Ir-Repubblika u l-Ispornosesswali

“L-irġiel jikxfu sidirhom sakemm jiġbdu stessu ħa jtellgħuh fuq il-paġna tagħhom bl-intenzjoni ovvja ta’ eċitazzjoni sesswali u awtoammirazzjoni”
“L-irġiel jikxfu sidirhom sakemm jiġbdu stessu ħa jtellgħuh fuq il-paġna tagħhom bl-intenzjoni ovvja ta’ eċitazzjoni sesswali u awtoammirazzjoni”

Il-kunċett tan-“nazzjon”, kif diġà ktibt drabi oħrajn, huwa wieħed     delikat ħafna; kunċett li mhuwiex antik wisq u li ġie pproblematizzat minn ħafna ħassieba. Fil-każ tagħna l-kunċett huwa tassew problematiku minħabba l-istorja tiegħu u l-istorja tal-pajjiż li tixhed, qabelxejn, inkontri u taħlit kulturali li filwaqt li jagħmlu lil Malta post interessanti joħolqu tensjonijiet li jpoġġu l-idea ta’ identità nazzjonali f’dell li ma naħsibx li għad jirnexxielna neħilsu minnu. U forsi lanqas m’huwa lant li nippruvaw u forsi lanqas imissna nippruvaw.
Hu kemm hu skomdu dan il-kunċett, iżda, jibqa’ l-fatt li hemm xi tip ta’ fenomenu – mistħajjel jew veru – li ħafna nies iħaddnu: jaraw nazzjon kull darba li jitkellmu fuq pajjiżhom, fuq nieshom, fuq l-istorja tagħhom. B’xi mod anki l-Maltin għandhom din l-immaġinazzjoni. Qiegħed ngħid “b’xi mod” għaliex fil-każ partikolari Malti (anki f’każi ta’ xi pajjiżi oħrajn) hemm aktar minn fattur wieħed li joħloq tensjoni fil-kunċett ta’ nazzjon: mhux biss il-prossimità ġeografika (u allura anki kulturali) għal żewġ kontinenti u reliġjonijiet li ma tantx ħabbew lil xulxin, imma anki l-firda partiġġjana li nżergħet, issaqqiet u ffjorixxiet speċjalment minn nofs is-seklu l-ieħor ’l hawn.
Għaldaqstant wieħed kien jistenna li l-pompa kollha li biha tħabbret l-intenzjoni tal-gvern li jiċċelebra l-anniversarji tant importanti għall-Istorja Maltija, kienet se tissarraf f’sensiela ta’ attivitajiet li, jekk xejn, kellhom jiċċelebraw in-nazzjon (irrispettivament minn kemm hu problematiku dan il-kunċett) u, qabel dan, li jippruvaw jiddefinixxu lin-nazzjon (anki jekk kull definizzjoni se tkun xi ftit jew wisq difettuża). Ġie appuntat bord b’nies li jgawdu ċertu rispett ġenerali frott il-ħidma fl-oqsma differenti tagħhom. Ingħażel motto interessanti li jixhed, jekk xejn, kemm fil-fond nett ta’ qalbna nħossu li m’aħniex poplu fis-sens Romantiku tal-kelma, u, kif wieħed kien jistenna li jiġri fl-2014, ġie varat sit virtwali li jagħti idea tal-attivitajiet ta’ din il-Fondazzjoni.
Il-problema l-kbira f’dan kollu hija l-attivitajiet li saru sa issa. Filwaqt li wħud minn dawn l-attivitajiet li qegħdin jidhru bit-tikketta ta’ din il-fondazzjoni kienu avvenimenti li ilhom isiru minn ħafna qabel it-twelid tagħha, oħrajn iħalluk b’ħalqek miftuħ int u tipprova tifhem x’relazzjoni jista’ għandhom mal-kunċett ta’ nazzjon jew, aktar u aktar, mal-kunċett ta’ nazzjon li qiegħed jiċċelebra lilu nnifsu u l-passat tiegħu. Kunċert ta’ interpretazzjonijiet ta’ mużika ta’ kantanti magħrufin (il-biċċa l-kbira Anglo-Amerikani); kunċert rock ta’ baned Maltin, imlaqqam “Mużika u Azzar” (aktarx għax sar f’dik li kienet ix-shipbuilding tal-Marsa); kunċert ta’ Brian May; kunċert-imitazzjoni tal-Beatles li, inċidentalment, ispiraw lill-artisti mużikali Maltin fil-messaġġ tagħhom lilna biex “ningħaqdu flimkien” billi “we come together”; kunċert-spettaklu mill-Ministeru tal-Ħoss, komplut bil-ħsejjes tal-logħob tan-nar; u issa dalwaqt se jkollna l-kunċert rock (ieħor) imlaqqam bħala “Mużika minn Xi Mkien Ieħor” – titlu sfortunatament pjuttost ironiku meta wieħed iqis li l-mużika se tkun dik ta’ mużiċisti Maltin. Kien hemm xi attivitajiet oħrajn, bħal danza fuq l-imħabba mhux reċiprokata, bħal dramm għal fuq it-televixin dwar tfajla li qiegħda taħdem fuq it-teżi tagħha imma mbagħad toħroġ tqila imma mbagħad tkun se titlef it-tarbija imma mbagħad ma titlifhiex, dramm li, biex nikkwota kelma b’kelma s-sit tal-FĊN, għandu “metodu stilizzat biex joħroġ iż-żewġ livelli tat-telepaly, għaddeja minn mumenti ta’ maġija reali u simboliżmu għar-realtà popolari. It-telespettatur hu kważi preżenti għax qisu qed jara dramm fi dramm.” S’issa kien hemm aktar attivitajiet fosthom idea brillanti tal-Heritage Malta ta’ wirja li tirrakkonta lin-nazzjon permezz ta’ mitt oġġett ta’ tifsira nazzjonali u wirja oħra dwar l-ilsien nazzjonali bis-sehem tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
