Iċ-ċirklu uman ta' Jerry Springer

Le. Springer ma jara xejn skandaluż jew manipulattiv f’dan.

“Ix-show hi waħda stupida u jien ma narahiex. Dan spettaklu dwar nies disfunzjonali f’ċirklu uman. Jekk ikunu żgħażagħ tant l-aħjar, għax dawk imġienen.”

Dan hu l-mod kif jiddeskrivi l-programm tiegħu Jerry Springer, ir-Re tat-televiżjoni ċinika manipulattiva, li dan l-aħħar kien intervistat minn Steven Sackur f’Hard Talk (BBC News). Springer ilu mill-1991 jospita nies lesti biex jagħmlu kummiedja bihom infushom, jaqbdu u jinsulentaw lil xulxin b’nies tas-sigurtà jferrquhom. Bosta drabi x-show hi ppreparata u mhejjija minn qabel f’kamra apposta.

Jerry Springer hu mdeffes ukoll fil-politika Amerikana, u jiddeskrivi lilu nnifsu bħala liberali u progressiv li jappoġġja lil Barack Obama. Nannietu kienu mietu f’kamp tal-konċentrament u jemmen li ultimament, fid-dinja għad jirbaħ il-liberaliżmu. Dwar il-politika, jgħid li għalih, din hi reliġjon u għalhekk ma riedx jużaha biex jagħmel il-flus minnha. Minflok għażel li jkun entertainer biex jaqla’ x’jiekol.

Imma ma jaħsibx li meta jkeskes in-nies kontra xulxin fl-istudjow ikun qed iwaqqagħlhom id-dinjità, jew meta jinkoraġġihom jikxfu l-borom ta’ xulxin?

Le. Springer ma jara xejn skandaluż jew manipulattiv f’dan:

Elfejn u ħames mitt sena ilu kien isir l-istess fil-pjazez tal-Greċja Klassika, u mbagħad ta’ Ruma Imperjali. In-nies kienet tedha tikxef l-għawar, b’ħafna seksik. Id-differenza ta’ żmienna hi li għandna t-televiżjoni u mezzi oħra tekonloġiċi biex dawk ix-xeni u dak is-seksik iduru globalment.

Ġieli ġara li f’Malta kien hemm it-tentazzjoni li l-programm Xarabank sata’ jitqabbel ma’ show ta’ Jerry Springer. Anki jien ġieli ħsibt hekk. Imma minkejja l-populiżmu tiegħu, il-programm ta’ Peppi Azzopardi immatura maż-żmien, naqqas sew id-dożi sensazzjonalisti u daħal għall-ġurnaliżmu ta’ ċertu piż nazzjonali.

Matul il-programm tiegħu mill-1991 ’l hawn, Springer stieden b’kollox mal-44,000 persuna għall-kummiedja umana. Iżda qatt ma ntriga b’politiċi u isqfijiet. Xarabank ma beżax mill-isfida.

B’dan kollu, bħalma jinsisti Jerry Springer, Azzopardi jgħid li jrid jagħti vuċi lil dawk li m’għandhomx.

TRADUZZJONIJIET TA’ DOKUMENTI SKONT L-UE: ĊAJTA OĦRA MALTIJA

Fuq l-istazzjon nazzjonali (TVM) deher espert minn kumpanija lokali tal-assigurazzjoni. Insista li meta jinxtraw il-poloz tal-assigurazzjoni, il-konsumaturi għandhom jaqraw sew il-materjal relatat mal-kundizzjonijiet.

Qal li l-Unjoni Ewropea insistiet li dan il-materjal ikun miktub b’mod sempliċi, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmuh.

Imbagħad ir-rappreżentant stqarr li dan il-materjal ikun bl-Ingliż biss, għax bil-Malti ma jeżistix, minħabba d-diffikultà lingwistika fit-traduzzjoni. Għalhekk, il-materjal, sfortunatament, irid bilfors jinqara bl-Ingliż, anki meta hu tekniku.

Tistagħġeb bi stqarrijiet bħal dawn li jaslu, minn żmien għall-ieħor, b’kumbinazzjoni, mill-mezzi tax-xandir lokali. Jekk materjal bil-Malti għal sempliċi polza tal-assigurazzjoni ma jeżistix, mela x’inhi tagħmel fi Brussell u / jew Lussemburgu dik l-armata ta’ tradutturi, b’salarji u bonusijiet qawwijin, li suppost qed taqleb id-dokumenti fi lsienna? Tgħid qed jittieħdu minn ħalq il-poplu miljuni ta’ Ewro għar-riħ bla xita? 

Din tidher ċajta tipika oħra Maltija.

IL-LIBJA BLA KONTROLL TA’ XEJN

Ironika. L-ewwel il-Libja insistiet man-Nazzjonijiet Uniti, mal-Istati Uniti, man-NATO u mad-dinja biex jeħilsuha minn Gaddafi. U l-alleanza daħlet u għamlet ħerba sħiħa u instigat biex jinqatel il-Kurunell.

Issa l-Libja, f’abbiss liema bħalu, qed titlob lin-Nazzjonijiet Uniti u lid-dinja biex teħlisha mill-bombi u l-vjolenza tat-terroristi.

Gaddafi kien insista li fil-Libja, qabel ma nqatel, infitrat l-Al Qaeda, imma l-Alleati tal-Punent ma kinux jaqblilhom jemmnuh. Illum il-Libja trid tagħmel il-kontijiet magħha nfisha, ma’ kif se tikkontrolla l-gruppi ta’ milizzji armati li ma jridu xejn ħlief jaħtfu l-petrodollari u l-poter.

Gaddafi aktar minn kull ħaġa oħra, kien buffu fuq il-palk internazzjonali. Imma meta nqatel, il-Libja nbidlet f’infern ta’ biża’ u l-palk ħa n-nar.

TVPM U CORAZON

Hemm ħafna x’jingħad favur il-programm li l-kantanta Corazon Mizzi tippreżenta fuq TVM. Insa l-parentesi pubbliċitarja, li ddgħajjef il-programm u twaqqaflu r-ritmu naturali tiegħu, imma TVPM, bi preżentazzjoni kariżmatika, jaf jaqbad argument serji u jesponihom b’dinjità. Fi programm riċenti kien diskuss kif il-mezzi tax-xandir qed joħolqu spekulazzjonijiet li jesponu lit-tfal u ż-żgħazagħ għal ħafna kontradizzjonijiet. “L-esperti” fl-istudjow ma qablux jekk għandux jintwera kollox. Kien hemm min inħass irid jipproteġi s-sensibbilità tat-tfal u kien hemm min sostna li l-libertà tal-mezzi tax-xandir għandha tkun suprema. Tqanqlet ukoll il-kwistjoni dwar kif il-mezzi tax-xandir qed jisforzaw lill-poplu jiġġudika skont l-għidut tat-triq, b’mod li ma tibqax tagħraf l-għidut mill-verità.

TVPM dan l-aħħar introduċa (kull ħmistax) monologi miktubin u interpretati minn Mario Micallef li mbagħad jiġu diskussi minn panel fl-istudjow.

More in Blogs