
Sistema Ġudizzjarja li mhix tiffunzjona

Il-Malti jgħid, aħjar aħħ milli tmiss mal-għatba tal-qorti. Dan l-għidut ma nibitx għalxejn. Hu fatt magħruf li min irid jieħu r-raġun u jeħtieġ il-ġudikatura biex jieħu dak li ħaqqu jrid ilesti ruħu għal spiża ta’ avukati ta’ stoffa kif ukoll dewmien li jista’ jieħu minn xhur sa diversi snin. U għalhekk din il-perċezzjoni tal-poplu dwar il-qorti hi valida.
Hija ħasra li matul dawn l-aħħar għoxrin sena, Ministru wieħed wara l-ieħor responsabbli mill-ġustizzja, ħadd minnhom ma kellu l-kapaċità li jirriforma s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna. Ir-riforma tant bżonjuża biex l-ewwel nett, il-poplu ma jibqax jissaporti inġustizzji fis-skiet tiegħu jew għax m’għandux il-mezzi biex jiġġieled għad-drittijiet tiegħu jew għax jibża’ li jispiċċa agħar milli jkun. Għax wara kollox, mhux kull min jidħol il-qorti dejjem jieħu r-raġun.
Matul l-aħħar xhur rajna xi tibdil li seħħ fil-qorti ċivili fejn ġiet introdotta sistema li permezz tagħha, wieħed ikun infurmat aħjar dwar il-ġurnata u l-ħin li għandu jidher il-qorti. Sistema li għalkemm jonqosha x-xogħol biex tipperfezzjona, diġà offriet xaqq ta’ tama lil dawk li jridu jużawha. Sfortunatament, mhux l-istess jista’ jingħad rigward il-Qorti Kriminali.
Is-sistema fil-kriminali hi li kulħadd għadu jkun mgħajjat fl-istess ħin u xħin tidħol taf u xħin toħroġ ma tafx. Għalkemm kien hemm it-tibdil fil-qorti ċivili kif għedna, jidher li fil-kriminali hemm reżistenza iebsa għal bidla. Ħadd ma jrid jerfa’ subajgħ ’il fuq u jipprova jevalwa sistemi ġodda bl-iskuża li aħjar tipprattika dak li taf, milli tidħol għal xi ħaġa li ma tafx. Għalhekk kulħadd hu favur l-istatus quo, xi ħaġa li hi inaċċettabli wara dawn is-snin kollha fejn ċarament u bil-provi, s-sistema mhijiex taħdem.
Ir-rwol tal-pulizija hu li tinvestiga u tressaq lil min allegatament kiser il-liġi. Mhux l-ewwel darba li jitressqu nies il-qorti b’nuqqas ta’ provi konkreti bil-ġudikant iħammar wiċċ il-prosekutur dwar dan in-nuqqas. Minn naħa l-oħra wieħed ukoll irid jifhem ix-xogħol tal-pulizija li trid tinvestiga u tiġbor l-evidenza biex tressaq lill-akkużat. Mhux faċli tinvestiga u tiġbor l-evidenza meta l-pulizija jaħlu daqstant ħin prezzjuż il-qorti u jridu wkoll iwieġbu għal kritika li ma jressqux nies biżżejjed u fil-ħin.
Il-Pulizija għandhom diversi responsabbiltajiet oħra li jridu jieħdu ħsieb bħala parti minn dmirijiethom. Uħud minn dawn id-dmirijiet jistgħu faċilment isiru minn nies jew entitajiet oħra bħal mhu t-tqassim tal-voti f’xi elezzjoni, xogħlijiet amministrattivi bħal ħruġ ta’ liċenzji u kondotti fost affarijiet oħra. Aktar ma jkun iffrankat xogħol tedjanti minn fuq spallejn il-pulizija, aktar se jkun hemm ħin biex l-istess pulizija tiffoka r-riżorsi tagħha fejn hemm bżonn inkluż l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.
Hu wkoll fatt magħruf li teżisti anke ċerta ostilità bejn il-ġudikatura u l-prosekuzzjoni u għalkemm hemm min juri rispett reċiproku fil-konfront ta’ xulxin, din il-prattika tvarja skont l-individwu. Fix-xenarju ta’ dan kollu, dejjem hemm jiżżeffen fin-nofs l-akkużat li għadu innoċenti sakemm jinstab ħati. L-akkużat li jew jinżamm arrestat sakemm jasal biex jinstema’ l-każ tiegħu jew li jingħata l-libertà proviżorja sakemm jasal l-istess mument li jidher quddiem il-ġudikant.
Persuna b’att t’akkuża mdendla m’għonqu, kemm jekk maqful ġewwa u kemm jekk barra fuq libertà proviżorja, għalkemm barra dejjem aħjar minn ġewwa, xorta hu persuna li ma jafx x’se jiġri minn xortih meta jasal il-waqt. Il-qtugħ ta’ qalb jibqa’ mal-individwu sal-mument tal-verdett.
Illum nafu wkoll li mhux min hu ħati biss jispiċċa maqful ġewwa. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex infallibli u nies innoċenti wkoll spiċċaw il-ħabs kaġun ta’ fabbrikazzjoni ta’ gideb. Spiċċaw ġewwa anke kaġun ta’ prosekuzzjoni li setgħet għarbxet iżjed l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-akkużat. Spiċċaw ġewwa għax aċċettaw il-verdett. Oħrajn iżda, għax jistgħu finanzjarjament, baqgħu jiġġieldu l-innoċenza tagħhom sakemm is-sewwa rebaħ.
Din hi s-sistema ġudizzjarja preżentament f’pajjiżna. Sistema fejn kulħadd jaqbel li hemm bżonn bidla minflok kulħadd jibqa’ jiġbed għal riħu.