Għalfejn (jew għalxiex) ser nivvutaw

Jidher ċar daqs il-kristall li l-kampanja hija aktar dwar kwistjonijiet domestiċi milli dwar affarijiet Ewropej

Qegħdin ftit jiem ’il bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kampanja elettorali qiegħda fl-aqwa tagħha. Minkejja l-isforzi taż-żewġ partiti l-kbar u tal-partiti u movimenti l-oħra li qed jikkontestaw, donnu l-kampanja ma qabditx wisq ritmu u baqgħet xi ftit jew wisq fjakka. F’pajjiż fejn id-deni tal-politika qatt ma jinżel wisq, dan huwa sinjal ta’ normalizzazzjoni ferm mixtieqa. Huwa wkoll ferm pozżittiv li l-kampanja miexja b’mod seren u ma ġie rrappurtat l-ebda inċident ta’ intolleranza. Sirna nsomma bħall-pajjiżi oħra fejn lanqas tinduna li tkun għaddejja kampanja elettorali.
Jidher ukoll ċar daqs il-kristall li l-kampanja hija aktar dwar kwistjonijiet domestiċi milli dwar affarijiet Ewropej. Iż-żewġ partiti l-kbar dawru din l-elezzjoni f’referendum dwar l-operat tal-gvern Laburista, sena wara l-elezzjoni tiegħu. U t-tnejn iffissaw miri li ftit jew wisq jistgħu jintlaħqu biex ikunu jistgħu joħorġu jkantaw vittorja bħal-lum ġimgħa: tliet deputati għan-Nazzjonalisti u maġġoranza assoluta tal-voti għal-Laburisti. Forsi l-aktar element inċert f’din l-elezzjoni huwa l-marġni tar-rebħa Laburista għalkemm wieħed ma jista’ qatt jeskludi xejn. Kif kien suppost darba qal Harold Wilson, ġimgħa hija żmien twil fil-politika. Madankollu, minkejja l-każ ta’ Engerer li faqqa’ bla mistenni fl-eqqel ta’ kampanja elettorali, huwa ferm improbabbli li dak li se jiġri fis-sitt ijiem li ġejjin ser jaffetwa b’xi mod sinifikattiv l-eżitu finali.
Iż-żewġ partiti l-kbar qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ problema li forsi hija akbar u anqas tagħmel sens f’din l-elezzjoni milli dik ġenerali. Din hija n-numru ta’ sostentituri li jiddikjaraw minn qabel li mhumiex se jivvutaw. Bosta huma dawk li jippruvaw jużaw il-vot sabiex jirreġistraw protesta individwali: fil-każ tas-sostenituri Laburisti probabbilment għax għadhom ma ħadux xi mpjieg mal-gvern jew xi transfer jew xi ħaġa oħra li weħlet ma rashom. Fil-każ tan-Nazzjonalisti, ltqajt ma’ bosta li għadhom irrabjati għax ma ħadux dak li riedu taħt l-amministrazzjoni preċedenti u jridu jpattuha lill-partit tagħhom. Probabilment ikunu ħadu ħaġa, imbagħad oħra, imbagħad il-mara tagħhom imma mbagħad jirvillaw għax il-partit “tagħhom” ma jkunx poġġa lit-tifel tagħhom kif riedu. Qabel xi Nazzjonalisti kienu jgergru li aħjar tkun Laburist biex tinqeda u llum tgergir simili qed isir minn ċerti Laburisti.
