It-Tmiem tal-Iraq?

L-avvenimenti inkredibbli li ġraw fit-Tramuntana tal-Iraq din il-ġimgħa għandhom l-oriġini tagħhom, kif spiss jiġri, fl-istorja

Meta waqa’ l-ħajt ta’ Berlin ħamsa u għoxrin sena ilu, kittieb illi kien ispira l-moviment neo-konservattiv, Francis Fukuyama fil-ktieb tiegħu The End of History and the Last Man (1992), argumenta illi t-trijonf tad-demokraziji liberali u tal-kapitaliżmu tas-suq ħieles tal-punent fuq il-mudell soċjalista sovjetiku jista’ jkun l-aħħar tappa tal-evoluzzjoni umana u l-forma finali tal-mod kif titmexxa l-umanità. Matul is-snin, Fukuyama biddel fehmtu imma ma setax kien aktar żbaljat fl-analiżi tiegħu speċjalment wara l-qawmien integralista Iżlamiku illi sar l-akbar theddida għas-sigurtà internazzjonali.
L-avvenimenti inkredibbli li ġraw fit-Tramuntana tal-Iraq din il-ġimgħa għandhom l-oriġini tagħhom, kif spiss jiġri, fl-istorja. L-Iraq bħala nazzjon għandu anqas minn mitt sena meta fl-1920, l-Iraq sar mandat tal-Għaqda tan-Nazzjonijiet bl-isem “Stat ta’ Iraq” taħt il-kontroll tal-Ingliżi. L-Ingliżi u l-Franċiżi kissru l-wegħdiet li taw lill-Għarab illi jieħdu l-indipendenza meta talbu l-appoġġ tagħhom fit-taqtigħa kontra l-Imperu Ottoman fil-Gwerra l-Kbira. Għal kuntrarju, il-Franċiżi żammew il-kontroll tas-Sirja u l-Libanu permezz tal-mandat illi ngħataw mill-Għaqda tan-Nazzjonijiet mentri l-Ingilterra ħadu mandat fuq il-kumplament, inkluż l-Iraq. Fl-Iraq poġġew fuq it-tron re ħaxemita illi l-Franċiżi kienu keċċew mis-Sirja, qarib tar-re illi l-Ingliżi poġġew fil-Ġordan. Il-ħaxemiti kienu ’l hekk imsejħa xarif tal-postijiet qaddisa ta’ Mekka u Medina u fl-1916, ix-xarif tal-Mekka, Hussein Bin Ali, inkoraġġit mill-Ingliżi u Franċiżi, u bl-għajnuna ta’ Lawrence of Arabia, mexxa rvell pan-Għarbi kontra l-imperu Ottoman.
Hussein ried illi jitwieled stat Għarbi indipendenti minn Aleppo fis-Sirja sa Aden fil-Jemen. Madankollu, wara l-gwerra, l-Franċiżi u l-Ingliżi kisru kelmthom u l-ħolma ta’ stat indipendenti pan-Għarbi twarrbet għal kollox. F’xi mod jew ieħor, l-eks dominji Ottomani waqgħu taħt l-influwenza tal-Ingliżi jew tal-Franċiżi (ħlief għall-kolonja Taljana tal-Libja). Il-ħaxemiti spiċċaw tkeċċew mill-peninsula Għarbija fl-1925 mir-re Abdul Ażiż bin Saud wara illi l-Ingliżi qalbu l-appoġġ tagħhom lis-Saudi mill-Haxxemiti. Il-familja Saudi, influwenzata mit-twemmin ta’ setta illi adottat prattika Iżlamika ferm riġida, il-Waħħabiżmu, kienet ilha tingaġġa fi gwerer għall-kontroll tal-peninsula Għarbija. Meta fl-1925, Ibn Saud rebaħ lill-ħaxemiti, kien hemm tribujiet li riedu jkomplu jippruvaw jaffermaw is-supremazija waħħabija fil-Ġordan u fl-Iraq. Ibn Saud ma riedx jiġġieled mal-alleati l-ġodda tiegħu, l-Ingliżi, imma dawn it-tribujiet xorta għamlu ta’ rashom u rvellaw kontra l-awtorità tiegħu u bdew jattakkaw l-Iraq, il-Ġordan u l-Kuwajt. Dan l-irvell hekk imsejjaħ tal-Ikwan, fejn ġiet missielta l-aħħar battalja bl-iġmla, falla minħabba s-superjorità teknoloġika tal-armata ta’ Ibn Saud u l-għajnuna tal-Ingliżi.
