Kanċer li jinxtara

Qed nikkontaminaw lilna nfusna

Filwaqt li qed jintefqu l-miljuni fuq sptar ġdid tal-onkoloġija, filwaqt li nħoloq kors speċjalizzat għall-infermiera biex jieħdu ħsieb pazjenti morda bil-kanċer u filwaqt li kontinwament nintalbu nikkontribwixxu għall-iskema ta’ Puttinu, il-kontaminazzjoni li twassal għal din il-marda li tbażża’ u toqtol bl-eluf hi reali.
Jidher li dak li qed nieklu jista’ jkun qed jipprovoka gravament il-preżenza ta’ din il-marda li twerwer. Minbarra s-saħta tal-pestiċidi, issa tfaċċat storja oħra kif id-drenaġġ qed jinxtara bil-prezz ta’ €13 kull bawżer biex jinxtered fuq il-ħxejjex, prattika illegali. Dan id-drenaġġ qed jinġabar mill-fosos privati, mill-irziezet tal-bhejjem u mill-mobile toilets armati fil-beraħ.
Rapport li deher fl-ewwel faċċata tat-Times ix-xahar li għadda żvela kif bidwi partikolari ilu mill-2011 jipprova jikkumbatti din il-prattika mimlija nitrati miċidjali, imma jidher li l-awtoritajiet m’humiex jagħtuh widen. Il-kontaminazzjoni qed tidħol fil-fond fil-ħamrija, tagħti prodott li fid-deher hu tajjeb, imma tiġri tul il-katina tal-ikel sakemm tasal għand il-bejjiegħa, fid-djar, ristoranti, eċċ jibqa’ jħuf id-dell ta’ livelli għoljin ta’ kimiċi qerrieda. Hemm programm apposta tal-Unjoni Ewropea li suppost qed jeduka lill-bdiewa kif jevitaw il-preżenza tan-nitrati imma f’Malta, in-nitrati, litteralment, qed jinxtraw. U magħhom il-kanċer.

BRIAN MAY U L-MASSAKRU TAĊ-ĊRIEV
Li kien għal min jaħsibha bħali, il-kaċċa għandha tieqaf fi kwalunkwe staġun. Iżda jien u min hu bħali m’għandniex poteri leġislattivi. Nistgħu nitkellmu, jew forsi niktbu poeżija jew storja, imma l-istorja tieqaf hemm. Bla konsegwenza.
F’Malta, aspetti tal-prattika tal-kaċċa huma sostenuti anki mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jfisser li politikament, il-kitarrista Brian May deffes imnieħru fejn ma jesgħux, politikament u legalment, meta waqt il-kunċert tiegħu f’Malta esprima x’għandu jew m’għandux jagħmel il-poplu Maltin dwar fejn tidħol il-kaċċa.
Insostni li jien ma narax sens fil-kaċċa. Narah att barbaru li tispara fuq tajra għajjiena u mifluġa b’titjira ta’ eluf ta’ kilometri tfittex fejn tbejjet. Barbaru daqs li jinqatlu l-barrin għall-isport, jew il-ġlidiet tas-sriedaq jew il-kaċċa għall-volpi fl-Ingliterra.
Imma l-kitarrist tal-Queen, miġjub f’Malta b’ħafna pubbliċità, mill-palk mixgħul b’lanterni qawwijin ried jagħtina lezzjoni neo-kolonjalista u jgħidilna x’għandna nagħmlu dwar il-kaċċa. May ġie Malta u waqt il-kunċert (li biex tidħol għalih ridt tħallas bejn €80 u €130) ippontifika dwar il-politika li għandha tieħu Malta fil-konfront tal-qtil tal-annimali, tal-art u tal-arja.
Imma kien hemm dettall importanti li Brian May ma qalx lil folla li marret tapplawdih. Fuq l-art tiegħu fl-Ingilterra, dan il-multi-miljunarju li sar, sar grazzi għall-qima pagana tal-fidili, iżomm għassies liċenzjat biex jeħodlu ħsieb it-trobbija tat-tjur u fl-istess ħin joqtol iċ-ċriev li jitfaċċaw fuq it-territorju tiegħu.
X’ħadna mill-predikazzjoni tal-kitarrist tal-Queen ħlief li għadu jarana bħala poplu tat-tielet dinja li mnalla kienu l-Ingliżi li għallmuna biex ma nibqgħux slavaġ.
Alla jħares iċ-ċriev li joqtol Brian May. U l-Maltin jieħdu ħsieb li jiġri bejniethom. Mingħajr l-indħil ta’ xi idolu tal-gigs, li wasal f’Malta bil-biljett tal-Kummissjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (KĊN), li donnha ntefgħet biss fuq il-mużika rock.

GAYS KONTRA GAYS
Diġà ktibt drabi oħra li naqbel perfettament mal-Unjoni Ċivili bejn l-omosesswali, iżda ma naqbilx li jadottaw it-tfal għax dan mhux fl-interess ta’ min għadu mhux matur biżżejjed ta’ din it-tip ta’ adozzjoni li tmur kontra l-iskema naturali u ħoloq stigma pronunzjata, l-aktar f’soċjetà bħal tagħna, togħxa bl-għidut u l-ispekulazzjoni.
Il-kampanja li nieda dan l-aħħar “Pastor” Gordon Manchè biex tkun abrogata liġi li taċċetta l-adozzjoni tat-tfal mill-gays rikbet fuqha l-media b’mod li Manchè spiċċa l-mira ta’ żufjett, anki minn inħawi gay stess. Taqsimiet tal-mezzi tax-xandir marru jarawh jipprietka u ġabu rapporti twal faċċata jgħadduh biż-żmien. Anki Timestalk (TVM) kien lest għalih, bi preġudizzji ċari kontra tiegħu. L-istess bħalma kien kontrih l-esponent tal-lobby tal-gays li jridu jadottaw, biex il-mamà tagħhom issir nanna malajr.
Mela f’Timestalk kien tlieta kontra wieħed u dak mhux ġurnaliżmu oġġettiv. Manchè, li s-soltu jien ma nniżżilx it-tip ta’ predikazzjoni Amerikanizzata ta’ dawk bħalu, ma tilifx rasu. Żamm il-kolp, armat mhux biss b’testi sagri li jafhom fuq ponot subgħajh għax studjahom, imma b’eluf kbar ta’ firem li qed jippressaw għal referendum abrogattiv u bi 80% tal-Maltin li huma kontra li l-omosesswali jadottaw it-tfal. Anki nofs il-gays li Timestalk kellem wara l-prietka ta’ Manchè, qalu li ma jaqblux mal-adozzjoni mill-omosesswali.
F’dan id-dramm kollu, bejn semi-traġiku u semi-komiku, fiċ-ċentru ta’ kollox għandu dejjem jibqa’ l-interess tat-tfal, li għandhom id-dritt naturali jkollhom preżenza paterna u preżenza materna. Għax in-natura (li tnissel, mhux tiggosta lilha nnifisha) hekk taħdem.

 

More in Blogs