L-(Im)moralità Politika

Claudio Scajola ġie arrestat fuq suspett li għen fil-ħarba ta' eks deputat ieħor li ntbagħat ħames snin ħabs

Claudio Scajola
Claudio Scajola

Kienet ġimgħa interessanti, u mhux Malta biss. Fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, nhar il-Ħamis li għadda ġie arrestat l-eks Ministru tal-Intern Claudio Scajola. Scajola hu politiku kapaċissimu imma li spiss spiċċa f’nofs kontroversji. Huwa eks demokristjan u kien eks koordinatur ta’ Forza Italia fl-elezzjoni tal-2001 li fiha kien ġab riżultat straordinarju. Ġie arrestat fuq suspett li għen fil-ħarba ta’ eks deputat ieħor li ntbagħat ħames snin ħabs minħabba appoġġ estern f’assoċjazzjoni mafjuża. 

Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-bniedem li kien minn ta’ quddiem biex iħajjar lil Silvio Berlusconi jidħol fix-xena politika, Marcello Dell’Utri, ġie kkundannat definittivament għal seba’ snin ħabs, ukoll minħabba appoġġ estern f’assoċjazzjoni mafjuża. Dell’Utri, eks senatur ta’ Forza Italia, instab ħati li għal snin twal kien il-medjatur bejn Berlusconi u l-Mafja li permezz tiegħu Berlusconi kien jgħaddi flus lill-Mafja sabiex iħallu lilu, lill-familja tiegħu u n-negozju tiegħu bil-kwiet. Kien Dell’Utri li ngaġġa mafjuż żagħżugħ li wara sar boss prominenti, Vittorio Mangano sabiex fid-deher jieħu ħsieb l-istalel ta’ Berlusconi fil-villa tiegħu f’Arcore. Madankollu, l-iskop reali ta’ din il-mossa kien appuntu sabiex ħadd ma jmiss lil Berlusconi, il-familja u l-interessi tiegħu. Dell’Utri bħalissa jinsab arrestat Beirut fejn ħarab xi xhur ilu u tiegħu qed tintalab l-estradizzjoni lejn l-Italja.

Nhar il-Ġimgħa wkoll l-istess Berlusconi beda jservi s-sentenza ta’ erba’ snin ħabs minħabba frodi fiskali. Berlusconi skampah il-ħabs minħabba amnestija u liġi li kien għadda l-gvern tiegħu stess u minflok irid iqatta’ ftit sigħat fil-ġimgħa għal xi għaxar xhur f’dar ta’ anzjani b’diżabbiltà ħdejn Milan. Madankollu, minħabba din is-sentenza, spiċċa tkeċċa mis-Senat. Imma hu interessanti li issa tliet fundaturi ta’ Forza Italia, Berlusconi, Dell’Utri u l-eks avukat ta’ Berlusconi, Cesare Previti ngħataw sentenzi ta’ ħabs. Għandu tassew biex ikun kburi l-Partit Populari Ewropew li tiegħu Forza Italia jifforma parti.

Dan ma kienx kollox: nhar il-Ġimgħa ġew arrestati wkoll bosta persuni akkużati b’tixħim f’kuntratti t’appalt tal-Expo 2015. Dawn l-individwi kienu wkoll imdaħħlin għoxrin sena ilu fl-iskandlu kolossali ta’ Mani Pulite: politiċi prominenti eks demokristjani li wara daħlu f’Forza Italia kif ukoll Primo Greganti, il-famuż Compagno G, li kien funzjonarju komunista li ma kixifx is-sigrieti tal-Partit Kommunista minkejja li qatta’ tliet snin il-ħabs. Kif qal xi ħadd, xoljew il-partiti u nbidlulhom l-ismijiet, imma l-pjaga tal-korruzzjoni baqgħet.

U niftehmu sew, din mhix xi pjaga esklussivament Taljana. Ix-xahar l-ieħor is-segretarja tal-kultura tar-Renju Unit, Maria Miller kellha tirriżenja għaliex instab li kienet talbet rimbors eċċessiv tal-ispejjeż tagħha. Maria Miller hija xortiha tajba li ma tispiċċax il-ħabs bħal seba’ politiċi Brittaniċi li wara l-2009 nstabu ħatja li talbu rimborsi eċċessivi għall-ispejjeż tagħhom. Dawn il-parlamentari ġew ikkundannati minn sitta sa sittax-il xahar ħabs. Mal-ġustizzja Ingliża ma tiċċajtax kif skopra Chris Huhne li kellu jirriżenja minn deputat u ministru fl-2012 wara li l-eks mara tiegħu ammettiet li kienet qed issuq karozza b’veloċità eċċessiva li fil-fatt kienet misjuqa minn Huhne. Huhne, li kien ikkontesta darbtejn għat-tmexxija tal-LiberalDemokratiċi u kien kważi rebaħ lil Nick Clegg, irvina karriera brillanti u spiċċa, flimkien mal-eks mara, ikkundannat tmien xhur ħabs.

Anke l-Ġermanja m’hijiex sajma mill-iskandli politiċi. Il-President Christian Wulff kellu jirriżenja fi Frar 2012 fuq akkużi ta’ korruzzjoni. Sentejn wara, Wullf instab mhux ħati imma intant tilef il-presidenza, karriera politika u anke l-mara. Żewġ ministri Ġermaniżi, wieħed tad-difiża u l-oħra tal-edukazzjoni kellhom jirriżenjaw minħabba plaġju fit-teżijiet universitarji tagħhom. Wieħed minnhom, il-Baruni zu Guttenberg ġie mlaqqam il-Baruni zu Googleberg! It-tnejn kienu ferm qrib ta’ Merkel u Guttenberg, eks Ministru tad-Difiża, kien meqjus bħala suċċessur possibbli. Fi Frar li għadda, il-Ministru Kristjan Soċjali tal-Agrikolutura wkoll irriżenja wara li sar magħruf li bħala ministru tal-intern fil-gvern preċedenti kien informa lill-president tas-soċjaldemokratiċi li wieħed mill-parlamentari tagħhom kien qed jiġi investigat minħabba paedopornografija. Hans-Peter Friedrich stqarr li huwa dan għamlu sabiex dan il-parlamentari ma jiġix ikkunsidrat għall-pożizzjoni ministerjali peress li kienu għaddejin taħdidiet sabiex il-Ġermanja tkun immexxija minn koalizzjoni. Imma spiċċa kielha xorta.