Dak illi l-Ikwan ma rnexxilux jagħmel fit-tletinijiet qed jipprova jagħmlu llum l-Istat Islamiku tal-Iraq u tal-Lvant (I.I.I.L.), grupp ta’ ġellieda ispirati mill-waħħabiżmu illi huwa tant estrem illi l-istess mexxej ta’ Al Qaeda, Al Zawahiri ddissasoċja ruħu minnu. Al Żawahiri ħass li l-metodi vjolentissimi tal-I.I.I.L. bħall-prattika li jaqtgħu ras il-vittmi tagħhom u juru l-qtugħ fuq l-internet kien qed jagħti isem ħażin lill-Al Qaeda. Fil-fatt, fis-Sirja, l-għaqda affiljata ma’ Al-Qaeda hi Jabħat al-Nusra li spiss tispiċċa fi ġlied mal-I.I.I.L. Anke l-armata ħielsa Sirjana tikkalkula li nofs il-forzi tagħha qed jintużaw fil-ġlied mal-I.I.I.L. minflok mar-reġim ta’ Assad, riżultat ta’ kalkolu ċiniku ta’ Assad li qed jagħtih il-frott.
L-I.I.I.L. kellha suċċessi kbar f’din l-aħħar sena. F’Mejju li għadda, l-I.I.I.L. bdiet tikkonsolida l-kontroll tagħha f’Raqqa, belt fil-Lvant tas-Sirja ta’ aktar minn 200,000 ruħ. F’Raqqa, l-I.I.I.L. regolarment iżżomm eżekuzzjonijiet pubbliċi ta’ Alawiti, setta Islamika li hi assoċjata max-Xiiti u li tappoġġja bil-kbir ir-reġim ta’ Bashar al-Assad u li l-waħħabi jikkunsidraw, flimkien mal-insara, bħala infidili. Barra minn hekk, l-insara li kienu jagħmlu 10% tal-populazzjoni ħarbu kważi kollha u l-knejjes insara ġew ivvandalizzati. Il-brutalità tal-I.I.I.L. m’għandhiex qies u l-ġimgħa l-oħra, bħala twissija lil ħaddieħor, sallbet tliet żgħażagħ f’belt ħdejn Aleppo, is-Sirja.
Jikkalkulaw illi n-numru ta’ ġellieda tal-I.I.I.L. huwa żgħir: 6,000 fl-Iraq u bejn 3,000 u 5,000 fis-Sirja, b’xi elf minnhom miċ-Ċeċnja u xi ħames mija minn pajjiżi Ewropej, ulied immigranti Iżlamiċi li ma ntegrawx u li jiċħdu l-istil ta’ ħajja tal-Punent u jistmerru r-reġimi sekulari Għarab. Il-mexxej ta’ din l-għaqda huwa Abu Bakr al-Baghdadi illi jistmerr il-pubbliċità u wera moħħ ferm strateġiku u sens qawwi ta’ tattika. Bena din l-organizzazzjoni bil-ħtif tal-barranin li jinħelsu wara l-ħlas ta’ rahan u billi ħataf u sfrutta bjar taż-żejt fis-Sirja. L-I.I.I.L. ma tirrikonoxxiex il-fruntieri li l-potenzi kolonjali stabilixxew wara l-waqgħa tal-imperu Ottoman. U jridu jwaqqfu stat li jkopri ż-żoni Sunniti tal-Iraq tat-Tramuntana u l-parti orjentali tas-Sirja possibilment sal-Mediterran.
F’Lulju li għadda, l-I.I.I.L. kellha l-ewwel suċċess importanti fl-Iraq meta ħelset mijiet ta’ priġunieri mill-ħabsijiet ta’ Abu Ghraib u Taji wara operazzjoni spettakulari. Imbagħad f’Diċembru li għadda, il-miltanti tal-I.I.I.L. u t-tribujiet alleati ħatfu partijiet ta’ Ramadi, il-kapitali tal-provinċja tal-Punent ta’ Anbar u Falluja, il-qalba tal-irvell kontra l-okkupazzjoni Amerikana għaxar snin ilu, xi ħamsin mil fil-Punent tal-uffiċċju tal-Prim Ministru Nuri al-Maliki f’Baghdad.
Minkejja l-isforzi kollha tal-armata Iraqqina, u l-wegħdiet ta’ al-Maliki, il-forzi tal-I.I.I.L. għadhom hemm sal-lum, Imma dawn l-operazzjonijiet m’huma xejn ħdejn l-attakk spettakulari ta’ xi 1,500 ġellied tal-I.I.I.L. flimkien ma’ membri ta’ tribujiet Sunniti fuq it-tieni l-akbar belt Iraqqina, Mosul b’populazzjoni ta’ 1.2 m fis-6 ta’ Ġunju. Sal-10 ta’ Ġunju, żewġ diviżjonijiet ta’ 30,000 suldat tal-armata Iraqqina kienu abbandunaw l-uniformi u biegħu l-armi tagħhom u Mosul waqgħet f’idejn il-militanti Iżlamiċi. Barra li qabdu ammont kbir ta’ armi fosthom numru ta’ humvees Amerikani u sitt ħelikopters Blackhawk, il-militanti Iżlamiċi ħadu xi $500 miljun fi flus ġodda mill-banek ta’ Mosul u ħelsu eluf ta’ priġunieri illi komplew isaħħuhom. Ir-riżultat kien eżodu massiċċ ta’ 500,000 lejn iż-żona awtonoma kurda.
