
Dikjarazzjonijiet
Ħadd ma jista ma jinnotax id-differenza li teżisti bejn il-Prim Minsitru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi ftit anqas minn sena ilu, meta saret l-aħħar elezzjoni ġraw żewġ affarijiet li ħadd ma antiċipa li se jiġru daqshekk malajr. Il-partit fil-Gvern ma damx ma sab saqajh kontra kull tbassir u problemi li sab. Il-partit Nazzjonalista ma damx biex isib Kap, anke hawn kontra kull tbassir li kien sar. Dan kollu tajjeb għall-partiti u tajjeb għall-pajjiż.
Iżda ħadd ma jista ma jinnotax id-differenza li teżisti bejn il-Prim Minsitru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Mingħjar ma noqgħod nagħmel il-paraguni ngħid biss li bħalissa fil-kamp tal-Oppożizzjoni hemm sensazzjoni qawwija jekk l-għażla tal-Kap kinitx waħda tajba. Wara aktar minn sena ta’ gaffes politiċi minn Simon Busuttil, qiegħda tqum il-mistoqsija jekk dan jawgurax tajjeb għall-pajjiż u għall-Partit fl-Oppożizzjoni.
Internament Simon Busuttil qiegħed ikollu jiffaċċja kritika interna li mhux qiegħed ikun iebes u konvinċenti. Qiegħed ikun ikkritikat li kull meta jitkellem kellu dik ix-xi ħaġa nieqsa li kellhom il-predeċessuri tiegħu. Hemm xi ħaġa f’diskorsu li meta jitkellem min ikun qiegħed jisimgħu ma jkunx konvint li qiegħed jisma’ l-verità anke meta jkun qiegħed jgħidha. Lanqas ma hu l-każ li wieħed jgħid li biż-żmien jiġi jew jidra. Qabel xejn dik ix-xi ħaġa jew tkun fik jew ma tkunx. Aktar minn hekk, trid tkun konvint minn dak li tkun qed tgħid.
Anke Simon qiegħed jirrealizza dan. Tant huwa minnu li dan l-aħħar kien kostrett jiddikjara li ma għandux jitqies bħala dgħajjef għaliex skont hu għandu stil kalm. Prova jiġġustifika li dan ġej mill-fatt li hu dera fil-klima tal-Parlament Ewropew. Anke Joseph Muscat kien fil-Parlament Ewropew u mingħajr ma noqgħod nidħol fil-paraguni hemm baħar jaqsam bejn it-tnejn. Bid-dikjarazzjoni li għamel mhux ser iberred lil min qiegħed jikkritikah internament, pjuttost ħoloq l-effett kuntrarju.
Simon ma jistax jibqa’ għaddej bl-iskuża li kien fil-Parlament Ewropew biex jiġġustifika għemilu. Jekk kien jaf li ser ikollu din id-defiċjenza, messu ħalla postu għal ħadd ieħor jew ma kkontesta xejn għal din il-kariga. Irridu ngħidu wkoll li ma tantx għandu għajnuna minn ta’ madwaru. B’nies bħal Beppe Fenech Adami u oħrajn li kien għalihom għadhom fi sħubija mal-mitra u l-baklu, mhux faċli għal Simon jimxi maż-żminijiet.
Għalhekk minn żmien għal żmien, biex ipatti għall-attitudni dgħajfa ta’ tmexxija, jipprova jintgħoġob ma’ dawk il-partitarji tal-bandiera, billi jaqbad ma’ ħwejjeġ li huma frivoli. Waħda minn dawn il-kruċjati “kbar”, kienet dik li ammont ta’ Deputati Parlamentari Laburista ma daħlux id-dikjarzzjoni tagħhom ta’ x’jaqilgħu fil-ħin skont il-kodiċi tal-etika. Dikjarazzjoni li sas-sena l-oħra lanqas id-Deputati Nazzjonalisti kollha ma daħluha fil-ħin. Anzi kien hemm min minnhom li ma kien daħħalha qatt.
Kif kemm-il darba spjegaw speaker wara speaker, din id-dikjarazzjoni dejjem daħlet mhux bilfors f’data preċiża, iżda tal-inqas minn naħa tad-Deputati Laburisti dejjem daħlet. Apparti minn dan, il-Ministri u Segretarji Parlamentari Laburisti kollha daħlu d-dikjarzzjoni fil-ħin skont il-kodiċi tal-etika għall-Ministri! Jidher li din id-darba dawk tal-Partit Nazzjonalista kollha daħluha fil-ħin, l-ewwel darba li qatt saret, u oħroġ il-għaġeb “kumbinazzjoni” ċirku ta’ mezzi tax-xandir kollha ntebhu b’dak li qiegħed jiġri!
Iżda sal-lum hemm dikjarazzjonijiet li ħadd għadu qatt ma staqsa dwarhom. Pereżempju ċertu mezzi tax-xandir ma jimxux l-istess ma’ kulħadd. Meta l-Partit Laburista jippubblika l-kotba tal-finanzi tiegħu xorta jibqgħu ġejjin il-mistoqsijiet. Meta l-Partit Nazjonalista l-anqas kellu biex iħallas lill-impjegati tiegħu, ħadd ma qagħad jagħmel pressjoni biex jara x’ġara mill-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Sal-lum il-Partit Nazzjonalista għadu qatt ma ddikjara l-istat gravi tad-djun kbar li għandu u jagħti spjegazzjoni ta’ x’ġara minn dawk il-miljuni ta’ flus li ntefqu li waslu lil dan il-Partit jagħmel attivitajiet li kien jagħmilhom il-Partit Laburista fis-sittinijiet biex forsi jsalva.
Illum nifhem għaliex Amminstrazzjoni Nazzjonalista dejjem tawlet u skartat li tagħmel il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti. Il-mexxejja tiegħu qatt ma riedu jagħmlu dikjarazzjoni għaliex ma jridu juru lill-partitarji tagħhom f’liema stat miżeru ġabu lil dan il-Partit. Qatt ma għamlu xi dikjarazzjoni dwar il-mijiet ta’ eluf ta’ donazzjonijiet li rċevew mingħand l-iprem kuntratturi li kienu jieħdu l-iprem kuntratti pubbliċi. Dan ammettewh mingħajr ma qalu kemm!
Iżda dawk l-istess nies li taw lilhom infushom żieda ta’ mijiet ta’ ewro minn wara dahar il-poplu, qatt ma ammetttew li dak li kienu ħadu ma kienx iddikjarawh pubblikament għaliex beżgħu minn nies. Qatt ma ddikjaraw li dak li ħadu ma kinux intitolati għalih, tant li kellhom irodduh lura. Nafu x’kelma nużaw is-soltu għal dawk li jroddu lura dak li ma kienx tagħhom! Sal-lum għadhom ma ddikjarawx b’mod ċar jekk raddewx kollox lura u kemm raddew!
Simon għandu problema kbira... mhux biss huwa dgħajjef iżda mdawwar b’nies li ma huma xejn kredibbli!