Qigħan
Nazzarda ngħid li ma jistax jonqos li aħna għandna relazzjoni speċjali mal-baħar ġaladarba mdawrin bih u tista’ tgħid li narawh il-ħin kollu, immorru fejn immorru. Kważi tinsieh tant tidrah maġenbek. Imma mbagħad tagħmel ġimgħa f’art oħra u tkun f’post fejn il-baħar ma jidhirx u bħal tibda tħoss in-nuqqas tiegħu, tibda tippretendi li minn ħin għal ieħor se ddur ma’ kantuniera u hemm, faċċata, titfaċċa l-firxa blu li s-soltu bilkemm tintebaħ biha.
Mhux ta’ b’xejn li l-baħar huwa metafora tant użata mqar fil-lingwaġġ ta’ kuljum, bħal ‘baħar nies’ u ‘baħar jaqsam’. Sal-Google donnu li addotta dan l-atteġġjament għax kif titolbu jsiblek stampa bis-suġġett ‘Malta’ ikun pront itellagħlek ruxxmata ritratti li kollha juru l-baħar. L-istess il-poeti tagħna li mingħajr eċċezzjoni kitbu fuq il-baħar, daħħluh jgħawwem il-versi tagħhom u saħħew l-impronta li għandu fil-ħsieb kollettiv tagħna. Nazzarda ngħid ukoll li Daniel Massa huwa dak il-kittieb li kiteb il-baħar bl-aktar mod meraviljuż, jidħol fih f’kull parti fonda tiegħu, bi nhar meta l-ikħal tiegħu jkun tant vivaċi, u bil-lejl meta s-swidija tiegħu taħbat twaħħxek. Li xi ħadd kellu jelenka l-aqwa xogħlijiet li toffri l-letteratura lokali, inevitabilment se jinkludi poeżiji bħal ‘Delimara’ u ‘Għawma bil-Lejl’ fost l-aktar favoriti. Massa jpinġi l-Mediterran tiegħu b’ammirazzjoni romantika li tħajrek titlaq kollox dak il-ħin stess u timxi lejn ix-xatt u tinżel fl-ilma biex forsi anki int tilmaħ il-korall u “l-blat imqarnat”, jew tisma’ l-qanpiena ddoqq mill-belt mgħarrqa hemm taħt. Il-kittieb jistidinna nħarsu sew lejn il-baħar bħallikieku qatt ma rajnieh qabel, l-istess kif aktarx jiġrilna meta naraw ritratt, pittura tal-istess baħar li nħarsu lejh kuljum mingħajr ma nagħtu kasu. Niftakar, pereżempju, fis-sebgħinijiet meta r-radju nazzjonali (dakinhar l-uniku stazzjon tar-radju) kien isserjalizza r-rakkonti tal-agħar traġedji tal-baħar li kien ġabar Lino Psaila fil-ktieb Il-Baħar Żaqqu Ratba u Rasu Iebsa, sensiela li bħall-għawma f’nofs ta’ lejl ta’ Daniel Massa, kienet turi n-naħa l-oħra tal-baħar.
Din il-ġimgħa il-verżjoni online ta’ La Repubblica tellgħet filmat miġbud fil-qiegħ tal-Mediterran viċin Lampedusa. Sfortunatament ma jidhirx il-korall ta’ Daniel Massa u lanqas ma jinstemgħu qniepen. Il-vapurett li għereq u għarraq miegħu vjaġġaturi meqjusin illegali jidher jistrieħ fis-skiet fuq il-qiegħ ramli. Mimli paradossi dan il-filmat qasir. Il-kulur blu jagħti dak is-sens ta’ ġmiel misterjuż jekk mhux ukoll ta’ trankwillità, sakemm f’daqqa waħda jitfaċċa katavru iswed, u mbagħad ieħor u ieħor u ieħor. Jidher raġel jgħannaq mara, tfajjel jipprova jaqbad ma’ xi ħaġa f’tentattiv iddisprat li jeħles minn għarqa ċerta u żewġ irġiel mimdudin fuq ir-ramel donnhom qegħdin jieħdu nagħsa. B’kuntrast mal-ġmiel tal-kulur hemm il-mewt ta’ dawn l-imsieken li sabu mewthom fl-aktar baħar fid-dinja li ġie rromantiċizzat. Il-kalma t’hemm taħt tibda ssir skomda għal min qiegħed jara l-filmat mill-kumdità ta’ daru. Imma l-akbar paradoss fil-filmat huwa li s-skiet mejjet ta’ dan il-qabar blu jinkiser, minn tant affarijiet, mill-ħoss tan-nifs tal-għaddas li qiegħed jiġbed il-filmat u l-ħoss tal-bżieżaq tal-arja u l-ossiġnu miċ-ċilindri.