Jidher li barra l-għajnuna ta’ tribujiet sunniti, militanti tal-partit Baath ta’ Saddam Hussein ukoll ħadu sehem attiv u fil-fatt, Tikrit, il-belt fejn twieled u hu midfun Saddam, waqgħet f’idejn il-militanti l-għada. L-avvanzata tal-I.I.I.L. waqfet f’Samarra, 125 kilometru fit-Tramuntana ta’ Baghdad fejn l-armata Iraqqina u l-milizji Xiiti qed jippruvaw jiddefendu l-moskei f’din il-belt għeżież għax-Xiijiti.
L-avvenimenti inkredibbli ta’ dawn l-aħħar jiem juru l-falliment totali tal-politika settarja ta’ Al-Maliki. Meta l-Ingliżi ffissaw il-fruntieri tal-Iraq, qajla taw każ il-kompożizzjoni etnika tal-Iraq u fdaw il-poter f’idejn l-elite Sunnita Għarbija li baqgħet tiddomina sal-waqgħa ta’ Saddam. Dan għad-detriment tal-maġġoranza Xiijita u ta’ minoranzi oħra bħall-kurdi illi huma Sunniti imma mhux Għarab, it-Turkmeni u l-Assiri. Wara l-ewwel gwerra tal-Iraq, il-Kurdi stabilixxew żona awtonoma fit-Tramuntana protetta mill-forzi tal-arja Amerikani. Wara l-waqgħa ta’ Saddam, il-poter għadda f’idejn ix-Xiijiti għall-ewwel darba fl-istorja qasira tal-Iraq imma l-Kurdi komplew jikkonsolidaw iż-żona tagħhom.
Meta l-Amerikani telqu l-Iraq fl-aħħar tal-2011, Al-Qaeda kienet prattikament mirbuħa wara li l-istess tribujiet Sunniti daru kontriha minħabba l-prattika estrema tal-Iżlam. L-Amerikani ddedikaw sforzi kbar u finanzi konsiderevoli sabiex idawru b’suċċess it-tribujiet Sunniti kontra al-Qaeda. Malaki xejjen dawn l-isforzi kollha billi aljena lis-Sunniti u kiser il-wegħdiet li jintegra l-milizji Sunniti fl-armata Iraqqina. Barra minn hekk, l-armata Iraqqina ġdida li fuqha l-Amerikani nefqu €25 spiċċat mifnija b’korruzzjoni u bi promozzjonijiet illi ngħataw mhux fuq il-mertu imma ta’ lealtà għal Malaki. Ir-riżultat diżastruż rajnieh din il-ġimgħa.
Il-Kurdi kienu pronti jisfruttaw is-sitwazzjoni u daħlu bil-Peshmerga (“Dawk li jaffaċjaw il-mewt”) tagħhom f’Kirkuk, belt ferm sinjura fiż-żejt u li tinsab eżatt biswit iż-żona awtonoma tagħhom. Il-Kurdi ilhom jirrivendikaw din il-belt bħala l-belt kapitali storika tagħhom u l-kollass tal-armata Iraqqina quddiem il-ġellieda tal-I.I.I.L. tathom l-opportunità perfetta sabiex jokkupawha.
L-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa jistgħu jfissru t-tmiem tal-Iraq kif nafuh. Il-Kurdi huma prattikament indipendenti għal kollox ħlief fl-isem u l-provinċji Sunniti qajla ma juru l-ebda ħajra illi jitmmexxew mix-Xiijiti f’Baghdad. Possibilment, l-Iraq bħala pajjiż jiġi ridott għal Baghdad u l-provinċji Xiijiti tan-Nofsinhar. Jekk l-I.I.I.L. jirnexxielhom iżommu l-kontroll fuq it-territorju li qed jokkupaw fis-Sirja u fl-Iraq li huwa daqs il-Ġurdan u b’popolazzjoni simili ta’ 6 miljuni, u xejn mhu eskluż f’dan l-istadju, id-dinja jkollha taffaċċa theddida terroristika bla preċedent. Mhux ta’ b’xejn illi żewġ avversarji storiċi, l-Amerika u l-Iran jistgħu jalleaw ruħhom sabiex jgħelbu din it-theddida. Jidher li l-Iran diġà bagħat tliet diviżjonijiet tiegħu fl-Iraq u l-ġeneral Qasem Sulaimani, il-kmandant tad-diviżjoni al-Quds tal-Gwardji Rivoluzzjonari li qatta’ l-aħħar sentejn jippuntilla l-gvern ta’ Damasku, issa qiegħed jorganizza d-difiża ta’ Baghdad mal-milizji Xiiti.
Altru li spiċċat l-istorja.

 

More in Blogs