
Il-każ ta’ Cyrus Engerer

Kien żball kbir li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx jaf li l-kandidat elettorali għall-Parlament Ewropew kellu jinqatalu appell in konnessjoni ma’ każ kriminali. Każ fejn Cyrus Engerer kien akkużat li xerred materjal pornografiku. Meta realistikament kien każ ta’ tixrid ta’ ritratti tal-eks tiegħu. Imma xorta waħda f’dan il-każ huwa każ kriminali.
Engerer ħallas prezz għoli għal din il-kummiedja. Kellu jirriżenja mill-kandidatura u aktarx dan hu t-tmiem tal-karriera politika tiegħu. Hija ħasra meta tikkunsidra li Engerer mhuwiex stupidu, huwa persuna kapaċi, u kien kruċjali biex l-unjoni ċivili tidħol fil-pajjiż. Matul l-aħħar tliet snin ħadem ħafna u dejjem żamm ruħu attiv fil-kamp Laburista.
Mal-aħbar tal-irtirar tal-kandidatura ta’ Engerer, Joseph Muscat ma tilifx ħin u mhux hekk biss ikkonverta l-każ Cyrus Engerer għal causus belli kontra l-Oppożizzjoni. Ħareġ fuq l-attakk u mill-ewwel fetaħ il-kanuni fuq l-Oppożizzjoni u b’iktar kawtela fuq il-ġudikatura. Għalkemm ma qal xejn, il-każ Engerer wera kif il-gvern ma għandux kontroll fuq l-istituzzjonijiet. Akkuża li ssirlu mill-Oppożizzjoni.
Kien xogħol l-Avukat Ġenerali li jipproċedi bl-appell? Dażgur li kien.
Daqs kemm hu xogħol il-Kummissarju tal-Pulizja li jagħmel xogħlu u ma jibqax jittrateni fuq affarijiet oħra ta’ importanza. Fosthom insemmu l-affarijiet li nstemgħu quddiem il-kumitat li kien qed jisma’ l-każ taż-żejt.
Il-każ ta’ Engerer żgur se jikkontribwixxi li joħorġu aktar Laburisti ferventi jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet, l-iktar meta jaraw kif aġġixxiet l-ġudikatura. Dan kollu ma jbiddilx il-fehma tagħna li kieku l-Prim Ministru kien jaf li seta’ kien hemm din il-possibbiltà ta’ appell, il-kandidatura ta’ Engerer kellha tkun temporanjament imwarrba.
It-Tfal tal-lum
Din il-ġimgħa smajna wkoll l-aħbar li erba’ tfajliet ta’ 15 il-sena ħarġu tqal wara mħatra bejniethom. L-aħbar malajr ġriet mal-erba t’irjieħ b’servizzi ġurnalistiċi fuq ir-radju u t-televiżjoni kif ukoll fuq il-mezzi soċjali b’kummenti ta’ kull xorta u minn kulħadd.
Fost l-aktar kummenti li spikkaw kien hemm dawk li qed jistaqsu x’inhu jiġri fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Fejn qed twassal u x’hemm bżonn li jinbidel. Id-domanda ta’ ħafna nies hi, x’qed iwassal lil dawn iż-żgħażagħ biex jagħmlu dawn l-affarijiet? Fejn qed infallu milli nwasslu l-messaġġ u t-tagħlim meħtieġ lil dawn iż-żgħażagħ li t-tfulija ma’ tispiċċax malli tifel jew tifla jaqbeż it-tnax-il sena?
X’tip ta’ tagħlim qed inwasslu fl-iskejjel tagħna lil dawn it-tfal dwar il-ħajja adulta sa minn kmieni qabel il-pubertà? Kemm qed ikunu preżenti l-ġenituri fit-trobbija ta’ wliedhom?
L-erba’ tfajliet ta’ 15 il-sena probabilment ma ddeċidewx din il-biċċa xogħol li joħorġu tqal mill-istess raġel f’temp ta’ 5 minuti waqt li kienu qed jieklu xi biċċa ċikkulata jew xi ġelat. Dawn it-tfajliet probabbli ħadmu komplott li dam għaddej minn tal-inqas għal numru ta’ ġimgħat.
Fl-ewwel parti tal-ftehim tagħhom probabilment iddiskutew min kellu jkun minnhom l-erba’ li se joħroġ miegħu l-ewwel u kif se jagħmlu biex dik magħżula tikkuntattjah kif ukoll x’se tagħmel biex ma tagħtix fil-għajn l-età tagħha ta’ minorenni.
Probabbli tkellmu wkoll dwar kif it-tfajla se tistiednu jkollu x’jaqsam magħha sesswalment u tikkonvinċih biex l-att isir mingħajr ebda tip ta’ protezzjoni. Dawn m’humiex affarijiet li jsiru mingħajr ebda ħsieb.
Ma nafux jekk xi waħda minnhom ħassitx xi tip ta’ rimors u jekk forsi ġietx fid-dubju tkomplix din l-avventura. Jekk kien il-każ setgħet liberament tinħall jew kellha xi biża’ li tkun vittma ta’ xi tip ta’ bullying minnhom? Id-domandi ma jiqfux.
Hemm ukoll ir-responsabbiltà tar-raġel involut li minħabba sigrieti etiċi ma nafux jekk hu stess hux minorenni bħalhom jew adult. Jekk hu minorenni, allura dan it-tifel ukoll qiegħed f’bawxata liema bħala għal għomru u li mhu se jinsa qatt kemm idum ħaj. F’każ li hu maġġorenni, dan għandu jagħti kont ta’ għemilu mingħajr ebda riżervi.
It-tfal tal-lum mhumiex it-tfal tal-bieraħ u dak kollu li qegħdin jagħmlu wliedna llum hu biss frott tat-tagħlim li qed jirċievu kemm mis-sistema edukattiva tagħna kif ukoll mill-ambjent tad-dar u l-familja li jitrabbew fiha. It-tfal tal-lum aħna lkoll responsabbli ta’ għemilhom.