Imbagħad hemm min jegħreq avolja ma jkunx qed imiss mal-ilma. Bħal dawk il-mijiet ta’ ħaddiema fil-minjieri tal-faħam ta’ Soma, fit-Turkija. Mijiet ta’ nies li niżlu fil-qiegħ tal-art biex itellgħu l-faħam u ttellgħu fgati bil-gass. L-industrija tal-faħam hija fost l-aktar importanti fit-Turkija. F’pajjiż fejn il-qagħda politika diġà hija delikata ma jistax jonqos li traġedja bħal din toħloq ferment fost il-poplu u l-istess bħall-isplużjoni li seħħet taħt l-art, tisplodi l-kotra u tibda tipprotesta kontra l-gvern li qiegħed jingħata t-tort għal dak li ġara f’qiegħ l-art. Ix-xeni li xxandru fuq mezzi differenti tax-xandir minn Soma wkoll mimlija ironija. Waqt li kienu qegħdin jittellgħu l-mijiet ta’ katavri ta’ ħaddiema tal-minjiera li mietu fgati, fuq l-art il-pulizija bdiet tispara l-gass tad-dmugħ fuq dimostranti, uħud minnhom qraba tal-vittmi. Aktar gass, mela, u volumi kbar ta’ ilma sparati mit-tankijiet biex ixerrdu l-folla.
L-istejjer tal-immigranti fil-qiegħ tal-Mediterran u l-ħaddiema tal-minjieri fil-qiegħ tal-art għandhom fili komuni. Traġedji bħal dawn imissu lil dawk l-aktar imsieken. U iktar iva milli le, l-imsieken bħal dawn ħadd ma jkun iridhom miegħu, u ħadd ma jagħti kashom wisq. L-Ewropa ilha għomor tinjora t-traġedja umana fil-Mediterran, u Edrogan ħareġ jgħid li traġedji bħal dik ta’ Soma huma naturali li jseħħu. Destin, hux veru?
Post-scriptum
Ironikament ix-xandir tal-filmat ta’ La Repubblica kkoinċida max-xandir fuq l-istazzjon televiżiv statali ta’ filmat maħdum bħala mezz ta’ propaganda għall-elezzjonijiet tal-parlament Ewropew mill-partit lemini estrem Imperium Europa. Kif wieħed jista’ jistenna minn partit li jħaddan ideoloġija sovverżiva l-kontenut kien immirat biex ikompli jsaħħan l-irjus tal-ħafna razzisti li hawn fuq il-gżira. Il-filmat, li jiftaħ b’asserzjoni li se jagħti “r-realtà fuq l-immigrazzjoni illegali”, jitkellem fuq id-divalwazzjoni tal-proprjetà fejn jgħixu dawn ir-rifuġjati. Imbagħad iġib xena ta’ pulizija Maltin li qegħdin iżommu raġel iswed li jidher li ġie fl-idejn ma’ xi ħadd, bl-asserzjoni li l-miġja tar-rifuġjati introduċiet il-kriminalità f’Malta. Min ħadem il-filmat donnu li konvenjentement nesa x-xeni ta’ ġlied u vjolenza li kont tara ta’ spiss l-istadium tal-Gżira u Ta’ Qali, u nesa n-nies jissawtu minħabba l-politika, u t-tfigħ ta’ fliexken waqt xi marċ tradizzjonali l-Ħadd filgħodu f’ġieħ il-Patrun, jew il-vjolenza f’Paceville imwettqa mill-Maltin fuq il-Maltin. Il-filmat imbagħad juri ritratt ta’ driegħ kollu nfafet, għaliex l-istess bħal-Lhud fil-bidu tas-seklu l-ieħor dawn il-barranin mhux biss huma morda imma jġorru mard infettiv. Mhux ta’ b’xejn li Mater Dei qed ikollu jħalli l-pazjenti fil-kurituri allura. Is-soltu retorika msejsa fuq it-twerwir tikkonkludi bil-mistoqsija riflessa fl-għajnejn ċassi ta’ tifla (ovvjament) bjonda, li l-futur huwa mhedded, anzi li mhemmx futur. “Viva Malta! Viva Ġensna!” dak il-ġens li bħall-ġnus Mediterranji l-oħra huwa kkaratterizzat minn taħlit ta’ razez differenti.
U terġa’ l-ironija: l-Awtorità tax-Xandir iċċensurat il-filmat li ġie approvat għall-wiri minn ħadd aktar għajr l-Awtorità tax-Xandir innifisha. Biex tispjega din id-deċiżjoni l-Awtorità qalet li l-filmat għandu l-potenzjal li jinċita l-mibgħeda razzjali. Iżda wieħed ma jistax ma jistaqsix kif l-Awtorità ma ntebħitx b’dan mill-ewwel u kellha tkun kundanna maħruġa mill-Gvern biex tiftaħilha għajnejha. M’għandniex xi ngħidu każ bħal dan għandu effetti kollaterali xejn mixtieqa, għaliex il-bidla fil-ħsieb tal-Awtorità qajjem interess ħafna akbar milli oriġinarjament kellha l-produzzjoni (sic) tal-Imperium Ewropa, li issa qiegħda tilmenta b’attitudni diskriminatorja kontriha.