Ma rridx ninsa l-idea brillanti l-oħra tal-ftuħ ta’ villaġġ tad-Tazza tad-Dinja li l-attrazzjoni prinċipali tiegħu se tkun skrin ta’ daqs li qatt ma rajna bħalu; għaxar metri b’ħamsa.
Naf li llum il-ġurnata sar kważi dnub li tkun negattiv, imma meta wieħed iqis kemm Malta qiegħda tħallas flejjes f’konsulenzi biex ikollna programm ta’ ċelebrazzjonijiet xieraq, u mbagħad tara x’ġie propost u mħejji, ma tistax ma tkunx negattiv. Jista’ jagħti l-każ li l-faqar fil-programm tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena hekk memorabbli (tneħħi numru żgħir ta’ avvenimenti) qiegħed jikkonferma l-problema li għandna meta niġu biex ngħidu min aħna, imqar lilna nfusna; jew inkella li stajna għażilna konsulent aħjar għal okkażjoni li kellha tkun ta’ sinifikat nazzjonali kbir.
Jien naħseb li hija biss kumbinazzjoni imma ma stajtx ma nosservax li s-sena tal-anniversarji nazzjonali ħabtet mad-dikjarazzjoni uffiċjali li, għallinqas fid-dinja l-affluwenti, twieled l-ispornosesswali, għoxrin sena wara li tfaċċa l-metrosesswali. Kampjuni ta’ metrosesswali tarahom anki fit-toroq u fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin u ma neħodhiex bi kbira li, bis-saħħa tal-ħeffa diġitali anki l-ispornosesswali se jibdew jidhru ʼl hemm u ʼl hawn, pereżempju fuq ix-xtajtiet jaħarqu bix-xemx u l-iġsma mikxufa. Definittivament xi paġni Facebook individwali l-element ta’ spornosesswaliżmu diġà huwa evidenti ħafna: irġiel jikxfu sidirhom quddiem il-mera sakemm jiġbdu stessu ħa jtellgħuh fuq il-paġna tagħhom; oħrajn f’poża misruqa minn Hollywood jew, aktar minn hekk, mill-grounds tal-futbol Ewropej: bażikament il-kxif tal-ġisem maskili bl-intenzjoni ovvja ta’ eċitazzjoni sesswali u awtoammirazzjoni.
L-ispornosesswali, l-istess bħal ħuh il-kbir, jimmarka mument importanti fil-kultura li qegħdin ngħixu fiha għaliex jekk sa issa konna nitkellmu fuq il-pornografizzazzjoni tan-nisa, jew fuq il-poter li l-irġiel għandhom li jħarsu lejn l-iġsma mikxufin tan-nisa kull fejn idawru ħarsthom, jidher li hemm fenomenu simili li qiegħed imiss lill-ġisem maskili. Jaf ikun suġġett interessanti u importanti li għandu jiġi diskuss biex verament nibdew naraw min aħna, mhux neċessarjament bħala Maltin (anzi żgur li mhux hekk) imma bħala bnedmin li qegħdin naqraw (nispera) seklu ġdid li mhux dejjem faċli jinftiehem. Fl-ispazju limitat li fadal, kumment żgħir ħafna fuq ir-ritratt, li hu element importanti ħafna fil-ħajja tal-ispornosesswali. Sa ftit taż-żmien ilu konna niddieħqu bit-turisti Ġappuniżi li minnhom ħloqna sterjotip tat-turist li moħħu fir-ritratti anki jekk imbagħad jispiċċa biex ma jgawdi xejn minn dak li jkun qed jara. Jekk il-ġbid kontinwu ta’ ritratti kien marda Ġappuniża, allura għandha l-qawwa ta’ epidemija, tant li llum m’għadniex niddieħqu bihom. Waqt titjira minn Praga għal Malta, żagħżugħ Ċek ħalla l-iPhone mixgħul (avolja mhux suppost) u sa qabel l-ajruplan laħaq l-għoli massimu għall-kumplament tat-titjira ġibed tlieta u għoxrin ritratt – tax-xemx nieżla u tas-sħab griż li kien qed jgħatti lil Praga u l-art ta’ madwarha. U iva, xi tnejn jew tlieta tiegħu stess bit-tieqa tal-ajruplan wara rasu.

 

More in Blogs