Xi darba kont semmejt li l-Maltin kienu jgergru meta l-Kavallieri ma kienx ikollhom flus biex jimpurtaw silġ mill-Etna sabiex il-Maltin iżommu friski fis-sajf. U dan l-ispirtu għadu fid-DNA tagħna sal-lum. Mhux ta’ b’xejn l-Ingliżi kienu jirreferu għall-Maltese gemgem. Il-partiti l-kbar jagħmlu minn kollox biex jakkomodaw lis-sostenituri tagħhom u għalhekk, fil-partiti rispettivi, wieħed isib il-“customer care officers” barra dawk li hemm fil-ministeri. Il-votant sar qisu x-xerrej mill-ħanut taż-żraben. Sfortunatament, huma bosta minn dawk il-votanti li jqisu l-vot bħala xi karta ta’ kreditu li tintitolahom għal aċċess limitat għall-privileġġi li jippretendu li għandhom dritt għalihom. U gwaj jekk il-politiku ta’ riferiment jonqos milli jassigura t-tgawdija ta’ dawn id-“drittijiet” lill-kostitwenti għax jiġi ttimbrat kiesaħ jew għażżien. Għall-Malti medju, il-famużi kliem ta’ Kennedy għandhom jinqraw, “Issaqsix x’tista’ tagħmel għall-pajjiż imma saqsi dak li l-pajjiż jista’ (jew forsi aħjar għandu) jagħmel għalik.” Sfortunatament, il-partiti politiċi jew aħjar il-kandidati individwali jakkomodaw dawn it-tendenzi billi jippruvaw jissodisfawhom. U għal min ma jiħux dak li jrid, m’hemmx sodisfazzjon akbar minn dak li jkun jaf li l-partiti jingħataw lista ta’ min ma jkunx ivvota. Nitkellmu ħafna fuq protezzjoni tad-dejta meta ħafna m’għandhomx idea din x’tinvolvi imma mbagħad il-partiti għandhom aċċess għall-informazzjoni sensittiva bħal dik ta’ min ma vvutax li verament messu qatt ma jkollhom. U b’hekk, il-votanti dejjem jirrikattaw lill-partiti rispettivi tagħhom li bilfors ikollhom iċedu sabiex jirbħu l-konfront muskulari mal-avversarju.
Dan hu atteġġjament verament ħażin, u aktar u aktar fil-każ ta’ dawn l-elezzjonijiet. U ser nispjega għaliex. Wara nhar il-Ħadd, il-gvern Malti ser jibqa’ l-istess. L-elettorat ser jibgħatlu messaġġ ta’ xi tip imma altrimenti fuq ix-xena domestika mhu ser jinbidel xejn. Imma min ser jilħaq deputat Ewropew huwa importanti, ferm aktar importanti milli l-maġġorparti tal-elettorat taħseb. U għal Malta bl-iżgħar rappreżentanza fost il-pajjiżi membri ta’ sitt deputati f’parlament li issa ser ikollu 751 deputat, ħadd daqs il-votant Malti m’għandu jiżgura li d-deputati li jtella’ jkunu kompetenti u bieżla.
Għal bosta, u mhux Malta biss, il-Parlament Ewropew huwa xi ħaġa distanti, qajla ta’ rilevanza għal ħajja ta’ kuljum tal-bniedem fit-triq. Din hija perċezzjoni li hija kompletament żbaljata imma li sfortunatament hija mifruxa sew. Il-fatt li wara dawn l-elezzjonijiet mhu ser jinbidel l-ebda gvern fl-ebda pajjiż Ewropew ma jfisser xejn. Il-Parlament Ewropew huwa istituzzjoni li mal-milja taż-żmien akkwista aktar poteri u prerogattivi. Fil-bidu, il-membri tiegħu kienu jiġu nominati mill-parlamenti nazzjonali. Mill-1979 ’l hawn, bdiet issir elezzjoni diretta f’kull pajjiż membru. Dan sabiex il-proġett Ewropew jakkwista aktar leġittimità demokratika. Madankollu, l-elettorat qajla apprezzah dan u elezzjoni wara elezzjoni, il-perċentwali ta’ votanti dejjem naqas sakemm laħaq 43% fl-2009. Fil-pajjiżi tal-Lvant fejn misshom jgħożżu aktar id-dritt tal-vot, il-perċentwali ta’ nies li vvutaw fl-2009 kien baxx ħafna, anke 20% f’pajjiżi bħas-Slovakkja u l-Litwanja. F’pajjiżna, il-perċentwali ta’ nies li vvutaw kien wieħed mill-ogħla mill-pajjiżi kollha, anzi l-ogħla fejn il-vot mhux obbligatorju. Madankollu, il-perċentwal ta’ 79% huwa sostanzjalment anqas minn dak reġistrat fl-elezzjonijiet ġenerali.
Dan juri li l-elettorat Ewropew għadu ma ħaddanx din l-istituzzjoni u għadu jqisha ferm anqas importanti mill-parlamenti nazzjonali. Votant li jaf li jista’ jbiddel il-gvern li jmexxi l-pajjiż jaf li l-vot tiegħu fl-elezzjoni nazzjonali jista’jkun importanti. Fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, ma jħossx li l-vot tiegħu għandu l-istess importanza.
