omm bid-dmugħ f’għajnejha spjegatli kif għandhom tifel li ilu ħdax-il sena jsofri minn kanċer. Li sa ftit taż-żmien ilu kien jieħu pilloli u issa qiegħed jieħu oħrajn li mhumiex jaqblu miegħu. Jekk dan huwa l-każ, għaliex ma bqajniex inġibulu l-istess pilloli ta’ qabel? Din hija xorta ta’ tbatija li m’għandhiex tkun mat-tbatija ġenerali li ġġib din marda kemm fuq il-persuna b’din il-kundizzjoni u anke fuq dawk li jkunu madwaru.
Għad baqagħlna ħafna x’nagħmlu u nemmen li fl-aħħar qegħdin nifhmu.

More in Blogs