F’dawn il-każijiet kollha, min ġie akkużat b’nuqqas, anke relattivament venjali, assuma r-responsabbiltà politika u rriżenja u dan anke meta ma kien hemm l-ebda sentenza ta’ qorti. L-eċċezzjoni hija ta’ Silvio Berlusconi li minkejja li issa nstab definittivament ħati u kkundannat il-ħabs u minkejja li qed jaffaċja akkużi oħra ferm serji, għadu jgħajjat li s-sentenza tiegħu hija inġusta u motivata politikament.

Din il-ġimgħa hawn Malta kellna imitatur ta’ Berlusconi li wara li nstab ħati ta’ akkużi ferm serji motivati minn sens akut ta’ vendikazzjoni fil-konfront tal-eks maħbub tiegħu ħareġ jgħajjat li huwa ġie persegwitat politikament. Anke jekk dan huwa huwa l-każ minkejja li l-Pulizija mexxiet fuq il-kwerela tal-vittma, Cyrus Engerer messu kellu l-umiltà li jirrikonoxxi li huwa nstab ħati u japoloġizza mal-elettorat li kien ifittex li jaħtru membru Parlamentari Ewropew. 

Minn dan m’għamel xejn anzi baqa’ jdoqq diska tal-persekuzzjoni politika. Diska li inkredibbilment daqqha wkoll il-Prim Ministru f’attività politika nhar il-Ġimgħa li fiha Engerer ġie bbeatifikat.

Ma kienx biżżejjed li l-Partit Laburista ma messu qatt ħalla lil Engerer jikkontesta meta kien qed jaffaċja akkużi daqshekk serji għax wara kollox Claudette Abela Baldacchino presubilment ma kkontestatx minħabba l-akkużi li qed taffaċċja. Imma minflok ma warrab lil Engerer wara l-kundanna definittiva, iċċelebrah bħala vittma ta’ persekuzzjoni politika minkejja li l-kundanna oriġinat minn kwistjoni essenzjalment privata u li tinvolvi individwu minn familja Laburista b’ruħha u ġisimha. Jekk verament kien hemm persekuzzjoni politika, wieħed kien jistenna li Engerer jieħu l-passi meħtieġa sabiex jipproteġi l-pożizzjoni tiegħu. Ħaġa li mid-dehra s’issa m’għamilx forsi għax kien ultra-kunfidenti li l-qorti tal-appell sejra tikkonferma s-sentenza tal-ewwel qorti. U jekk il-Prim Ministru jaqbel ma’ din it-teżi u jemmen li twettqet inġustizzja ma’ Engerer, huwa obbligat moralment li jipproponi proklama ta’ maħfra għal Engerer.

Sar ukoll ħafna diskors, anke f’xi ġurnali simpatetiċi miegħu, li Engerer rtira l-kandidatura tiegħu minkejja li ma kienx obbligat li jagħmel hekk. X’att erojku dan! Xi ftit xhur ilu l-liġi dwar l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew inbidlet biex tneħħiet l-iskwalifika ta’ kandidati li jkollhom sentenza sospiża ta’ aktar minn sena ħabs. Madankollu, il-Kodiċi Kriminali jagħmilha ċara li sentenza sospiża ta’ ħabs hija wkoll sentenza ta’ piena u għaldaqstant, jekk il-liġi tipprojbixxi min weħel aktar minn sena ħabs milli jikkontesta, tali projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal min ikollu s-sentenza ta’ ħabs sospiża. 

L-istampa messha staqsiet għala nbidlet il-liġi bil-mod kif inbidlet u jekk hux sew li min ikollu sentenza ta’ ħabs sospiża għal aktar minn sena jikkontesta għall-elezzjoni. Diġà għandna l-eżempju ta’ Norman Lowell li tħalla jikkontesta minkejja li ġie kkundannat ħmistax-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin. Meta wieħed jiftakar li l-parlamentari huma n-nies li jgħaddu l-liġijiet u huma mistennija li jagħtu eżempju, wieħed jistaqsi huwiex sew li min ġie kkundannat il-ħabs, anke jekk tali sentenza ġiet sospiża, jitħalliex jikkontesta fl-elezzjonijiet. Altru li le u fid-dawl ta’ dawn l-avvenimenti, huwa ferm evidenti li din il-bidla fil-liġi hija żbaljata u għandha tiġi riversjata.

Dawn l-iżviluppi xejn sbieħ jistgħu biż-żmien jimminaw il-fiduċja tal-elettorat fis-sistema politika tagħna bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħra. Fenomenu xejn sabiħ li jagħti lok għall-proċess perikoluż ta’ żbandament fis-soċjetà. Għalhekk, il-politiċi tagħna jagħmlu sew li joqogħdu attenti kif jimxu fi kwistjonijiet etiċi għax dak li jiżirgħu llum, forsi għal gwadann politiku limitat, jistgħu jaħsduh għada b’konsegwenzi xejn sbieħ

Twitter - @ellisjoseph

More in Blogs