Din hija idea ferm żbaljata, speċjalment wara t-Trattat ta’ Lisbona. Il-Parlament Ewropew verament m’għandux il-poter li jinizja l-leġislazzjoni imma flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jirrappreżenta l-gvernijiet nazzjonali, irid japprova disgħin fil-mija tal-leġislazzjoni Ewropea. Bażikament, il-Kummissjoni tibgħat abbozz ta’ regulament jew direttiva lill-Parlament li wara l-ewwel qari, jista’ japprovah jew jibgħat emendi lill-Kunsill. Jekk il-Kunsill jaċċetta dawn l-emendi, il-leġislazzjoni tiġi approvata. Jekk il-Kunsill ma jaċċettax l-emendi, jadotta “pożizzjoni komuni” u jissottometti verżjoni ġdida lill-Parlament. Jekk fit-tieni qari, il-Parlament japprova t-test mibdul jew ma jaġixxiex, l-abbozz jiġi approvat. Altrimenti, il-Parlament jista’ japprova emendi oħra jew jista’ jitfa’ barra l-abbozz b’vot ta’ maġġoranza ta’ deputati. Jekk il-Kunsill jibqa’ ma japprovax il-proposta tal-Parlament, l-abbozz jiġi diskuss f’Kumitat ta’ Konċiljazzjoni magħmul minn numru ugwali ta’ membri tal-Kunsill u tal-Parlament. Jekk il-Kumitat jaqbel fuq abbozz, dan l-abbozz irid jiġi approvat fit-tielet qari jew altrimenti l-abbozz jaqa’.
Proċedura pjuttost kumplessa li żgur ma teċitax lill-Ewropew ordinarju. Kif inhu strutturat il-proċess leġislattiv fl-Ewropa, il-ħtieġa ta’ kompromess hija ċara. U dan anke peress li ħadd mill-gruppi parlamentari ma jgawdi maġġoranza tas-siġġijiet. Għaldaqstant, m’hemmx lok għad-dibattiti akrimonjużi li spiss naraw fil-parlamenti nazzjonali u li jeċitaw l-opinjoni pubblika. Imma meta wieħed iqis li 50% tal-leġislazzjoni tal-pajjiżi Ewropej toriġina mill-istituzzjonijiet komunitarji, wieħed mill-ewwel jinduna fl-importanza straordinarja tal-Parlament Ewropew.
Importanza li kibret peress li skond it-Trattat ta’ Lisbona, il-President tal-Kummissjoni jrid jintgħażel skont ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-ġimgħa d-dieħla. Għaldaqstant, għall-ewwel darba assistejna għal dibattiti bejn il-kandidati tal-gruppi rispettivi, fosthom Juncker għall-Populari, Schulz għas-Soċjalisti u Verhofstadt għal-Liberali. Għalkemm m’hemm l-ebda garanzija li xi ħadd minnhom ser jinħatar president tal-Kummissjoni, il-Parlament irid japprova l-Kummissjoni u jista’ anke jneħħiha b’vot ta’ żewġ terzi tal-membri. Fil-passat, Rocco Buttiglione kellu jirtira l-kandidatura tiegħu minħabba oppożizzjoni fil-parlament għall-veduti tiegħu fuq l-omosesswali u l-abort u l-Kummissjoni Santer kellha tirriżenja meta l-Parlament beda jmexxi għat-tneħħija tagħha.
Forsi hawn min jaħseb li l-Parlament Ewropew huwa xi post fejn il-membri jaqilgħu flus kbar, kif jagħmlu l-interpreti u t-tradutturi li l-ispejjeż tagħhom jammontaw għall-kwart tal-ispiża totali ta’ €1.75 biljun fis-sena, imma altrimenti qisu xi każin tal-banda li l-aktar li jiddeċiedi fuq kif u fejn se jindaqq xi marċ. Imma aħjar ibiddel fehmtu malajr. Il-Parlament Ewropew huwa ferm aktar importanti minn hekk u huwa fl-interess ta’ kulħadd li jeżerċita bil-galbu u bl-għaqal id-dritt tal-vot li akkwistajna meta sirna membri, dritt li twieled fid-demm tal-konflitti passati Ewropej.

 

More in Blogs